“Lill-anzjani, b’naqra ħin u attenzjoni ttellagħhom il-ġenna” - ħidma kontra s-solitudni fit-tielet età

  • Aww 18, 2019 10:58
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Ir-rwol tal-Kummissarju tal-Anzjani ġie stabbilit taħt l-Att tal-Kummissarju għall-Anzjani, Kapitlu 553 tal-Liġijiet ta’ Malta bis-setgħa li jippromwovi u jissalvagwardja l-interessi tal-anzjani u jinvestiga kwalunkwe allegat ksur tad-drittijiet tal-anzjani. Inewsmalta ltaqgħet mal-Kummissarju ġdid għall-Anzjani, it-tabiba Mary Vella, biex tgħidilna x’inhuma l-prijoritajiet fuq l-aġenda tagħha issa li ħadet dan ir-rwol tant importanti għall-ħarsien tal-anzjani f’pajjiżna. Vella sostniet li, “waħda mill-akbar weġgħat li jgħaddu minnha l-anzjani hija s-solitudni. Ħafna anzjani jqattgħu ħafna mill-ħin waħidhom u dik tweġġahom ħafna wara li ħafna minnhom ikunu batew biex rabbew familja. Sfortunatament, bil-ħajja mgħaġġla tal-lum kulħadd jiġġieled mal-ħin, imma jkun sabiħ li kulħadd jirriserva ftit tal-ħin biex iżur lill-qrabat anzjani li b’dik in-naqra ħin u attenzjoni li jkunu ngħataw ittellahom il-ġenna.”

    Gradwata bħala tabiba fil-mediċina u kirurġija fl-1979, Vella mill-1979 tat servizz fis-settur tas-saħħa fosthom fl-Isptar San Luqa fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u fid-dipartiment tal-kura primarja fejn speċjalizzat fil-qasam tas-saħħa tal-familja. Hija serviet bħala clinical tutor fid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Familja fl-Università ta’ Malta u ċċertifikata bħala GP trainer fis-saħħa tal-familja. Vella waqfet taħdem bħala GP meta laħqet l-età tal-irtirar sentejn ilu. 

    Maħtura bi qbil unanimu tal-Kamra tar-Rappreżentanti, din il-Kummissarju għall-Anzjani għamlet intervista ma’ dan il-ġurnal fejn staqsejnieha dawn il-mistoqsijiet:

    Il-ħatra ġdida tiegħek bħala Kummissarju tal-Anzjani kienet pożizzjoni li dejjem xtaqt, immirajt għaliha jew waslet b’sorpriża?

    Matul il-karriera tiegħi ta’ 40 sena bħala tabiba tal-familja esperjenzajt problemi, ħtiġijiet, nuqqasijiet, xewqat u kundizzjonijiet tan-nies, speċjalment dawk ta’ età avvanzata. Minn dejjem kont interessata fuq is-suġġett tal-anzjanità, kemm bħala tabiba kif ukoll fl-interessi tiegħi fil-politika soċjali. Fraħt meta qrajt it-tnedija tal-istrateġija għall-anzjanità attiva għax kien ċar li din hija t-tip ta’ politika li l-anzjani għandhom bżonn biex jgħixu ħajja aħjar.

    Qatt f’mitt sena ma stennejt din in-nomina u għalkemm kont sorpriża, fl-istess ħin ħassejtni onorata b’dan il-privileġġ li nkun ta’ servizz u sostenn għall-anzjani kollha. Dan hu rwol li jien se nkun qiegħda naħdem bis-sħiħ fl-interess tal-anzjani u kommessa li nservihom mill-aħjar li nista’.

    X’inhuma fl-opinjoni tiegħek l-akbar problemi li jiffaċċjaw l-anzjani f’Malta?

