Rabtuha b’katina, ittorturawha b’ħadida taħraq u stuprawha

  • Aww 18, 2019 08:09
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    “Wara tant snin li ilni nara każi terribbli ta’ traffikar tal-persuni, l-aktar każ fiżiku li xxokkjani kien dak ta’ tfajla żgħira ta’ 16-il sena li ġiet marbuta b’katina mas-sodda, bħallikieku kienet xi kelba, ġiet ittorturata b’ħadida taħraq fuq il-ġilda tagħha u mbagħad ġiet stuprata biex ikissruha kompletament. L-istupru ta’ din it-tfajla tant kien brutali, li t-tobba kellhom ineħħulha l-ġuf minħabba l-ħsara li għamlulha dawk li ttraffikawha u struprawha.” 

    Din hi esperjenza li rrakkontatilna Esohe Agathise, avukata internazzjonali li taħdem b’risq in-nisa li jiġu ttraffikati u d-Direttriċi Eżekuttiva tal-Assoċjazzjoni Iroko Onlus. Din l-organizzazzjoni taħdem kontra l-vjolenza fuq in-nisa, filwaqt li tassisti nisa li jkunu ġew traffikati, b’mod speċjali min-Niġerija lejn l-Italja, għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. 

    Fl-aħħar jiem, din l-avukata kienet f’pajjiżna biex tagħti sessjonijiet ta’ taħriġ lil numru ta’ impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li jaħdmu proprju f’dan is-settur u jipprovdu l-appoġġ li jkun hemm bżonn lil nies li jkunu għaddew minn din it-trawma. 

    Agathise isse se tkun qiegħda sservi ta’ Team Leader fi programm li se jsir f’Edo State fin-Niġerija. Il-programm li jismu “Stamping Out Slavery in Nigeria” ngħata fondi mill-Government Department for International Development tar-Renju Unit u jkun utli għal pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jekk jappoġġjawh jew jissieħbu f’din l-inizjattiva. 

    F’intervista ma’ inewsmalta, Agathise stqarret li ma tistax titkellem dwar każ li hu agħar minn ieħor fit-traffikar uman, peress li kollha huma affarijiet terribbli. Madankollu, dan il-każ li semmitilna għaliha hu l-agħar każ fiżiku li qatt iltaqgħet miegħu u l-iktar wieħed li xxokkjaha. 

    Il-kelliema bdiet tispjega li bħalma hemm imniżżel f’Artiklu 3 tal-Protokoll ta’ Palermo, it-traffikar tal-persuni jinvolvi l-ingaġġ, it-trasportazzjoni, it-trasferiment u r-riċeviment ta’ persuni permezz ta’ theddid jew inkella użu tal-forza u forom oħra ta’ persważjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta’ poter, permezz ta’ vulnerabilità, jew inkella billi jingħataw flus jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna biex tikkontrolla persuna oħra li trid tisfruttaha. 

    Tispjega li dan normalment jinkludi mill-inqas sfruttament sesswali u prostituzzjoni; xogħol u servizzi sforzati; skjavitù u prattiċi simili; servitù; tneħħija ta’ organi u prattiċi oħrajn. Għaldaqstant, tgħid li kull forma ta’ traffikar hi vjolenza, li tinvolvi l-użu ta’ vjolenza fiżika, psikoloġika u emozzjonali fuq il-vittmi. Tistqarr li din il-vjolenza tħalli marki fiżiċi, psikoloġiċi u emozzjonali li huma diffiċli ħafna biex ifiqu. Tispjega li l-vittmi jitilu s-sens ta’ identità u kemm jiswew, jibdew jemmnu li mhumiex nies denji li jkunu umani b’ħajja normali, filwaqt li jitilfu l-awtonomija u l-indipendenza. 

    Agathise tispjega li l-att li tiġi traffikat hu minnu nnifsu trawmatiku u l-vittmi jsofru minn post-traumatic stress disorders, li huma simili għal dawk li jsofru minnhom il-veterani tal-gwerra. Tgħid li ġieli t-trawma tkun anke aktar gravi minn hekk. Tispjega li għall-parti l-kbira tal-vittmi jridu jgħaddu ħafna snin biex ifiqu mit-trawma li ġew ittraffikati u biex jerġgħu jibdew jaħdmu b’mod normali. Min-naħa l-oħra, tistqarr li sfortunatament hemm vittmi li qatt ma rnexxielhom jgħaddilhom kompletament minn din it-trawma.

