Football: Intervista mal-coach ta’ Fgura United ... Kevin Vella

  • Aww 23, 2019 00:27
  • Miktub minn iNews
"

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

    Minn dejjem kont inħobb din il-logħba. Kont nilgħab ma’ Rabat Ajax sakemm imbagħad komplejt il-kar­riera tiegħi ma’ Dingli Swallows u Santa Venera Lightnings.

    Sfortunatament waqaft kmieni minn din il-logħba meta kien għad kelli biss 26 sena.

    Iżda xorta waħda l-football baqa’ l-imħabba ta’ ħajti u kien għalhekk komplejt bil-karriera ta’ coach.

    X’inhi d-differenza bejn li tkun player u li tkun coach?

    Bla dubju, hija iktar dif­fiċli li tkun coach milli player. Player  jaħseb fuq il-logħ­ba tiegħu biss u l-wirja li jkun ser jagħti.

    Iżda l-coach jaħseb madwar 24 siegħa fuq il-logħba, x’tattika ser jippjana u l-formazzjoni li biha se jkun qed jilgħab.

    Trid anke tistudja l-avversarju li tkun se tiffaċċja.Fi ftit kliem, ix-xogħol ta’ coach ma jieqaf qatt.

    Kif kienet l-esperjenza tiegħek bħala player ta’ Rabat Ajax?

    Kienet esperjenza partikolari minkejja li lgħabt ftit fl-ewwel 11 tat-team. Ta’ 17-il sena iddebuttajt fil-Kampjonat Premier.

    Meta kelli ta’ 18-il sena għaddejt minn mumenti diffiċli minħabba bosta injuries u hemmhekk tlift xi ftit tal-opportunitajiet li kienu se jiġuni. Għalhekk idde­ċidejt li ningħaqad ma’ Dingli Swallows.

    Liema kienet l-ewwel esperjenza fil-coaching?

    Biex inkun qed ngħidlek kollox, din hi l-ħames sena li qed nikkowċja. Bdejt bl-Under 15 ta’ Sirens sakemm imbagħad komplejt mal-Minors tal-istess team. Kelli ċ-ċans ukoll li nieħu ħsieb lit-team tal-kbar ukoll.

    X’inhi d-differenza li sibt bejn li tikkowċja team fil-Minors għal li tmexxi club tal-kbar?

    It-tnejn fihom id-diffikultajiet tagħhom. Naħseb li iktar ikunu effettivi r-riżul­tati fil-livell ta’ kbar. Il-Minors mhux dejjem ikunu dis­ponibbli għat-taħriġ  u bħal donnhom  jaqtgħu ftit qalbhom. Nemmen li bħala coach trid tesperimenta sa­kemm issib il-formula t-tajba.

    Kont temmen li l-Fgura kienu ser jirbħu l-promozzjoni?

    Is-sena l-oħra kont qed nikkowċja lil Mġarr United. Kelli għażla quddiemi. Jew nibqa’ kif kont ma’ Mġarr jew ningħaqad mal-Fgura.

    Dan it-team huwa mmexxi bi struttura tajba u ma kienx jistħoqqlu jibqa’ fit-Tieni Diviżjoni. Tkellimt mal-kumitat u l-għan tagħ­na kien li nisfidaw għall-promozzjoni.

    L-isfida lqajtha u dan ifisser li issa s-sena d-dieħla ser nilagħbu fl-Ewwel Diviżjo­ni.

    Madankollu x’taħseb li kienu l-ingredjenti għal dan is-suċċess?

    Meta fi club ikun hemm is-suċċess, dan ikun dovut lil kulħadd. Is-suċċess jasal minħabba li jkun hemm strut­tura tajba.

    Wara kollox, Fgura Uni­ted għandhom nursery u kumitat li jikkompara sew jew mhux daqs club ta’ Premier League Malti. Hemm organizzazzjoni kbira f’dan il-club.

    Jien għandi ħolma li nkompli navvanza aktar ‘il quddiem u s’issa Fgura United qed jagħtuni dan iċ-ċans.

    X’taħseb dwar il-livell li kien hemm fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni?

