Il-kwalità is-suċċess tal-Corinthia

  • Aww 24, 2019 19:25
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    F’parti mill-aktar prominenti fi Grand Boulevard (Nagykörút) fil-qalba tal-kapitali Ungeriża, il-lukanda lussuża ta’ ħames stilel Corinthia Hotel Budapest toffri ambjent ideali kemm għat-turisti li jkunu qed ifittxu li jistrieħu jew jirrilassaw kif ukoll għal dawk li jsiefru għal skop ta’ negozju. B’aktar minn 120 sena ta’ storja, dik li kienet magħrufa bħala l-“Grand Hotel Royal” inġiebet lura għall-glorja tagħha fl-2003 grazzi għal xogħol ta’ restawr estensiv li sar fiha mill-grupp ibbażat f’Malta Corinthia.

    Fl-aħħar jiem, inewsmalta.com ġiet mistiedna biex iżżur din il-lukanda mfittxija ferm f’Budapest, liema lukanda hija mgħammra b’diversi faċilitajiet moderni, ristoranti u għandha xejn inqas minn 440 kamra, inkluż suites mill-iktar lussużi.

    Qabel dħalna fil-lukanda, stajna ninnotaw mal-faċċata tagħha diversi bnadar li jirriflettu n-nazzjonalitajiet tal-klijenti tagħha, iżda fuq kollox ġibditilna l-attenzjoni l-bandiera Maltija li tixhed li hija proprjetà ta’ kumpanija b’interessi Maltin.

    Hekk kif tidħol ġewwa, mill-ewwel jilqgħak sens qawwi ta’ ospitalità b’ servizz impekkabbli li taf toffri biss lukanda ta’ dan it-tip. Jispikka wkoll il-pavimentar tal-irħam, kolonni kbar u dekorazzjonijiet oħra eleganti.

    Minbarra li għamilna tour madwar il-lukanda, kellna wkoll iċ-ċans li nitkellmu mal-General Manager ta’ Corinthia Hotel Budapest, is-Sur Jean Pierre Mifsud, li spjega kif din il-lukanda hija l-unika waħda ta’ ħames stilel f’Budapest “li nbniet proprju biex tkun lukanda.”

    “Nagħtu ħajja lil binijiet antiki”

    Huwa beda biex qalilna li bħala Corinthia ma jfittxux proprjetajiet li jkunu mibnija lesti iżda proprjetajiet battala li jkollhom bżonn jingħataw ħajja ġdida, l-istess bħalma ġara fil-każ tal-Corinthia Hotel Budapest.

    Il-lukanda ġiet akkwistata mill-International Hotel Investments plc (IHI) bħala binja battala f’April tal-2000 u sussegwentement imwaqqa’ biex tagħmel spazju għal 60,000 metru kwadru filwaqt li żammet il-faċċata storika tagħha u l-ballroom tas-seklu 19.

    Minbarra l-kmamar tas-sodda, li jaqbżu l-400, fil-lukanda nsibu wkoll numru ta’ kmamar oħra tal-konferenzi li jkopru t-3,600 metru kwadru, royal spa u anke ristoranti fost oħrajn. Apparti hekk, imissu mal-lukanda hemm ukoll 26 appartament lussuż kif ukoll parkeġġ li jakkomoda mal-260 vettura. Il-lukanda nfetħet uffiċjalment f’April tal-2003.

    “Il-fatt li ħadna proprjetà storika, li kienet magħluqa fl-1991, u tajniha d-dinjità li jixirqilha hija xi ħaġa speċjali,” tenna s-Sur Mifsud. “Għamilna l-istess bil-villa Corinthia, li hija binja unika u issa saret landmark fil-pajjiż.”

    “Qegħdin fejn qegħdin minħabba l-kwalità”

    Mistoqsi dwar xi jfittxu l-aktar bħala Corinthia, il-General Manger ta’ Corinthia Hotel Budapest qalilna: “l-kwalità. Qegħdin fejn qegħdin minħabba l-kwalità. Dak hu li jagħmilna differenti minn hotel chains oħrajn. Mal-kwalità, imbagħad tidħol il-kontinwità u l-konsistenza. Fejn qegħdin bħalissa, qed nikkompetu ma’ brands kbar li wkoll dħalna qabilhom.”

    Lis-Sur Mifsud staqsejnih ukoll kif iħossu bħala Malti li huwa responsabbli mit-tmexxija ta’ lukanda ta’ din il-portata. Huwa qalilna li jħossu kburi ħafna li qiegħed nirrappreżenta lil Corinthia u fl-istess ħin lil pajjiżu. “Meta nara x’irnexxielna nagħmlu bħala pajjiż żgħir, grazzi għal Corinthia, għalija hi speċjali ħafna.”

    Ħames ristoranti

    F’dak li jirrigwardja l-ikel, is-Sur Mifsud sostna li: “dejjem żammejna aġġornat x’qed jiġri madwarna internazzjonalment. Hawnhekk għandna ħames ristoranti. Il-main lobby bar, Rickshaw, Brasserie, Pop Bistro (li huwa mmexxi minn kumpanija Ungeriża rinomata) kif ukoll Caviar and Bull li huwa mmexxi minn Marvin Gauci. Issa qed naħsbu biex indaħħlu ristorant ieħor li se jkun qed jiżdied ma’ dawn il-ħamsa.”

    Dwar l-appartamenti li hemm imissu mal-lukanda, huwa jgħid li, “għandna 26 appartament. Dawn għandhom entratura separata iżda għandhom entratura li tgħaqqadhom permezz ta’ bridge li jagħti għal-lukanda li hi ta’ benefiċċju kbir. Dan għaliex minbarra li għandek l-appartament tiegħek, tista’ tagħmel użu mill-faċilitajiet kollha tal-lukanda.”

    Mistoqsi jekk dan il-kunċett jistax isir f’Malta, huwa qal li, “la kien suċċess hawn u anke f’pajjiżi oħrajn, nemmen li jista’ jsir ukoll f’Malta”

    Proġetti ġodda għaż-żmien li ġej

    Dwar il-pjanijiet għall-futur, il-General Manager ta’ Corinthia Hotel Budapest tenna li: “kif għamilna hawn (f’Budapest), se nkunu qed nidħlu f’destinazzjonijiet oħra fosthom Moska, Bucharest u beħsiebna niftħu wkoll f’Dubaj f’nofs is-sena d-dieħla. L-esperjenza tgħallem. Qed inħarsu wkoll lejn Malta. Għandna proġett f’moħħna għall-Bajja ta’ San Ġorġ. Dat-tip ta’ proġetti huma f’linja mal-kunċett tagħna li nagħtu ħajja lil binjiet li normalment ikunu antiki.”

    “Il-viżjoni tagħna hi li nibqgħu nagħmlu dak li qegħdin nagħmlu u nibqgħu nikkompetu ma’ brands oħra filwaqt li żżomm il-kwalità f’livell konsistenti.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0