“Lil Theo u ‘l missieri nħosshom miegħi” - Simon

  • Lul 04, 2013 16:04
  • Miktub minn Daniela Attard Bezzina

    Minn ritratt kbir fuq xkaffa f’salott akkoljenti, Theo Bugeja jħares lejna b’nofs tbissima. Lejja li qed nintervista ‘l ommu u ‘l missieru, lejn tfajla li qed taħdem film imnebbaħ mill-ġrajja tagħhom, lejn ħuh li kiber ġmielu minn meta rah l-aħħar... u lejn membru ġdid tal-familja Bugeja li għadu qed jissawwar f’ġuf ommu. Dik it-tarbija li għad trid titwieled qatt mhi se tiltaqa’ ma’ ħuha l-kbir, iżda se tkun prova ħajja li anke wara l-agħar maltempati, ix-xemx terġa’ tfeġġ fuq ix-xefaq.

    Simon Bugeja llum huwa bniedem ħafna aktar seren milli kien ħames snin ilu, grazzi għat-terapija li rċieva u għall-komunit neokatekumenali li sar jagħmel parti minnha. “F’din il-komunit sibt min jilqagħni b’dirgħajn mituħin,” qalli hu u jferragħli tazza ilma. “Missieri kien membru tagħha imma jien qatt ma kelli interess li nissieħeb fiha. Iżda meta messejt il-qiegħ sirt naf x’nies huma l-membri ta’ din il-komunit. Avviċinawni u ddeċidejt li nimxi fuq il-passi ta’ missieri. Fil-komunit ġejt wiċċ imb wiċċ mal-uġigħ ta’ ħaddieħor u sibt nies li għamluli ħafna kuraġġ. Fuq kollox rajt li jekk tafda fil-Mulej, hu jtik is-saħħa biex tkompli tgħix għall-familja li baqagħlek.”

    Dik il-familja, li issa se tiżdied b’tarbija ġdida, batiet ħafna f’dawn l-aħħar ħames snin. Sharin, mart Simon - mara ta’ ftit kliem u mgerrxa mill-ġurnalisti li jinvadulha l-privatezza - qaltli li binha Aidan ħass immens in-nuqqas ta’ ħuh il-kbir li kien jilgħab ħafna miegħu għalkemm kien hemm differenza ta’ erba’ snin fl-etajiet tagħhom. “Domt ħafna nieħu lil Aidan għat-tearpija minħabba t-trawma tat-telfa ta’ ħuh. Għalkemm illum iħossu aħjar, xorta għadhom jiġu mumenti meta jaqbad jibki u jistaqsini għala ħuh miet u ħallieh waħdu. Ma setax jonqos li ħassu ferħan se jtir meta sar jaf li se jkollna tarbija ġdida fil-familja. Bilkemm ried jemmen u dam jistaqsi jekk kinitx xi ċajta.”

    L-omm stqarret li Ġunju u Lulju huma l-agħar xahrejn tas-sena għaliha. “Fl-14 ta’ Ġunju Theo kien jagħlaq sninu. Kieku dis-sena għalaq sittax. Jum għeluq sninu għalija huwa kedda li tibda minn ġimgħat qabel. Imbagħad jasal is-17 ta’ Lulju, l-anniversarju ta’ mewtu...”

    Simon min-naħa tiegħu mhux biss iħoss ħafna n-nuqqas ta’ ibnu imma ta’ missieru wkoll. Kif qalli, “Missieri kien id-dell tiegħi, dejjem flimkien. Dejjem ipproteġieni, sal-aħħar nifs li ħa. U Theo tani l-ħajja, għax inħossni ċert li kieku ma kienx hemm hu miegħi f’dawk is-sitt ijiem bejn sema u ilma, jien ma kontx ngħix. Naħseb li l-Mulej uża lilu bħala strument biex iżommni ħaj. Kull darba li noħroġ fuq il-baħar, lil Theo u lil missieri nħosshom miegħi.”

    Minkejja dak li għadda minnu, Simon għadu jħobb il-baħar u minnu għadu jaqla’ l-għajxien tiegħu. “Malli ħriġt mill-isptar, tlabt ‘l Alla u lil missieri għall-għajnuna u ħriġt nagħmel sajda. Illum naħdem bil-lanċa ta’ zijuwi. M’għandix biex nerġa’ nibda għal rasi jekk ma ningħatax għajnuna. Wara t-traġedja spiċċajt b’xejn u għadni sal-lum ma rċevejt l-ebda għajnuna mill-awtoritajiet.”

