Fl-2018 l-Appoġġ ġiet f’kuntatt ma’ 29 vittma tat-traffikar tal-persuni

  • Aww 18, 2019 17:58
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Matul is-sena li għaddiet, l-Aġenzija Appoġġ ġiet f’kuntatt ma’ 29 persuna permezz tas-servizz tagħha għall-vittmi ta’ traffikar tal-persuni. Filwaqt li 14 minnhom kienu individwi li għamlu użu mis-servizz għall-ewwel darba, il-15 l-oħrajn kienu diġà f’kuntatt ma’ dan is-servizz mill-2017. Dawn il-vittmi, li kienu jinkludu kemm nisa u rġiel, kienu ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom mill-Filippini, mill-Ukrajna, min-Nepal u minn Mauritius. 

    Dan ġie kkonfermat mill-Assistent Direttriċi tal-Aġenzija Appoġġ, Remenda Grech li tikkoordina s-servizzi li jassistu lill-vittmi ta’ traffikar. Aħna tlabna r-reazzjoni tagħha wara l-intervista li għamilna lill-avukata Esohe Agathise, li proprju ġiet f’pajjiżna biex tagħti taħriġ lill-ħaddiema minn din il-fergħa tal-Appoġġ. 

    Grech spjegat li meta l-Pulizija jidentifikaw każi ta’ traffikar tal-persuni jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ biex ikunu informati u jibdew jaħdmu id f’id fl-aħjar interess tal-vittmi. Kompliet tispjega li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-Pulizija jitolbu l-assistenza tal-ħaddiema soċjali biex jitkellmu mal-vittmi ħalli jkunu jistgħu jingħataw l-appoġġ meħtieġ. 

    Meta l-Pulizija jagħmlu kuntatt mal-ħaddiema soċjali tal-Appoġġ, dawn jibdew immedjatament ilestu r-residenzi biex jilqgħu lill-vittmi f’post sigur u adegwat għall-bżonnijiet tagħhom. Fil-fatt, il-vittmi jingħataw l-opportunità li jgħixu fi djar siguri mill-Aġenzija Appoġġ. F’dawn id-djar siguri, li jinsabu f’diversi lokalitajiet madwar Malta, il-vittmi jingħataw akkomodazzjoni b’xejn, flimkien ma’ kull bżonn neċessarju bħal ikel u xorb. Saħansitra jaraw li l-vittmi jingħataw ikel li jkunu mdorrijin jieklu f’pajjiżhom, filwaqt li jkunu f’kuntatt regolari mal-ħaddiema soċjali. 

    Grech qaltilna li minn meta l-vittmi jaslu f’dawn id-djar, hemm isibu ħaddiema soċjali li jilqgħuhom u jispjegawlhom dwar l-għajnuna li se jibbenefikaw minnha. Tistqarr li dawn il-ħaddiema jaħdmu sigħat twal mal-vittmi u f’ċerta sitwazzjonijiet ikollhom anke jintervjenu matul il-lejl. 

    Rigward il-ħidma li ssir mal-vittmi tat-traffikar, Remenda Grech qalet li din tkun waħda intensiva. F’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm diffikultà fil-komunikazzjoni, il-ħaddiema soċjali jużaw interpreti biex jiffaċilitaw il-proċess. Parti mill-ħidma tinkludi wkoll li jgħinu lill-vittmi biex isibu xogħol legali u jassistuhom fl-applikazzjoni għall-permessi neċessarji bħal dak tax-xogħol u tar-residenza biex eventwalment ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti. 

    Mal-wasla tagħhom, kull vittma tiġi evalwata b’mod ħolistiku ħalli kull persuna jkollhom l-pjan ta’ kura individwali, skont il-bżonnijiet li jkollha. Din l-evalwazzjoni ma tarax biss x’riskji jkunu fih il-vittmi, iżda tiffoka wkoll fuq il-bżonnijiet bażiċi li jkollhom, il-bżonnijiet legali u anke dawk mediċi. Il-vittmi jkollhom ukoll l-għażla li jiġu akkumpanjati f’seduti fil-Qorti, kif ukoll għal appuntamenti oħra fosthom dawk mediċi. Tiġi wkoll offruta għajnuna terapewtika, jekk din tkun mixtieqa. 

    Taħriġ li jipprepara lill-professjonisti

    Rigward it-taħriġ li ngħata lill-professjonisti tal-Aġenzija Appoġġ, Grech spjegat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qiegħda toffri diversi opportunitajiet ta’ taħriġ, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna, lill-professjonisti tagħha. Dan qed isir b’mod speċjali mal-ħaddiema li jaħdmu fil-qrib mal-vittmi tat-traffikar tal-persuni. B’hekk, il-fondazzjoni tkun tista’ tkompli toffri għajnuna professjonali li tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn il-vittmi. 

    Grech tennet li fil-preżent il-fondazzjoni toffri għajnuna ħolistika lill-vittmi tat-traffikar li tibda mill-analiżi tas-sitwazzjoni u tkompli bl-għoti ta’ akkomodazzjoni adegwata fejn il-vittmi jkunu jistgħu jgħixu temporanjament u jingħataw il-ħtiġijiet bażiċi. Il-vittmi jingħataw ukoll għajnuna terapewtika jekk jitolbuha. Fl-istess waqt, il-professjonisti jkunu qed jgħinu lill-vittmi biex jersqu lejn id-dinja tax-xogħol b’mod legali, ħalli eventwalment jaslu fil-punt li jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità. 

    Aqra wkoll: http://inewsmalta.com/article.php?ID1=84004

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0