    It-Tieni Diviżjoni matul l-istaġun li għadda kienet xi ftit partikolari. Jien kont diġá rbaħt il-promozzjoni f’din id-diviżjoni tliet snin ilu imma nista’ ngħid li l-livell għola ferm.

    Kif nafu żdiedu l-players barranin fil-Kampjonat Premier u kien hemm ċerti players Maltin li niżlu ji­lagħbu hawnhekk u għal­hekk rajna timijiet armati sew.

    Li nista’ ngħidlek biss hi li fl-aħħar mumenti ta’ dan il-kampjonat, kellna ħames timijiet jiġġieldu għall-pro­mozzjoni.

    Għalhekk nasal biex ngħid li kien staġun diffiċli li iżda ħriġna bl-unuri minnha.

    M’hemmx dubju li fil-kampjonat tal-Ewwel Di­viżjoni tridu tagħmlu xi rtokki sabiex issaħħu l-iskwadra ...

    Meta int titla’ diviżjoni oħra bilfors trid tissaħħaħ inkella ma tkunx tista’ tikkompeti. Għandi qalbi qawwija fuq Fgura United minħabba li għandhom bażi tajba u lesta.

    Fl-Ewwel Diviżjoni trid tilgħab bi tliet barranin u għalhekk irridu naraw li nġibu players ta’ kwalitá sabiex inżommu postna.

    Semmejt il-players barranin. Taqbel li club tal-football lokali jista’ jilgħab kemm irid waqt partita tal-kampjonat domestiku?

    Iva nemmen li m’għan­dux ikun hemm limitu fuq il-players barranin. Jekk jinfetaħ is-suq ser jiżdied il-livell fil-Kampjonat Premier. Awtomatikament players Maltin li jridu jilagħbu jridu jgħollu l-livell tagħhom ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li player Malti jekk ikun ħaqqu ser jilgħab żgur.

    Ma taħsibx iżda li hawn ċerti players barranin li huma inferjuri għal dawk il-Maltin?

    Hemmhekk nasal biex naqbel miegħek. Ġieli jiġu players barranin li ma jaq­bdux art tal-football Malti.

    Forsi ta’ żvantaġġ għall-clubs Maltin hu li m’għand­homx scouts li jmorru jaraw players barranin jilagħbu u ħafna mid-drabi jiġu hawn billi jaraw filmat fuq YouTube.

    Jekk inġiblek eżempju kemm il-barranin jagħmlu differenza, ħares x’ġara fl-istaġun li għadda fil-każ ta’ Senglea Athletic u Qormi.

    Għall-bidu ma kellhomx barranin ta’ kwalita’ iżda kif wasal Jannar, kien hemm bidla radikali u għalkemm Qormi xorta spiċċaw relegati, Senglea salvaw posthom fil-Premier.

    Taħseb li hemm ħafna timijiet fil-kampjonati tal-Ewwel u tat-Tieni Diviż­jo­ni?

    Fil-veritá kieku jkun hemm inqas clubs jaf jiżdied aktar il-livell iżda ma ninsewx li kull club jixtieq jibqa’ jeżisti.

    Għalhekk nasal biex ngħid li jogħġobni kif qie­għed. Tinsiex li matul l-ista­ġun li għadda lgħabna 24 logħba u għalhekk trid skwadra twila biex tilħaq it-tragwardi tiegħek.

    Semmejt l-istruttura li għandhom Fgura. Bniedem bħal Stefan Vella jaħdem qatigħ biex il-club jibqa’ għaddej bl-aqwa mod possibbli. Kemm hu importanti li jkun hemm amministraturi full-time f’kull club?

    Naħseb li huwa importanti ħafna li jkun hemm dawn it-tip ta’ nies jaħdmu full-time. Nies bħal Stefan Vella huma dedikati u jagħtu ħajjithom għall-club. Dejjem tarah il-ground mit-Tnejn sal-Ħadd u dejjem involut fejn ikun hemm bżonn.

    L-MFA għandha tgħin sabiex amministraturi bħal dawn ikunu qed jaħdmu full-time u jingħataw il-be­nefiċċji meħtieġa.

    X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees?