    Simon u Sharin jammettu li t-traġedja għamlithom ġenituri aktar protettivi. “Diżgrazzja bħal din tbiddlek bħala ġenitur,” qaltli Sharin. “Lil Theo rabbejnieh pjuttost indipendenti. Pereżempju kien imur l-iskola primarja waħdu u jiġi lura waħdu wkoll. Aidan tant nibżgħu li jiġrilu xi ħaġa li bqajna nwassluh u mmorru għalih sal-Year 6. Qisek tkun trid tipproteġih il-ħin kollu, għax jekk jiġrilu xi ħaġa għal min se tgħix? Ngħiduha kif inhi, Aidan xejn ma jgerger dwar din l-attenzjoni kollha għax il-fsied iħobbu!”

    Dwar il-film ispirat mid-diżgrazzja tas-Simshar, li se joħroġ għall-wiri fil-bidu tas-sena d-dieħla, Simon u Sharin it-tnejn jgħidu li għall-bidu l-idea m’għoġbithomx iżda maż-żmien biddlu fehemthom. “Kieku staqsejtni dwar il-film erba’ snin u nofs ilu, kont inwieġbek mod ieħor imma llum ngħid biss li jalla jkun suċċess,” qalet Sharin. “Rebecca, id-direttriċi tal-film, dejjem irrispettatna u dejjem imxiet sewwa magħna. Tlabtha biss li l-film ikun iddedikat lil Theo, u hi aċċettat mill-ewwel.”

    Simon kompla magħha: “Il-film ma jirrakkontax il-ġrajja proprja tas-Simshar imma hu biss ispirat minnha. Madankollu għall-ewwel jien xorta waħda ma ridtx naċċetta għax il-Maltin jiġġudikaw malajr. Imma mbagħad tkellimt ma’ ħabib tiegħi li hu sajjied bħali, jaf minn xiex għaddejt u kien konxju tal-għajdut li kien hawn. Qalli li forsi bis-saħħa tal-film, in-nies ma jibqgħux jivvintaw. Allura bdilt fehemti u spiċċajt anke naħdem bħala extra fil-film. Sirt ukoll ħabib ta’ Jimi Busuttil, li fil-film jaħdem il-parti ta’ missieri.”

    Qabel tlaqt, staqsejthom kif iħarsu lejn il-ħajja llum. Weġbitni Sharin. “Illum ngħixu ġurnata b’ġurnata. Ma nagħmlux pjanijiet fil-bogħod. U nafdaw iktar fil-Mulej milli fina nfusna. Waħedna m’aħna tajbin għal xejn. Inħallu lilu jmexxina.”

    Mir-ritratt kbir fuq l-ixkaffa tas-salott, stħajjilt lil Theo jitbissem ‘l ommu b’turija ta’ approvazzjoni.

    RITRATT: JOSEF BONNICI PHOTOGRAPHY

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 5

  •  
    anonimu
    Lul 09, 2013

    Simon Bugeja gej minn razza ta' sajjieda gwappi li bo

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Lul 09, 2013

    tkomplix ddahhaqni simon ta ax taf kemm ili nissaportik issa....isthi trid l kumpens mill awtorijatajiet wkoll|?????u lil vittmi li hall

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Lul 09, 2013

    gibu jider l kumment tieghi ax jiena ma ghandiex xnahbi....jiena l verita rrid minghand simon x gara fil bahar li qatilli l zewgi 5 snin ilu?????????????

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Lul 10, 2013

    Stephania ahjar tara naqa l,izbalji tieghek u kemm abbuzajt int b nies! Ghandek minn xiex tisthi wkoll int.... hafna wkoll!

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Lul 14, 2013

    stephania amel pjacir lil kulhadd u alaq dak il halq kbir l andek. bhal ma tlift int, tilef simon u l familjari takom it tnejn. missiri kin sajjid miju u ma missiru fiz zmin u qatt ma gerger ax qabel jamlu xi haga kinu jiddiskutu mas sajji

    Irrispondi
  •  

Facebook