Waterpolo: Intervista maċ-champion tad-dinja Stefano Luongo

  • Aww 14, 2019 00:34
  • Miktub minn iNews
"

    Stefano Luongo twieled fil-belt Taljana ta’ Chiavari nhar il-5 ta’ Jannar 1990 u llum il-ġurnata għandu 29 sena.

    Huwa jilgħab il-waterpolo mat-team nazzjonali Taljan kif ukoll huwa akkwist ġdid ta’ Pro Recco. Ħuh huwa Michele Luongo li wkoll jilgħab il-waterpolo ... ma’ Rari Nantes Salerno.

    Dan l-isport huwa tradizzjoni kbira tal-familja min­ħab­ba li kemm missieru kif ukoll ħutu jilagħbu l-waterpolo.

    Kienet xi ħaġa naturali għal Stefano li ta’ sitt snin jidħol jagħmel l-ewwel passi tiegħu f’din il-logħba tant sabiħa.

    Matul il-karriera tiegħu rebaħ diversi unuri li jaf joffri l-waterpolo domestiku kif ukoll dak nternazzjonali.

    Ftit tal-jiem ilu sar champion tad-dinja wara li fil-finali kien parti mill-famuż Il Settebello immexxi minn Alessandro Campagna li għeleb lil Spanja bl-iskor ta’ 10-5.

    Għalih dan kien it-tieni unur li rebaħ mat-team nazzjonali Taljan wara li kienu diġá spiċċaw champions tad-dinja fil-kampjonati li saru f’Zagreb.

    Fil-qasam domestiku huwa rebaħ darba l-kampjonat kif ukoll 13-il darba l-Coppa Italia.

    Stefano Luongo lagħab ma’ diversi timijiet fil-kar­riera tiegħu fosthom Chiavari, Soli, Camogli, Pro Recco, Acquachiara u Sport Management.

    F’Ġunju li għadda huwa ffirma kuntratt sabiex ser jerġa’ jilbes il-kappa ta’ Pro Recco li inċidentalment hu­ma ċ-champions attwali.

    B’kollox huwa lagħab 29 partita mat-team nazzjonali Taljan.

    Ftit tax-xhur Luongo kien sospiż għal 15-il ġurnata mill-federazzjoni tal-waterpolo Taljana wara li tella’ xi kummenti fuq il-profil soċjali tiegħu fuq Facebook li xejn ma niżlet tajjeb.

    Fiha hu kkritika bl-aħrax il-kontroll tar-referees. Il-captain ta’ BPM ma setax jilgħab l-aktar logħbiet kruċjali tal-istaġun biex b’hekk tilef il-fażi tal-final 6.

    Kollox ma’ kollox ma kienx staġun daqstant  di­żappuntanti għal Luongo li spiċċa l-aqwa skorer tal-istaġun b’81 goal filwaqt li kien parti mis-suċċess tat-team li spiċċa fit-tieni post wara Pro Recco.

    Mhux ta’ b’xejn li ħafna tawh il-laqam ta’ bomber minħabba l-goals verament importanti li jiskorja.

    L-obbjettiv ta’ Luongo issa huwa t-team nazzjonali li qed jipprepara għal tournament kbir li ser isir fis-sena 2020.

    Fuq kollox Luongo għandu l-obbjettiv li jkompli jirbaħ­ kemm mat-team nazzjonali Taljan kif ukoll anke mat-team ta’ Pro Recco minħabba li jinsab fl-aqwa tal-karriera tiegħu fil-waterpolo

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

    Jien kelli l-familja kollha nvoluta fl-isport tal-ilma u għalhekk nista’ ngħid li kienet għażla naturali dik li nkun player tal-waterpolo.

    Fil-fatt missieri u ħuti kollha kienu jilagħbu l-waterpolo u ħassejt li jien għandi nkompli mat-tradizzjoni tal-familja.

    Niftakarni dejjem il-pix­xina naraw lil missieri jilgħab. Kelli sitt snin meta qbadt l-ewwel ballun tal-waterpolo b’idi.

    Qabel konna norganizzaw logħob żgħir bejnietna l-aħwa min jiskorja l-aktar goals fl-ilma.

    Insomma dan il-bidu tiegħi fil-waterpolo nibqa’ niftakru matul ħajti kollha għax kien żmien ferm sabiħ.

    Kemm huwa importanti li player tal-waterpolo jkun ukoll għawwiem tajjeb?

    Naħseb hi xi ħaġa fundamentali li player li jilgħab il-waterpolo jkun jaf jgħum sew.

    Illum il-ġurnata l-logħob hu ferm veloċi u għalhekk trid tagħmel minn kollox biex tantiċipa l-mossa li ser ikun qed jagħmel l-avversarju tiegħek.

    B’hekk il-moviment li trid tagħmel mingħajr ballun huwa aktar minn dak li tagħmel bil-ballun.

    Trid issib spazju biex tix­xuttja iżda fuq kollox biex tkun liberu biex iqassmulek il-ballun.

    Dawn il-movimenti tista’ tiksibhom dejjem jekk tkun għawwiem tajjeb.

    X’jidhirlek mir-regoli l-ġodda li daħlu fis-seħħ fil-logħba tal-waterpolo?