    Jiena naħseb li l-akbar problemi għalihom huma s-solitudni u d-diffikultajiet emozzjonali. It-tbatijiet li jiffaċċjaw l-anzjani mhumiex biss dawk finanzjarji imma hemm dawk fiżiċi u emozzjonali. Waqt li problemi finanzjarji għal ċertu anzjani qegħdin hemm, waħda mill-akbar weġgħat li jgħaddu minnha hija s-solitudni. 

    Nixtiequ noħolquh għarfien fis-soċjetà. Is-solitudni fl-anzjani hija l-akbar tbatija li jsofru. Billi jkunu f’dar tal-anzjani, ma jfissirx li ma jħossux in-nuqqas tal-familja u ma jfissirx li la qegħdin f’post sigur, m’hemmx għalfejn iżuruhom. Sfortuntament dawn huma affarijiet li jiġru ta’ kuljum.

    L-uffiċċju tiegħi jqis din il-problema bħala prijorità u se naħdmu biex noħolqu għarfien mal-membri kollha tas-soċjetà kemm fost il-kbar u ż-żgħar, dwar dawn il-problemi tal-anzjani. Hawn ħafna anzjani waħedhom u m’għandhomx ma’ min jgħidu kelma. 

    Il-ħsieb hu li jkun hemm sistema li fiha kulħadd minn kull ġenerazzjoni, jgħinu lil xulxin u jkunu ta’ sostenn għal xulxin. Dan biex kulħadd jirrealizza u jaċċetta li din hija problema u kulħadd jagħti sehmu biex neqirdu s-solitudni fost l-anzjani. Hija sfida kbira imma hija sfida li nistgħu negħlbuha jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

    Tgħidilna l-proġetti tiegħek biex il-ħajja tal-anzjani tagħna tkun waħda aħjar?

    L-ewwel proġett ta’ prijorità kif semmejt qabel huwa li nqajjmu kuxjenza dwar is-solitudni fost l-anzjani u l-problemi kemm fiżiċi, kif ukoll mentali relatati mas-solitudni bħalma huma d-dipressjni, alkoħoliżmu u pressjoni għolja fost l-oħrajn. Dan l-għarfien jista’ jitwassal bl-użu ta’ mezzi differenti bħal programmi fuq il-midja u laqgħat mal-kunsilli lokali  fejn jiġu studjati mezzi kif il-kunsilli jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal dawn l-anzjani biex ikollhom aktar kuntatt mas-soċjetà. 

    Barra minnhekk nixtieq noħloq aktar għarfien fost l-anzjani dwar id-drittijiet tagħhom u nippromwovu aktar rispett mill-membri tas-soċjetà lejn nies aktar fl-età.

    “Naraw min hu l-aktar vulnerabbli…”

    Fil-qasam tas-saħħa l-anzjani jbatu finanzjarjament minħabba li ħafna jħossu li l-pensjoni hi baxxa speċjalment dawk li għandhom spejjeż ta’ mediċini. Taqbel? X’taħseb li jista’ jsir biex ikun indirizzat il-faqar fost l-anzjani?

    Diġà sar titjib fid-dħul finanzjarju b’żidiet fil-pensjonijiet f’dawn l-aħħar baġits. Barra minnhekk ħafna mill-mediċini tal-mard kroniku jingħataw bla ħlas. Ċerti nies jingħataw ukoll benefiċċju tal-mard skont il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom. 

    Però, għad baqa’ ħafna x’jista’ jsir għax hemm min hu fil-bżonn. Għandna naraw li l-affarijiet essenzjali ta’ kura jingħataw ukoll b’xejn għall-persuni l-aktar vulnerabbli b’mod speċjali dawk li huma aktar dipendenti fuq ħaddieħor. Dan diġà jsir fl-isptarijiet u djar tal-anzjani u rridu naraw kif u x’jista’ jsir biex dan is-servizz jitjieb.

    Is-solitudni hija ġerħa fost l-anzjani. Hemm xi programmi mmirati apposta biex jindirizzaw din il-problema? Barra minn hekk inti għidt li tixtieq tindirizza s-solitudni. Kif taħseb li se tagħmel dan?