    Din l-avukat tispjega li biex dawn il-vittmi jkunu jistgħu jegħlbu t-trawma li jkunu għaddew minnha jkollhom bżonn appoġġ konsistenti u robust mill-istat, mill-familji u l-ħbieb. Min-naħa l-oħra, tispjega li għal dawk il-vittmi li jkunu ġew traffikati għal sfruttament sesswali, allura jkun forom oħra ta’ trawma u vjolenza li jsofru, fosthom dipressjoni, rispons aktar qawwi għall-istress, nuqqas ta’ rqad, frustrazzjoni, użu akbar ta’ alkoħol u droga u diżassoċjazzjoni. 

    Din tal-aħħar tiġri partikolarment lil dawk li jkunu sofrew xi torturi, kienu ostaġġi jew inkella jgħaddu minn xi tip ta’ abbuż sesswali. Huma jinqatgħu minn mar-realtà emozzjonali u jinqatgħu minn ma’ ġisimhom biex jiddiżassoċjaw ruħhom minn ma’ dak li jkun qed jiġrilhom. Dan hu impatt sever tal-abbuż sesswali, iżda hu parti neċessarja fil-prostituzzjoni għax jintuża min-nisa bħala strateġija biex jibqgħu ħajjin. Dan kollu juri kemm hu qawwi l-impatt tat-traffikar fuq il-vittmi u kemm hu wkoll dejjiemi. 

    In-nisa u t-tfal l-aktar suġġetti għat-traffikar

    Mistoqsija dwar jekk humiex dejjem in-nisa u t-tfal li jiġu ttraffikati, Agathise qalet li t-traffikar hu reat ta’ mibgħeda li jsir kontra ġeneru speċifiku. Għalhekk, il-vittmi prinċipali tiegħu huma n-nisa u t-tfal. Tispjega li l-akbar forma ta’ traffikar hi relatata ma’ skopijiet sesswali u fil-fatt għalhekk l-akbar ammont ta’ vittmi huma nisa u tfal. 

    Tispjega wkoll li filwaqt kemm l-irġiel u n-nisa jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar, in-nisa huma suġġetti għal forom oħra ta’ sfruttament fl-istess kuntest tat-traffikar. Eżempju, meta n-nisa jiġu traffikati għal xogħol sforzat, ħafna drabi jispiċċaw sfruttati sesswalment waqt dan il-proċess. 

    Anke t-tfal ħafna drabi jispiċċaw fl-istess sitwazzjoni, peress li huma l-aktar żewġ gruppi vulnerabbli u l-inqas li kapaċi jiddefendu lilhom infushom. Għalhekk, hemm diversi tipi ta’ traffikar fejn in-nisa u t-tfal jispiċċaw traffikati għal raġunijiet oħra. B’mod speċjali ssemmi li t-tfal bniet jispiċċaw l-aktar vittmi peress li jkunu faċli għat-traffikanti biex jiddominawhom u jisfruttawhom. 

    Tgħid ukoll li ħafna drabi l-isfruttament tan-nisa u t-tfal hu inqas faċli li tiskoprieh u tipprevenieh għax huma l-inqas faxex ta’ nies li jirribellaw jew li jipprovaw jaħarbu. Fil-fatt, tispjega li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma nisa u bniet, li jammontaw għal 71% tal-vittmi tat-traffikar madwar id-dinja. 

    Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni

    Inewsmalta staqsiet lil Esohe Agathise dwar jekk fix-xogħol tagħha ltaqgħetx ma’ xi tendenzi tat-traffikanti li huma komuni bejniethom. Min-naħa tagħha, l-avukata spjegat li l-aktar tendenza importanti li nnotata hi l-kapaċità li għandhom it-traffikanti biex jaddattaw għall-bidliet fl-approċċ li jsir mill-Gvernijiet u awtoritajiet oħra li jkunu qegħdin jaħdmu kontra dan il-fenomenu. 