    Jien bniedem li qatt ma gergirt kontra r-referees. Trid tqis li kulħadd huwa uman u kapaċi jiżbalja. Jien niżbalja, il-players jiżbaljaw. Kulħadd tista’ tiġih ġurnata ħażina. Jien dejjem  nisħaq li għal rispett lejn ir-referees dejjem u kullimkien.

    X’taħseb dwar il-livell tal-grounds Maltin?

    Naħseb dan huwa suġ­ġett li ngerger xi ftit fuqu. Mill-grounds kollha fejn lgħabna matul l-istaġun li għadda, l-aħjar wieħed kien is-Centenary Stadium. Min-naħa l-oħra,  il-Victor Tedesco Stadium xejn m’għan­du art tajba.

    Ma nafx kif għadna ni­lagħbu hemmhekk. Jekk trid tara livell ta’ football taj­jeb, irid ikollok grounds tajbin.

    Bla dubju, St George’s tawkom sfida den­ja matul l-istaġun li għadda ...

    St Georges kienu wieħed mill-ħames timijiet li tawna sfida ta’ veru għall-promoz­zjoni. Magħhom kien hemm ukoll Mġarr United, Bir­żeb­buġa St Peter’s u Marsaxlokk. Ma tantx kien hemm xi differenza bejn dawn it-timijiet.

    Huwa veru li Bormla reb­ħulna tliet logħbiet inkluża l-logħba deċiżiva għar-rebħ tat-titlu.

    Irridu nammettu li kienu aħjar minna u qed naħdmu sabiex l-iżbalji li għamilna f’dawn il-konfronti diretti ma jerġgħux iseħħu.

    Iżda kontu qed tistennew li tirbħu l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni?

    Fgura United kienu diġá fl-Ewwel Diviżjoni sa sen­tejn ilu. Issa rridu naħdmu aktar biex inżommu postna hemm­hekk.

    Irridu sena jew sentejn ta’ tranżizzjoni u wara li nistabilixxu ruħna f’din id-di­viżjoni, min jaf? Kapaċi noħolmu għall-ogħla kategorija tal-football Malti. Fgura United qatt ma kienu Premier u jaf ikun rigal speċjali għal kull min hu nvolut f’dan il-club.

    Kemm tinsab għal qalbek ma’ dan it-team?

    Verament m’għandix xi ngerger! Fgura United għan­d­hom il-ground tagħ­hom u kulma nkun nixtieq jagħtuhuli..

    Hawnhekk jagħmlu xo­għol mill-qalb u għalhekk kollox jiġi sew. Il-kumitat jaħdem qatigħ u għalhekk ninsabu f’din id-diviżjoni.

    X’taħseb fuq il-coaching staff tiegħek?

    Jien ixxurtjat li għandi coaching staff b’saħħtu. Aħ­na wieħed mill-ftit clubs li konna fit-Tieni Diviżjoni li nanalizzaw il-logħba li tkun għadha kemm ntlagħbet.

    Nippruvaw inkunu professjonali f’dak kollu li nagħmlu. Għandna assistant coach, preparatur fiżiku u aktar staff dedikat. Il-club aċċetta t-talbiet tiegħi.

    Min-naħa l-oħra hawn clubs oħra Maltin li jinvestu fil-players u mhux fil-coaching staff. Tinsiex li coach waħdu mhux ser jagħmel il-mirakli.

    Kif qed tarah il-futur tie­għek?

    Kelli xewqa kbira li niġu promoss fl-Ewwel Diviżjoni u din irnexxiet. Jien iffirmajt għas-sena d-dieħla u għandi ambizzjonijiet kbar ma’ dan il-club.

    Irrid lil Fgura United fil-post fejn jixraqlu. Il-kampjonat Premier? Min jaf kollox possibbli! Iktar ma toħlom iktar ser taħdem sabiex tagħmel dan kollu real­tà. Bħala club aħna nidħlu sew għal dawn l-isfidi.

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lill-partitarji tal-Fgura.

    Inħeġġeġ lill-partitarji tagħ­na biex jibqgħu magħna anke fl-Ewwel Diviżjoni.

    Dan is-suċċess mhux it-tmiem, anzi huwa l-bidu ta’ aktar. Flimkien nistgħu nagħ­mlu d-differenza. Ej­jew  nimxu ‘l quddiem!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0