Is-cyberattacks immirati lejn l-industrija żdiedu bid-doppju fl-aħħar sitt xhur

  • Aww 18, 2019 19:58
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Is-cyberattacks li huma ddisinjati biex jagħmlu l-ħsara żdiedu bid-doppju fl-aħħar sitt xhur u nofs l-organizzazzjonijiet li qegħdin jiġu affettwati huma mis-settur tal-manifattura.

    Dan jirriżulta minn riċerka li għamlu t-tim li jirrispondu għall-inċidenti tal-IBM X-Force IRIS. Ir-riċerka ppubblikata hi bbażata fuq attakki riċenti li ġew imsejħin biex jassistu fihom. L-akbar tendenza li qiegħda tirriżulta hi dik fid-destructive malware.  

    Dawn il-forom ta’ code, bħall-Industroyer, NotPetya u Stuxnet huma ddisinjati biex jagħmlu l-ħsara, aktar milli biex jidħlu f’sistemi ta’ sorveljanza jew jgħinu fis-serq tal-informazzjoni. Il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jkun biex iwaħħlu s-sistemi, iġegħlu l-kompjuters jikkrollaw, iġibu ċerta servizzi ma jaħdmux u anke jikkanċellaw il-fajls. 

    Ir-riċerkaturi rrimarkaw li storikament, dan it-tip ta’ malware kien jintuża primarjament minn nazzjon kontra ieħor. Madankollu, spjegaw kif mill-aħħar tas-sena 2018 ‘il quddiem, il-kriminali onlajn qegħdin jinkorporaw iżjed elementi minn dawn fl-attakki tagħhom. 

    Jirriżulta li l-mira ta’ dawn l-attakki qegħdin ikunu kumpaniji tal-manifattura. Madankollu, anke organizzazzjonijiet mis-settur taż-żejt, tal-gass u tal-edukazzjoni qegħdin ukoll f’riskju akbar li jintlaqtu minn attakki distruttivi jew inkella fejn tinqered l-informazzjoni. 

    Il-maġġoranza tal-każi li osservaw l-IBM ġraw fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u fil-Lvant Nofsani. 

    L-aktar mezzi li ntużaw f’dawn l-attakki kienu imejls qarrieqa; serq ta’ kredenzjali li huma meħtieġa biex tidħol f’netwerk intern; attakki fuq websajts li jkunu jintużaw regolarment minn grupp jew organizzazzjoni; u saħansitra konnessjoni diretta mal-grupp jew organizzazzjoni li tkun fil-mira tal-attakk. 

    Uħud mill-hackers iqattgħu xhur sħaħ josservaw is-sistemi tal-kumpaniji l-kbar u jagħwru fihom biex jiksbu kemm jistgħu informazzjoni qabel ma jwettqu attakk. Min-naħa l-oħra, hemm oħrajn li joħolqu kaos sħiħ fil-mument li jirnexxilhom jidħlu fis-sistema. 

    Fil-fatt, ir-riċerkatur Christopher Scott jispjega li hemm żewġ tipi ta’ attakki distruttivi. Hemm dak fejn min qed jattakka joqgħod biered waqt li jiġbor l-informazzjoni u jippjana l-attakk, jew inkella hemm dak l-attakk fejn kif jidħlu fis-sistema minnufih jinfexxew jattakkaw. 

    Hu stmat li meta intrapriża tiġi milquta minn cyberattack distruttiv b’suċċess, fuq medja ssir ħsara lil 12,000 magna u jistgħu jittieħdu mal-512-il siegħa biex jinġabru l-biċċiet wara l-inċident. F’uħud mill-aktar każi severi fejn kienu involuti l-X-Force, iż-żmien ta’ rkupru minn dawn l-attakki jaf jieħu mal-1,200 siegħa. 

    B’daqstant informazzjoni fir-riskju, mhux ta’ b’xejn li l-prezz ta’ attakk distruttiv bħal dan jista’ jiġi jiswa lill-kumpaniji l-kbar mal-$239 miljun. Min-naħa l-oħra, l-Istitut Ponemon jistma’ li ksur ta’ dejta medju jiswa $3.92 miljun u dan juri kemm fil-fatt jagħmel ħsara attakk distruttiv. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0