    Għaldaqstant, tispjega li l-pajjiżi jridu jżommu dan f’moħħhom meta jiġu biex jiġġieldu u jnaqqsu t-traffikar. Fost l-oħrajn, issemmi l-bżonn li jkun hemm liġijiet adegwati li jippenalizzaw lit-traffikanti, filwaqt li jipproteġu lin-nies vulnerabbli. Irid ikun hemm ukoll strutturi legali u soċjali adegwati li jiżguraw li n-nies ma jkunux vulnerabbli biex jiġu sfruttati. Dan isir billi jkun hemm liġijiet kontra l-isfruttament tal-ħaddiema u tal-immigranti. Trid ukoll tiskoraġġixxi u tnaqqas id-domanda għax-xogħol bl-irħis billi tiżgura li globalment, il-pajjiżi jipprovdu liġijiet li ma jippermettux lil min iħaddem biex jisfrutta ħaddiema minn pajjiżi differenti. Issemmi wkoll li l-pajjiżi għandhom jiskoraġġixxu, jnaqqsu u jeliminaw id-domanda għal servizzi ta’ sess bi ħlas bħall-prostituzzjoni u l-pornografija li b’mod ċar tgħid li jinkoraġġixxi t-traffikar tan-nisa u l-bniet għall-isfruttament sesswali. 

    Barra minn hekk, Agathise tgħid li l-pajjiżi għandhom jipprovdu appoġġ soċjali u finanzjarju adegwat lil dawk iċ-ċittadini żvantaġġjati, b’mod speċjali lir-romol, single-mothers, nisa u tfal illitterati u dawk b’edukazzjoni baxxa. 

    Fuq livell globali, hi tispjega li hemm diversi konvenzjonijiet, protokolli, riżoluzzjonijiet u liġijiet li ġew mgħoddija biex jiġġieldu jew inaqqsu t-traffikar. Fosthom issemmi l-Protokoll ta’ Palermo, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Umani, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-OSCE, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ouagadougou, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-ASEAN kontra t-traffikar tal-Persuni, b’mod speċjali n-nisa u t-tfal u diversi pjani, mekkaniżmi u liġijiet oħra kontra t-traffikar. 

    Bosta nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati

    Barra minn hekk, Agathise qalet li hemm diversi gvernijiet li qegħdin jieħdu azzjoni biex jidentifikaw il-vittmi biex jipproteġuhom u lit-traffikanti biex jippenalizzawhom. 

    Madankollu, tistqarr li dak li qed isir mhux biżżejjed. Tispjega li l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini, ta’ tranżitu u d-destinazzjonijiet mhix adegwata, jekk mhux ukoll assenti. Anke fejn tidħol qsim ta’ informazzjoni, din mhix komprensiva u t-traffikanti jafu biha, allura jieħdu vantaġġ minnha. 

    Fattur ieħor li hu nieqes hu l-bżonn ta’ filtri soċjali li jipproteġu lin-niess vulnerabbli biex ma jaqgħux vittmi għat-traffikanti mal-ewwel. Imbagħad hemm ukoll il-protezzjoni ta’ dawk l-aspetti soċjali tas-soċjetà li jsostnu direttament u jinkoraġġixxu t-traffikar. Dawn jinkludu fost l-oħrajn il-legalizzazzjoni tal-kummerċ tas-sess u l-penalizzazzjoni tal-prostituti, meta suppost dawk li jħaddmuhom u li jużaw is-servizzi tagħhom li jridu jiġu penalizzati. Issemmi wkoll nuqqas adegwat ta’ fondi biex ikun żgurat li l-vittmi tat-traffikar jingħataw l-appoġġ meħtieġ u biex ikun miġġieled it-traffikar. 

    L-impatt soċjo-ekonomiku tat-traffikar

    It-traffikar mhux biss jaffettwa lin-nies iżda anke lill-pajjiż. Fil-fatt, Agathise tispjega li għandu impatt li jagħmel ħafna ħsara. L-ewwel nett, issemmi li jagħmel ħsara lir-riżorsa umana mill-pajjiżi tal-oriġini, filwaqt li jwassal għal kunflitti soċjali fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. 

    Tispjega li ċ-ċittadini tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni ħafna drabi jħarsu lejn il-vittmi tat-traffikar bħala theddida, l-aktar minħabba li dawn il-persuni jiġu sfruttati u mħallsin bix-xejn. 

    Il-kelliema tgħid ukoll li t-traffikar iwassal ukoll għal telf kbir f’taxxi, fejn it-traffikanti joħorġu l-flus permezz ta’ attivitajiet illegali mill-vittmi li ma jistgħux jaħdmu u jikkontribwixxu lejn is-soċjetà. 

