Futsal: Intervista ma’ Nicola Del Re

  • Aww 22, 2019 00:48
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

    Niftakar li kien hemm grupp ta’ ħbieb li kont nagħmilha magħhom. Konna nilagħbu l-football 11-a-side.

    Xi wħud minn dawn sħabi kienu ser jingħaqdu ma’ team tal-futsal ġdid li kien jismu Tal-Werqa. Dan ġara 12-il sena ilu. Bdejna bil-logħbiet ta’ ħbiberija sa ma bdejna nikkompetu fil-kompetizzjonijiet lokali tal-futsal.

    B’hekk tista’ tgħid li bdejt nipprattika dan l-isport li nammetti li hu ferm għal qalbi.

    Semmejt li dan it-team kien jismu “Tal-Werqa”. Illum il-ġurnata l-affarijiet inbidlu minħabba li naqsu n-numru ta’ timijiet fil-futsal iżda forsi żdiedet il-kwalitá. Kif tippreferih il-kampjonat - kif kien qabel jew issa?

    Kif għedt sewwa int qabel kien hawn iktar clubs jikkompetu fil-kompetizzjo­nijiet lokali. Illum iżda għan­dek erba’ clubs li jagħ­tu sfida akbar.

    Il-livell għola ferm minn dak ta’ 12-il sena ilu. Huwa minnu li naqsu n-numru ta’ timijiet iżda qed isir dak kollu possibbli biex inżidu iktar il-popolaritá f’dan l-isport.

    Minkejja kollox importanti li t-team 11-a-side tal-football jagħti għajnuna lil dawk it-timijiet li qed jikkompeti b’isimhom għax xi kultant issib clubs li lanqas sett ta’ flokkijiet ma jagħtu­hom. Dan kollu jien ma na­rahx sew.

    Wara “Tal-Werqa” ma’ min ingħaqadt?

    Niftakar li kien avviċinani Jonathan Pisani biex nin­għaqad ma’ team bl-isem ta’ “Pentagon”. Konna spiċċaj­na fir-raba’ post tal-klassifika.

    Kellna ċ-ċans li nagħm­luha mal-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika iżda tlifna l-finali diretta.

    Tippreferi l-format tal-kampjonat tal-lum il-ġurnata jew inkella ta’ dak iż-żmien?

    Illum il-ġurnata jogħ­ġobni ħafna l-fatt li jkun hemm dik li bl-Ingliż isejħulha ‘best out of five’.

    Il-fatt li l-finali tal-play-off tkun deċiża mill-aqwa minn ħames logħbiet jagħ­mel dan kollu aktar eċċi­tanti.

    Bis-saħħa ta’ hekk jekk tiġik logħba ħażina jkollok iċ-ċans li tagħmel tajjeb għaliha.

    Dan l-istaġun ma kellhomx għalfejn jintlagħbu r-raba’ u l-ħames logħba kontra Valletta minħabba li kon­na diġa’ irbaħna l-ewwel tliet partiti u b’hekk irbaħna l-kampjonat.

    Kif tista’ tiddeskriviha l-esperjenza li qed ikollok ma’ Luxol?

    Fl-ewwel sena tiegħi magħ­hom irnexxieli nirbaħ il-kampjonat iżda sfortunatament fit-tieni staġun ma stajtx nipparteċipa minħab­ba injury li żammitni staġun sħiħ barra.

    Fil-veritá rġajt bdejt il-pre-season mat-team għal­kemm nammetti li ma kontx għadni ġejt għal kollox f’posti fiżikament.

    B’xorti tajba, irnexxieli nirpilja sew fix-xahar ta’ Jannar u fuq kollox nagħti l-aqwa tiegħi fix-xahar de­ċiżiv ta’ April. Ninsab kuntent li tajt sehmi sabiex Luxol ħadu d-double.

    X’taħseb li kien is-sigriet ta’ Luxol biex wasaltu għal dawn iż-żewġ suċ­ċessi?

    Naħseb li l-kollettiv u l-għaqda bejn il-players kie-nu s-sigriet prinċipali ta’ dan ir-riżultat.

    Konna magħqudin ferm u fuq kollox anke l-players il-ġodda li ġew f’Jannar daħlu tajjeb mal-iskemi tal-coach Gabriel Dobre.

    Minkejja kollox, kontu tippretendu li se tirbħu l-ewwel tliet logħbiet?

    Le, lanqas xejn. Ma stennejtx li se nirbħu daqshekk faċilment. Ma stennejtx lanqas li konna se nkunu dominanti daqshekk fuqhom b’mod partikolari fil-finali tal-kompetizzjoni Knock-Out.

    Ħsibt li iktar kienet ser tkun iktar bilanċjata iżda forsi aħna ħadna vantaġġ minn xi żbalji difensivi sabiex irbaħna dawn il-partiti.

    Ħassejt li wara l-ewwel finali kellna xi ħaġa aktar minnhom u fl-aħħar mill-aħħar ħadna dak li tant ħdimna għalih.

    Int li int player ta’ Luxol St Andrews, qatt ma kkunsidrajt li tilgħab mat-team tal-football?

    Qatt ma avviċinawni. Issa ili 12-il sena nilgħab il-futsal biss u tista’ tgħid li ddedikajt ħafna minn dawn is-snin lejn dan l-isport.

    Imbaghadi mhux faċli li titħarreġ mit-Tnejn sal-Ħadd speċjalment jekk play­­er bħali m’inix profes­sjo­nali.

