Wara li fieq darbtejn mill-kanċer… qed jistudja l-mediċina biex ifejjaq pazjenti oħra bħalu

  • Aww 26, 2019 07:21
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    “Illum inħossni bniedem normali. Nista’ nmur nerġa’ nilgħab il-futbol. Inħoss li m’għandi xejn inqas minn ħaddieħor. Ma jiddispjaċinix li għaddejt minn din l-esperjenza għax tgħidx kemm tgħallimt minnha.” 

    Kliem Justin Bonnici, żagħżugħ ta’ 28 sena miż-Żejtun, li għal darbtejn għadda mit-trawma tal-lukimja li ħakmitu iżda issa li fieq, huwa impenjat li jkompli bl-istudji tiegħu biex isir tabib ħalli jgħin pazjenti oħra bħalu.

    Ta’ età żgħira, Justin jgħidilna li l-akbar passatemp tiegħu kien il-futbol fejn kien jilgħab mat-tim tal-Floriana. Huwa qalilna li beda jitħarreġ mal-iskwadra ta’ taħt id-disa’ snin u mbagħad kompla jilgħab mal-istess tim fl-iskwadra ta’ taħt it-13-il sena.

    Kien f’dan il-perjodu meta beda jħoss li saħħtu kienet qiegħda tmur lura hekk kif waqt il-logħob kien qed ikun għajjien ħafna u saħansitra sħabu bdew isaqsuh x’kien qed jiġrilu meta deher inaqqas mill-ħeġġa għal-logħob.

    “F’Settembru tal-2004 bdejt l-ewwel logħbiet tiegħi iżda kulma lgħabt minnhom kienu tnejn biss. Dak iż-żmien kelli 13-il sena. Niftakar li kont mort għand it-tabib tal-familja u qalli li kelli nmur niġri iżjed biex inġib dik l-enerġija lura. Ma tantx rajtha tagħmel sens din imma xorta waħda smajt minnu. Għaddew ġimagħtejn u bdejt nara imżelleġ. Beda jitlagħli tbenġil fuq ġismi u kelli wkoll ħafna marki ħomor,” spjega Justin.

     

    “L-ewwel sena tat-trattament kienet l-iktar sena iebsa għalija”

    Kif rat dan, ommu, li hi infermiera ta’ esperjenza li llum hi irtirata, bdiet tinkwieta u minnufih ħaditu għand it-tabib tal-familja tagħhom u ssuġġeriet li kellu jagħmel it-testijiet tad-demm biex ikollha ċ-ċertezza ta’ x’seta’ kellu binha. Wara ftit tal-jiem li ħareġ ir-riżultat, huma ngħataw l-aħbar mhux daqstant mistennija li t-tifel kienet ħakmitu l-marda tal-lukimja.

    Minn dakinhar ‘il quddiem, huwa beda jingħata l-kura meħtieġa li ħadet proċess fit-tul, sewwasew tliet snin sħaħ, li xejn ma kienu faċli kemm għalih kif ukoll għal familtu. Dan ħareġ l-iżjed fl-ewwel sena tal-kura li ż-żagħżugħ jiddeskriviha bħala “l-iktar waħda iebsa” għalih.

    Huwa qal li, “f’dik is-sena kelli nieqaf minn kollox, anke mill-iskola. Kont inkun dejjem l-isptar saħansitra ma stajtx noħroġ barra fit-triq biex niltaqa’ man-nies. Dak iż-żmien iddispjaċieni ħafna li ma stajtx nibqa’ nagħmel dak li nħobb bħal tfal oħra tal-età tiegħi.”

    Meta mistoqsi kif irreaġixxiet il-familja tiegħu f’dan il-mument diffiċli għalihom, Justin sostna li qatt ma kien hemm mument fejn ħassu waħdu minħabba l-appoġġ kontinwu li rċieva speċjalment mingħand ommu, missieru u ż-żewġ ħutu subien. 

    Wara tliet snin ta’ trattament, huwa ħass li kien se jerġa’ jibda ħajtu mill-ġdid u kien kunfidenti li mhux se jerġa’ jgħaddi minn esperjenza oħra simili. Ġara iżda li f’April tal-2015, jiġifieri 11-il sena wara, huwa kellu jerġa’ jiddaħħal l-isptar u dan wara li nduna li kellu boċċa f’għonqu li kienet qiegħda tikber.

    “Għamluli biopsy. Neħħewli l-boċċa u ttestjat l-istess. Qaluli li kelli l-lukimja u li rrid nerġa’ nieħu t-trattament. Din id-darba peress li ħarġitli aktar aggressiva, kelli nieħu trattament aktar qawwi.”

     

    “Għamilt żmien twil batut ħafna”

    Justin kellu jagħmel seba’ xhur oħra jieħu l-kimoterapija hawn Malta u sussegwentement kellu jitla’ l-Ingilterra minħabba li kien hemm bżonn li jsirlu trapjant tal-bone marrow. 

    “Dan il-proċess idum xhur. Wara xi ħames xhur niftakar li rċevejt l-aħbar li sibt donatur għalija u fil-5 ta’ Ottubru tlajt Sutton, l-Ingilterra, fejn hemm l-appartamenti ta’ Puttinu. 

    “Hemmhekk issib voluntiera li jaraw x’għandek bżonn u saħansitra jipprovdulek it-taxis biex tmur l-Isptar. Imma bażikament għandek l-akkomodazzjoni b’xejn.” 

    Mistoqsi kif ħadha x’ħin sar jaf li għat-tieni darba kienet ħarġitlu l-lukimja, Justin stqarr li: “l-ewwel darba kien xokk kbir għalija. Imbagħad erġajt ħadtha bi kbira imma mhux daqs l-ewwel darba.” 

    Huwa żied jgħid li, “għamilt żmien twil batut ħafna. Għamilt 12-il jum ma nistax niekol. Kienu jagħtuni l-ikel fil-vina. Niftakar li għamilt sitt xhur fis-sodda. Kulma kont noħroġ darba t-Tnejn biex inmur l-Isptar. Kont inqas 15-il kilo f’temp ta’ ftit ġimgħat.”

    Minkejja din l-esperjenza trawmatika, Justin xorta waħda ma qatax qalbu u wara li fieq, kompla għaddej bl-istudji tiegħu u bħalissa jinsab fl-aħħar sena tal-kors tiegħu biex eventwalment isir tabib. Huwa sostna li x-xewqa tiegħu hi dik li jmur jgħin pazjenti oħra ta’ Puttinu.

    Fl-aħħar nett, tlabnih jgħaddi messaġġ lil dawk li għaddejjin minn xi sitwazzjoni simili. “Ngħidilhom ma jaqtgħux qalbhom. Dan il-perjodu se jarawh bħala l-itwal żmien għalihom. Imma xi darba tgħaddi u tasal ukoll.”

     

    Maratona ta’ 60 siegħa b’risq Puttinu

    Intant, Justin Bonnici se jkun qed jagħti sehmu bħala wieħed mill-voluntiera waqt il-maratona ta’ football u volleyball b’risq Puttinu, fejn fost affarijiet oħra se jkun qiegħed jagħti xi intervisti. L-għan ta’ din il-maratona, li se ssir bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru fil-Marsa Sports Complex, huwa li tkompli tgħin lil tfal u dawk morda bil-kanċer kif ukoll lil qraba tagħhom billi fost affarijiet oħra tipprovdilhom appartamenti fejn jgħixu meta jkunu għall-kura barra minn Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0