Prepostu f’nofs kontroversja wara l-ħsibijiet tiegħu dwar l-aġenda progressiva

  • Aww 23, 2019 08:27
  • Miktub minn iNews
"

    “L-agenda progressiva qiegħda ċċaħħad lil bnedmin stess minn prinċipju fundamentali li l-bniedem huwa maħluq minn Alla raġel u mara. Min ma jaqbilx ma’ dawn it-tagħlim jitwarrab mis-soċjetà anke jekk hemm bżonn noqtluhom biex ma jkomplux idejqu l-umanità.”

    Dan huwa parti mill-prietka li saret mill-Prepostu Dun Pawl Vella u li ġie mxandar minn mezzi tax-xandir lokali. Din il-parti mill-prietka ġiet interpretata minn bosta b’diversi modi fejn minn naħa kien hemm dawk li qablu miegħu u saħansitra ddeskrivitu bħala “kliem profetiku, f'dinja li trid tagħmel li trid” iżda min-naħa l-oħra kien hemm min ikkundanna totalment dan il-kliem “ta’ mibgħeda” u saqsew jekk l-Arċisqof huwiex se jkun qiegħed jiehu passi.

    Bosta kienu dawk in-nies li bdew ixerdu kwotazzjonijiet li jinsabu fil-Bibbja. Fost dawn, kif wieħed jista’ jara fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, hemm miktub, “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom”. Kien hemm ukoll min ikkwota mill-Korintin fejn hemm miktub ”Imma minħabba l-immoralitajiet, kull raġel għandu jkollu l-mara tiegħu stess, u kull mara għandu jkollha r-raġel tagħha stess.”

    Fuq il-midja soċjali, persuna staqsiet, “jista’ xi ħadd jgħidli minn meta ‘l hawn li saċerdot jitkellem b’mod ċar fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu qiegħed jiġġudika lil xi ħadd?”. Persuna oħra żżid tgħid li, “irrid nuri s-solidarjetà tiegħi ma’ Mons. Paul Carmel Vella wara li ġie attakkat minn sezzjoni tal-istampa f’pajjiżna għall-veritajiet ta’ fidi li tkellem dwarhom fil-paniġierku li għamel b’tant ħeġġa u mħabba.”

    Kien hemm ukoll li l-kwotazzjoni mill-paniġierku ta’ Mons. Vella “nqalgħet mill-kuntest li fih intqalet tant li ġiet miftiehma b’mod totalment differenti minn dak li qal Mons. Vella nnifsu.”

    Bosta urew solidarjetà ma’ Mons Vella u sostnew li “qed naqilbu l-affarijiet rashom ‘l isfel” u li “taw interpretazzjoni bil-maqlub ta’ dak li qal”. Dan għaliex, żiedu jgħidu li “l-Monsinjur waqt li kien qiegħed jgħallem fil-Knisja Kattolika, għallem it-tagħlim tal-Iskrittura li ż-żwieġ huwa bejn raġel u mara. Min hu favur iż-żwieġ tal-persuni gay jew min daħħal din il-liġi attakka ż-żwieġ kif insibuh fl-Iskrittura. Hekk ġara, mhux kuntrarju.”

    Dan il-ġurnal prova jikkuntattja lill-Prepostu Vella iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċieva l-ebda risposta.

    “Min jissejjaħ Kristjan għandu jkun jaf sew x'tgħid il-Kelma t'Alla”

    Dan is-sit għamel kuntatt mal-grupp Ex-LGBT Malta fejn bħala tweġiba qalulna dan li ġej.

    “Bħala Kristjani, aħna nħobbu kull proxxmu tagħna bl-imħabba ta' Ġesu Kristu. L-imħabba tiegħu ma titkellimx weħidha, iżda fuq kollox titkellem fis-sħiħ u mingħajr biża l-verità tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Bibbja. Dan jinkludi t-tagħlim ta' Ġesù u l-Appostli.