    Issemmi wkoll l-impatt soċjali u tas-saħħa minħabba t-trawma li jsofru l-vittmi u r-rati għolja ta’ mard trażmess sesswalment. Finalment, tgħid li jħalli wkoll impatt fuq il-kriminalità għax jiżdiedu l-attivitajiet kriminali li minnhom it-traffikanti jaqilgħu iżjed flus. Għalhekk tisħaq li hu fl-interess tal-pajjiż li jiġġieled it-traffikar f’kull forma u jipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-vittmi. 

    Kontra l-legalizzazzjoni jew ir-regolazzjoni tal-prostituzzjoni

    Esohe Agathise tispjega li hi kontra l-legalizzazzjoni u r-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni. Temmen bis-sħiħ li l-prostituzzjoni hi waħda mill-agħar forom ta’ vjolenza u sfruttament tan-nisa li qatt tista’ teżisti u tgħid li din tippromwovi t-traffikar tan-nisa. Għalhekk issostni li l-ebda pajjiż m’għandu jittama li jeqred it-traffikar billi jinkoraġġixxi l-bejgħ tan-nisa, irġiel jew tfal fl-industrija tas-sess. 

    Tgħid ukoll li l-legalizzazzjoni u r-regolazzjoni tal-prostituzzjoni tippromwovi l-attivitajiet kriminali, b’mod speċjali fin-nisa u t-tfal. Allura tkun tfisser li stat jippermetti d-diżumanizzazzjoni tan-nisa u t-tfal bħala oġġetti għall-bejgħ u għall-gratifikazzjoni sesswali. Tgħid ukoll li b’dan il-mod tespandi l-industrija tas-sess hekk kif taqdi lil talbiet akbar minn dawk li jixtru. 

    Iktar minn hekk, Agathise tgħid li dan ma jippromwovix id-drittijiet tan-nisa u t-tfal u ssostni li dan jista’ jkun żball kbir jekk isir minn xi stat. Tgħid li biex stat jiffaċċja l-kwistjoni tal-prostituzzjoni hu permezz tal-mudell NORDIC li hu bbażat fuq tliet prinċipji: id-dekriminalizzazzjoni tal-prostituti; it-tnaqqis fid-domanda għal servizzi bi ħlas billi tagħmel penali għal servizzi bil-flus; u appoġġ finanzjarju adegwat biex tgħin lil prostituti li jixtiequ joħorġu minn din l-industrija mingħajr riskji. 

    X’miżuri jridu jittieħdu kontra t-traffikar

    F’dan il-kuntest, staqsejna wkoll lil din l-esperta dwar il-miżuri li jridu jittieħdu minn pajjiż biex jelimina jew inaqqas it-traffikar tal-persuni. Agathise qalet li pajjiż irid ikollu kundizzjonijiet tax-xogħol li ma jippermettux l-isfruttament tal-ħaddiema. Barra minn hekk, irid jipprovdi l-appoġġ lill-vittmi, filwaqt li jisma’ l-esperjenzi ta’ dawk li jirnexxielhom joħorġu minn din it-trawma. Semmiet ukoll il-bżonn li tonqos id-domanda għal xogħol bl-irħis u għal servizzi sesswali bi ħlas.  

    Tgħid li dan kollu ma jistax isir minn pajjiż waħdu, iżda jrid ikun hemm kollaborazzjoni u aktar bdil ta’ informazzjoni permezz ta’ approċċ aktar komprensiv u integrat. 

    Kif m’għandux jingħata l-appoġġ lill-vittmi tat-traffikar

    Staqsejna wkoll lil din l-esperta dwar kif għandu jingħata l-appoġġ lill-vittmi tat-traffikar, iżda hi qaltilna li l-aħjar tweġibna dwar dak li m’għandux jingħatalhom minflok. 

    Filwaqt li kkwotat il-kliem ta’ Lord McColl, hi spjegat li jekk ngħinu lin-nies biss biex jaħarbu mill-iskjavitù, noffrulhom għajnuna b’emerġenza u protezzjoni għal żmien qasir, mingħajr ma ngħinuhom jibnu futur għalihom infushom, allura se nerġgħu nħalluhom fl-istat vulnerabbli minn fejn bdew. Jispjega li jekk irridu neliminaw it-traffikar, allura rridu naqtgħu li jerġa’ jseħħ iċ-ċiklu. 