    X’tikkummenta dwar l-esperjenza li kellek mat-team nazzjonali Malti tal-futsal?

    Issa ilni nieqes sena u nofs mit-team nazzjonali minħabba l-injury li kelli.

    Fil-passat meta kelli ċ-ċans niddebutta għal pajjiżi ħassejt unur kbir u kelli esperjenzi mill-aqwa. Niftakar li rbaħna l-ewwel partita taħt il-gwida tal-coach Vic Hermans u konna ħadna sehem f’tournament fil-Libja.

    Għoġbok il-format ta’ kif ġie maqsum il-kampjo­nat?

    Naħseb li l-format kien maħdum tajjeb. Forsi l-finali setgħu kienu aktar interessanti bi Swieqi u Birkirkara li għamlu li setgħu sabiex ilaħħqu magħna u ma’ Valletta.

    Minkejja kollox kien ċar sa mill-bidu li konna se nkunu aħna u Valletta li konna ser nissieltu għall-unuri finali.

    Kemm jgħinkom il-kumitat ta’ Luxol immexxi mill-president Mario Vella?

    Il-kumitat ta’ Luxol huwa ferm ħabrieki u l-presidenza ta’ Mario Vella qed tħalli l-frott.

    Fil-mumenti l-aktar dif­fiċli  li kelli f’dawn l-aħħar xhur meta kont għaddej bl-injury sibt kemm lis-sur Vella kif ukoll lis-sur Joe Aquilina li pprovdewli dak kollu li kelli bżonn sabiex nibda r-rijabilitazzjoni tiegħi.

    Kelli l-għajnuna wkoll mill-fiżjoterapisti tal-club li ħadu ħsiebi sabiex għamilt l-eżerċizzji neċessarji u fuq kollox iż-żmien tiegħi biex nerġa’ nsib ruħi nilgħab fil-court.

    Wara li ħadtu l-kampjo­nat, issa għandkom iċ-ċans li terġgħu tilagħbu fil-UEFA Futsal League. Kemm qed tistenna din il-kompetizzjoni?

    Lgħabt kemm-il darba fil-UEFA Futsal League meta kont ma’ ZC Excess Lazio kif ukoll darbtejn ma’ Bal­zan.

    Issa din is-sena għandi ċ-ċans nilgħab għal darb’oħra ma’ Luxol u ninsabu ffukati sabiex jirnex­xielna naqbżu r-round inizjali u nerġgħu nilagħbu f’Ottubru.

    Kemm int kuntent bil-faċilitajiet li fihom jint­lagħab l-logħob tal-futsal Malti?

    Jekk nitkellmu fuq il-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fejn jintlagħab ħafna mil-logħob, l-art xejn m’hi tajba.

    Ara l-padiljun tal-iskola nazzjonali tal-isport li hu magħmul minn parquet ... huwa ferm aħjar.

    Aħna hemm nitħarrġu u nħossuna ferm aktar komdi anke għax il-ballun ikun iktar veloċi.

    Aħna l-players inħossuha sew id-differenza bejn iż-żewġ courts speċjalment għax f’Kordin il-ballun jeħel xi ftit minħaba li l-art hija tar-rubber.

    Mill-banda l-oħra intom kellkom barranin ta’ kwalitá tant li għenukom fir-rebħ tal-kampjonat. X’inhi l-opinjoni tiegħek f’dan ir-rigward?

    Iva naqbel miegħek li kellna barranin ta’ kwalitá. Il-Brażiljan Celino Alves kien f’forma mill-aqwa u ma tantx kellu injuries.

    Players oħra stabbiliti bħal Maicon, Emil Raducu u Zvezdan Vukovic tawna għajnuna kbira filwaqt li l-akkwist Leanderson sewa mitqlu deheb għalina.

    Kemm int kuntent bis-sigurtá li hemm fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin?

    Jiddependi skont it-tip ta’ logħob li jkun hemm. Meta jkun hemm logħba taħraq bejn Valletta u Luxol importanti li jkun hemm sigurta’ akbar.

    F’waħda mill-partiti kien hemm żewġ partitarji li qabżu fil-court għalkemm twaqqfu mill-ewwel u ttel­lgħu lura f’posthom.

    Fl-opinjoni tiegħi jekk ikun hemm madwar 400 ruħ jaraw il-partiti hemm bżonn li jkun hemm aktar  minn 10 pulizija biex jikkontrollaw il-folla.

    Huwa veru li jkun hemm stewards iżda l-preżenza tal-pulizija għandha tkun akbar f’logħba bħal din.

    Kif qed tarah il-futur tiegħek?

    Ngħidlek il-veritá waqt l-injury li kelli kont qed naqta’ qalbi li nerġa’ nirritorna nilgħab il-logħba li tant inħobb.

    Iżda ma ridtx indendel iż-żarbun u bqajt nippersisti. Ħdimt ħafna mal-fiżjo-terapisti biex ġejt għal li jien illum.

    Irnexxieli nikseb il-forma tipika tiegħi għalkemm irrid naħdem iktar.

    Nixtieqek tgħaddi messaġġ lill-partitarji ta’ Luxol li dejjem jagħtukom is-sapport meħtieġ ...

    Iva nħeġġeġ lill-partitarji jibqgħu jsegwuna għax jagħtuna saħħa kbira. Grazzi lil dawk li ġew jarawna fil-finali li lgħabna tal-kampjonat u tal-kompetiz­zjoni Knock-Out.

    U bħal dejjem  ... forza Luxol!

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0