    Diġà jeżistu servizzi fil-komunità bħal ‘home help service’ li mhux biss jagħti servizz ta’ għajnuna domestika, imma anke ta’ sostenn soċjali bejn l-anzjan/a u l-home helper. Fid-djar tal-anzjani jmorru l-kordinaturi ta’ attivitajiet. Hemm ukoll ċentri ta’ matul il-ġurnata fejn dawk li jattendu jistgħu jgawdu minn attivitajiet organizzati li jkun hemm. Dawn is-servizzi għandhom jissaħħu biex ikunu jistgħu jilħqu aktar nies. 

    Però, għad hemm ħafna x’jista’ jsir. Possibbiltà waħda hija li nibdew naħsbu b’mod intergenerazzjonali fejn persuni ta’ kull età, żgħażagħ u adulti jistgħu jkunu ta’ sostenn u għajnuna lil xulxin.

    Tikkonferma li hemm lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni fid-djar tal-anzjani? Bħalissa kemm hemm jistennew biex jidħlu? Hemm xi pjanijiet biex ikun hemm inqas perjodu ta’ stennija?

    Il-lista ta’ stennija u pjanijiet f’dan ir-rigward jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

    Strateġija nazzjonali  kontra l-abbuż fuq l-anzjani

    Kien hemm rapporti ta’ lmenti minn anzjani li jsofru minn negliġenza u/jew vjolenza minn familjari/carers. X’taħseb dwar dan? X’jista’ jagħmel anzjan li jkun f’din is-sitwazzjoni biex jingħata l-għajnuna? Tafu b’xi każi simili?

    L-abbuż fuq l-anzjani hi ġerħa li lili tweġġgħani ħafna. L-abbuż jista’ jiġi minn kull lat, kemm mill-familja kif ukoll minn min hu responsabbli mill-kura tagħhom. Abbuż jista’ jkun kemm fiżiku, emozzjonali, finanzjarju, kif ukoll morali. Ix-xewqa tiegħi hija li flimkien mal-imsieħba soċjali konċernati titfassal strateġija nazzjonali kontra l-abbuż.

    Każ partikolari mwassal lil dan il-ġurnal huwa dak ta’ anzjana li wara li weġgħet meta waqgħet, din ittieħed l-isptar Mater Dei u wara St Vincent de Paule, iżda qatt ma reġgħet ħadet ir-ruħ u tħalliet żdingata f’kamra bla arja u l-ħwejjeġ ġo borża taż-żibel. Il-persuna li kellmitna huwa tabib u qal li l-isptar l-unika ħaġa li kienu jindirizzaw hi l-kwistjoni li se jibdew jieħdu l-pensjoni tal-anzjana rikoverata għandhom u mhux dwar saħħitha u l-progress/regress tagħha. Huwa qalilna li hemm nuqqasijiet kbar fl-istparijiet għall-kura xierqa u umana tal-anzjani. Bħal dan il-każ hemm oħrajn irrapportati. Bħala kummissarju ġdid tal-anzjani x’miżuri se tieħu biex dawn l-affarijiet jiġu indirizzati?

    Bħala Kummissarju qiegħda naħdem bis-sħiħ mal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali li hi l-entità li tirregola dan is-settur. Fil-fatt ftit tal-jiem oħra se niffirmaw ftehim biex insaħħu l-ħidma tagħna bil-għan li nħarsu l-aħjar interessi tal-anzjani. L-Awtorità wkoll permezz ta’ numru ta’ viżti, qiegħda ddur id-djar tal-anzjani biex tassigura li qed jingħata servizz xieraq. F’każ ta’ negliġenza fis-servizzi mogħtija lill-anzjani, il-Kummissjoni se tkun qiegħda taħdem mal-Awtorità biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0