    Għalhekk, Lord Mc Coll jisħaq li għandha nidentifikaw il-vittmi; nagħtuhom appoġġ adegwat, fosthom permess ta’ residenza jekk ikun hemm bżonn; u nagħtuhom soluzzjonijiet fit-tul li jinvolvu appoġġ mingħajr kundizzjonijiet. Jirreferi wkoll għall-konvenzjonijie internazzjonali u l-protokolli u jgħid li dawn għandhom diversi proviżjonijiet tal-appoġġ li jrid jingħata u għalhekk jgħid li hu importanti li l-istati jirrspettaw dawn l-istrumenti legali. 

    It-traffikar f’Malta… jista’ jkun li mhux rikonoxxut

    Filwaqt li stqarret li mhix familjari ħafna mas-sitwazzjoni tat-traffikar f’Malta, Agathise qalet li dak li hu evidenti hu li t-traffikar ilu jsir għal ħafna żmien, iżda mhux rikonoxxut bħala tali. Spjegat li hemm diversi tipi ta’ traffikar u għalhekk jista’ jkun li f’Malta hawn aktar għarfien dwar tip ta’ traffikar minn ieħor. 

    Spjegat li t-traffikar qed iseħħ kuljum fil-beraħ iżda ma nindunawx big minħabba raġunijiet soċjali, politiċi u anke kulturali. Għalhekk tgħid li l-pajjiżi għandhom iħarsu aktar fil-fond biex jidentifikaw u jindirizzaw it-traffikar. Tgħid li l-vittmi huma wisq imbeżżgħin u vulnerabbli biex jitkellmu mal-awtoritajiet, b’mod speċjali minħabba l-kuntest legali jistgħu jiġu penalizzati jekk ikunu f’pajjiż illegalment. 

    Agathise tgħid li l-aktar forma komuni ta’ traffikar hi dik għas-sess u ssostni li anke f’pajjiżna jista’ jkun li hawn inċidenza qawwija. Tispjega li l-vittmi f’dan il-qasam tat-traffikar huma l-aktar vulernabbli u allura dawn in-nies jipprovaw iżommu lilhom infushom inviżibbli. 

    Mistoqsija dwar jekk l-immigrazzjoni illegali tikkontribwixxi għal żieda fit-traffikar uman, Agathise qalet li l-fatt li l-pajjiżi s-sinjuri jirrifjutaw milli jaċċettaw modi legali kif immigranti minn pajjiżi barra l-Ewropa jidħlu b’mod legali u jikbsu residenza legali, ikkontribwiet ħafna għat-traffikar uman. Madankollu, tgħid li l-applikazzjoni irregolari tal-globalizzazzjoni, li tiġi użata għall-isfruttament tal-ħaddiema minn pajjiżi foqra, hi kontributur qawwi għat-traffikar. Tgħid li hemm bżonn li l-pajjiżi sinjuri jieqfu jaraw id-dinja minn lenti qasira li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom u jibdew jagħrfu l-konnessjoni bejn il-pajjiżi kollha tad-dinja u l-bżonn tal-iżvilupp ta’ kulħadd. 

    Rigward l-għaqdiet non-governattivi li jgħinu lill-immigranti, Agathise qalet li ssegwi l-iżviluppi mill-qrib u żaret diversi kampnijiet tar-refuġjati fl-Italja u fi Franza. Tistqarr li l-għaqdiet non-governattivi qed jagħmlu ħafna xogħol umanitarju, filwaqt li ssostni li ma tħossx li hu minnu li ċ-ċittadini fil-pajjiżi huma razzisti daqskemm tingħata l-impressjoni. Tgħid li rat ħafna solidarjetà min-nies komuni u xewqa li jassistu lill-immigranti. Qalet li dan ma jfissirx li ma jeżistix ir-razziżmu, iżda qalet li dawn huma l-eċċezzjoni aktar milli r-regola. Saħansitra tgħid li huma l-politiċi ta’ ċerta pajjiżi li jużaw il-wasla ta’ dawn l-immigranti bħala skuża biex joħolqu problema li taljena lin-nies mill-problemi ta’ qgħad, nuqqas ta’ ugwaljanza, faqar u kwistjonijiet soċjali. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0