    Aħna ngħarfu li kull bniedem għandu d-dritt sagrosant tal-libertà tat-twemmin tiegħu, u d-dritt li jesprimi l-fidi tiegħu mingħajr ma jiġi ntimidat, ibbulijat jew imwaqqaf. Fid-dinja daqs kemm hemm nies hemm opinjonijiet u hija realta li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni tista’ twassal biex dak li jingħat jagħti offiża lil min ma jaqbilx. Pero, ejja ma ninsewx li din taħdem miż-żewġ naħat. 

    Min jissejjaħ Kristjan għandu jkun jaf sew x'tgħid il-Kelma t'Alla. Iż-żwieġ bejn raġel u mara huwa rikonoxxut bħala sagru saħansitra anke f'reliġjonijiet oħrajn. F'soċjetà demokratika, ejjew inħaddnu tassew 'equal rights' u naħdmu biex dan ma' jibqax privileġġ ta' grupp wieħed biss. 

    Bħalma hu miktub: 

    1Korintin 1v18: "Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta' Alla."

    Luqa 9v23: “Ġesù qal lil kulħadd: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu kuljum, u jimxi warajja!"

    Lhud:12v14: "Fittxu li żżommu s-sliem ma' kulħadd u li jkollkom il-qdusija, li mingħajrha ħadd ma jara lill-Mulej."

    Il-vanġelu jgħallimna li kull bniedem dineb u waqa mill-glorja t'Alla. Iżda Alla tant ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu waħdieni, biex kull min jemmen fiħ ma jkunx ikkundannat, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem. Biex inkunu denji li nissejħu dixxipli ta' Kristu, jeħtieġ li niċhdu lilna nfusna, nerfgħu salibna, u nimxu warajh. Dan iġib il-veru mistrieħ tar-ruħ u s-salvazzjoni: il-ħajja eterna!”

    “Naħseb li għandu minnufih jitlob apoloġija”

    F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, Joseph Bonavia qal, “Ma jafx dan il-qassis li tkun omosesswali din mhix għażla? Din hi l-imħabba li jxerrdu s-saċerdoti? Dan hu l-mod li jridu jiġbdu n-nies lejn il-knisja?”

    Huwa żied jgħid li “jiddispjaċik meta tara l-pajjiżi oħra wisq avvanzati f’dan is-suġġett, meta tara l-Gvern u ta’ madwar ħadmu għal tant drittijiet, u dan juża l-kelma joqtolhom? Naħseb li dan il-proxxmu għandu minnufih jitlob apoloġija għax bi kliemu weġġa’ ħafna nies, kemm dawk il-persuni omosesswali kif ukoll lil qrabathom. Nikkunsidra ukoll li għandha titneħħilu l-libsa.”

    Bosta kienu dawk li fuq il-midja soċjali staqsew, “fejn qiegħed l-Arċisqof? Se jiehu passi duq dak il-kliem ta’ mibgħeda li ħareġ minn fomm persuna li suppost tgħaqqad u mhux tifred?.” Oħrajn iddefinixxewh bħala “konservattiv estrem.”

    Kien hemm ukoll li qal li “ħaġa tal-iskantament kif fuq il-pulptu fil-knejjes qatt ma jissemmew dawn il-qassisin li babsu lit-tfal u qegħdin jiġru barra mas-saqajn. Dan il-Prepostu qal li jrid joqtol lil dawk li daħlu liġijiet favur il-gays eċċ. Anke tgħida l-kelma “toqtol” aħseb ara twettaqa. Nimmaġina lil dan il-Prepostu lest b’xi sikkina jew pistola lest biex joqtol.”

    Persuna oħra qalet li dak li ntqal kienet “bużullotta oħra” bħal “meta fil-kors ta’ kana għedtilna li jekk ir-raġel qabel iż-żwieġ jixrob taxxa inbid, wara se jibda jixrob flixkun. Għall-grazzja t’Alla ftit baqa’ qassisin bħalek li ma jridux jaċċettaw ir-realtà tas-soċjetà u tal-ħajja.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0