[FILMAT] “Kontra qalbi imma ddeċidejt li żmieni għamiltu”... Il-ġranet magħduda għall-ħanut ta’ Fredu l-iskarpan

  • Aww 18, 2019 11:46
  • Miktub minn Brian Gatt
"

    “Mhux se noqgħod nomgħodha, jien dan ix-xogħol inħobbu. Mid-deċiżjoni li nżarma sirt niġġieled miegħi nnifsi kuljum biex ndaħħal f’rasi li din is-sena se nieqaf niġi hawn.” Hekk beda biex jgħid ma’ inewsmalta Alfred Caruana l-iskarpan Rabti tant magħruf fir-Rabat bħala Fredu l-iskarpan.

    In-namra ta’ Fredu lejn iż-żraben bdiet sa minn ċkunitu u wara 13-il sena bħala impjegat iddeċieda li jsib post fejn jiftaħ għal rasu. Fredu kien beda l-klijentela tiegħu sa minn snin qabel għax hu kien jagħmel dan ix-xogħol mid-dar wara l-ħin tax-xogħol.

    Il-ħanut tant popolari fir-Rabat fil-passat kien il-post li minnu missieru kien ibigħ l-għasafar. Il-musmar il-ġdida jaqla’ l-qadim u meta missieru sar jaf bix-xewqa ta’ ibnu neħħa kollox u tah il-post. L-iskarpan kompla jirrakkonta li meta kien beda jaħdem hemm, kellu xogħol kemm ried u mhux l-ewwel darba li kienet taqleb il-ġurnata qabel ma kien iżarma u jmur lura lejn id-dar.

    “Ix-xogħol burdati… daqqa ftit u daqqa bla nifs”

    Dan l-aħħar ix-xogħol sar burdati, jaf imur il-ħanut u jagħmel ġurnata jitkellem ma’ dawk l-erbat iħbieb li jżuruh u joqogħdu jgħidu kelma miegħu u jaf imur u ma jiħux nifs.

    L-iskarpan spjega li llum ix-xogħol naqas għax dak li jkun jixtri żarbun bi prezz irħis u kif jitqatta’ jarmih. Xi ħaġa oħra li wasslet biex jonqos ix-xogħol hija l-ħajja mgħaġġla li sirna ngħixu u għalhekk dak li jkun jaqbad jarmi u jixtri ieħor u mhux joqgħod “ġej u sejjer iraqqa”. 

    Interessanti li minkejja dan il-progress għand Fredu għadhom jidħlu ħafna klijenti. Konferma ta’ dan huwa raġel li aħna u nitkellmu miegħu daħal biex isewwi żarbun li minkejja li ma kienx xi żarbun tal-flus kien għal qalbu u xtaq isewwieh. Xogħol Fredu kien li jagħmillu mill-ġdid il-parti ta’ wara taż-żarbun għax kien gerrimhielu l-kelb. 

    “5,000 ritratt minn 27 pajjiż u jien irbaħt b’dan ir-ritratt”

    Minkejja li ma fihx kobor il-ħanut ta’ Fredu fih karattru li ġie rikonoxxut bi premju fi Brussell. Fil-ħanut wieħed jista’ jinnota żraben, materjal, magni u għadd ta’ ritratti li ħbieb tiegħu jnewwlulu. Wieħed mir-ritratti l-kbar huwa dak ta’ Joe Smith, liema ritratt intagħżel bħala r-ritratt rebbieħ minn fost 5,000 ritratt ieħor f’kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea. Fil-ħanut hemm ritratti oħra ta’ persuni li għażlu s-sengħa tal-iskarpan biex jikkompetu fil-fotografija u kisbu riżultati pożittivi.

    Hawnhekk ħlas bil-quddiem… ħallewli ħafna żraben u ma baqagħlix kuraġġ insewwi”

    Wieħed mis-sigrieti tas-suċċess tal-iskarpan Rabti huwa li l-klijent ikun moqdi malajr kemm jista’ jkun. Xogħlu huwa li jsewwi ż-żraben iżda minħabba l-kapaċità tiegħu mhux l-ewwel darba li klijenti li jżuruh ta’ spiss iqabbduh jagħmlilhom xi affarijiet oħra bħal ċineg tal-basket jew xi ċintorini. Fredu għamlilna sinjal b’idejh u filwaqt li wriena ż-żraben li l-klijenti ma ġabrux, qalilna li issa ilu żmien jitħallas bil-quddiem għax ħadd ma jieħu pjaċir jaħdem għalxejn. L-aktar ħaġa li saret iddejqu hi li kulħadd sar imur għandu u jgerger għax jitolbu jħallas bil-quddiem u għalhekk daħħal f’rasu li jkun aħjar jekk jieqaf u joqgħod bi kwietu bla ma jisma’ t-tgergir ta’ ħadd.

    “Hawnhekk jiġu klijenti minn barra minn Malta u jġibu ż-żraben magħhom”

    Illum Fredu jgħodd il-71 sena u fil-ħanut tiegħu tista’ tgħid daħlu persuni minn kull parti tad-dinja. Minn jitkellem miegħu dwar is-sengħa, min isewwi u oħrajn jieħdu ritratti kommemorattivi tal-post. Minbarra Maltin, fil-ħanut tiegħu daħlu diversi turisti, b’mod speċjali mill-Awstralja li jiġu pajjiżna u jġibu magħhom żraben biex isewwuhom għandu għax dejjem ħarġu sodisfatti b’xogħlu.

    Minn ħanut tal-għasafar għal ħanut tal-iskarpan u fil-futur qarib kafetterija

    Meta mistoqsi dwar il-futur tal-ħanut tiegħu Fredu bħal waqaf jieħu nifs twil. B’nofs qalb qalilna li kontra qalbu kien iddeċieda li din is-sena tkun l-aħħar sena tiegħu. Rigward il-futur tal-ħanut tiegħu Fredu qalilna li hemm possibilità kbira li fil-futur qarib l-ħanut jitniffed mal-kafetterija ta’ maġenbu.

    Fredu xtaq jirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu għandu b’mod speċjali dawk li komplew imexxu l-kelma dwar ix-xogħol professjonali tiegħu.

    Huwa temm jgħid li ma kinitx deċiżjoni faċli għalih u ammetta li kull filgħodu qabad rutina li jiġġieled miegħu nnifsu li żmienu kien għamlu u li issa wasal iż-żmien li jwarrab.

    Filmat u ritratti: Alan Saliba

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0