    Naħseb li dawn ir-regoli ser jagħmlu l-logħba tal-waterpolo waħda ferm spettakolari. Ser ikun hemm inqas laxkezzi u aktar logħob ve­loċi.

    Dawn ir-regoli jfakkruni fil-goal li għamel Francesco de Fulvio fil-logħba li s-Settebello lagħbu kontra l-Ungerija.

    Kien goal tal-istampi li rriżulta wkoll deċiżiv għall-konfini tal-kwalifikazzjoni. Żgur li bir-regoli l-antiki, dan il-goal ma kienx isir.

    Int fil-passat kont til­għab ma’ Marsaxlokk Waterpolo Club. X’tiftakar minn dan iż-żmien?

    Bla dubju li Marsaxlokk Waterpolo Club iġibuli memorji sbieħ ħafna.

    Magħhom kont irbaħt is-Super Cup u tista’ tgħid li kelli staġun mill-aqwa.

    Hawnhekk ħassejt li n-namra għall-waterpolo żdie­det minħabba l-ambjent sa­biħ li hawn.

    Il-livell f’pajjiżkom huwa wieħed għoli u jien li naf sew lil Christian Presciutti u lil Valentino Gallo, nista’ ngħid li nħoss ħafna l-fatt li ma rġajtx ġejt nilgħab hawn.

    Dan il-kampjonat tas-sajf jagħti ċans lil dawk il-players barranin sabiex jibqgħu jżommu l-livell għoli f’dan l-isport u għalhekk huwa ideali li tikkompeti fih.

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek dwar it-team nazzjo­nali Malti mmexxi minn Karl Izzo?

    It-team nazzjonali Malti għamel titjib konsiderevoli u mhux ta’ b’xejn li rnexxielu jikkwalifika għall-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kam­pjonat Ewropew.

    Karl Izzo huwa wieħed minn dawk il-personaġġi tal-waterpolo lokali li xprunaw dan il-progress kollu. Jien nafu sew u nitkellmu ħafna mhux biss fuq teknika u tattika iżda wkoll għax huwa ħabib personali tiegħi.

    Hu, flimkien ma’ dawk kollha nvoluti, qed jagħmlu biċċa xogħol tajba fis-settur taż-żgħażagħ u l-futur għall-waterpolo Malti jidher ferm sabiħ.

    Intom irbaħtu l-kampjonat dinji ftit tal-jiem ilu meta fil-finali li saret fi Gwangju rbaħtu lil Spanja. Kif ħassejtkom wara li ntem­met il-partita?

    Bil-kliem naħseb li ma jkunx biżżejjed biex niddeskrivilek x’ħassejna wara li spiċċat il-partita.

    Kien ferħ indeskrivibbli u li meta niftakar ġismi jqumli xewk xewk.

    Fl-opinjoni tiegħi ħloqna l-partita perfetta u ħsadna lill-avversarji tagħna fil-mumenti l-aktar kruċjali tal-logħba.

    Aħna lgħabna bħal iljuni kontra avversarju xejn faċli meta tqis li Spanja ġabu fix-xejn timijiet bħas-Serbja u l-Kroazja.

    Il-kuraġġ li dħalna bih għenna sabiex immansajna lill-Ispanjoli.

    Kellimni dwar it-team Taljan li tilgħab miegħu int jiġifieri Pro Recco.

    Pro Recco hu wieħed mit-timijiet ewlenin fl-Italja. Huwa wieħed mill-aqwa timijiet li hawn fix-xena tal-waterpolo internazzjonali.

    Huma jieħdu ħsiebek bħalma t-timijiet tal-football jittrattaw lill-players tagħ­hom. Jien ninsab kuntent magħhom iktar u iktar meta dan huwa t-team champion tal-Italja.

    Qed issegwi x’inhuma jagħmlu Marsaxlokk matul dan l-istaġun?

    Iva nsegwi ħafna mill-internet dak li jkunu qed jagħmlu u kuntent ħafna b’dak li qed jirnexxielhom jiksbu. Jien il-partitarju numru wieħed ta’ dan it-team.

    X’inhu l-futur tiegħek?

    Issa se nibda avventura ġdida ma’ Pro Recco u nittama li nkun nista’ nagħti sehmi sabiex dan it-team jibqa’ fil-quċċata.

    Min-naħa l-oħra ħafna staqsewni jekk hux ser nerġa’ niġi Malta u nilgħab fil-kampjonat tas-sajf. Hi x-xewqa tiegħi li nagħmel dan imma kollox isir meta jkun f’ħinu u f’waqtu.

    Nixtieqek tgħaddi mes­saġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jibdew karriera ġdida fil-waterpolo.

    Tipprattika x’tipprattika sport, l-importanti hu dej­jem li tieħu gost tagħmlu.

    L-isport jagħtik ħafna sodisfazzjon, jegħleb ħafna vizzji u fuq kollox jgħinek biex ma tkunx għażżien.

    Jagħtik qawwa psikoloġi­ka kbira li wara kollox tgħinek biex tiffaċċja mill-aħjar li tista’ l-isfidi li jkollok fil-ħajja ta’ kuljum.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0