Il-President George Vella jgħid li biex ikollna saħħa mentali aħjar jeħtieġ is-sehem sħiħ tas-soċjetà kollha

  • Set 09, 2019 18:50
  • Miktub minn iNews
"

    It-Tnejn saret l-ewwel konferenza nazzjonali dwar saħħa mentali aħjar.  L-għan tal-konferenza kien li l-President George Vella jniedi l-kunċett ta’ saħħa mentali aħjar fis-soċjetà bis-sehem sħiħ tal-istakeholders kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, speċjalment issa li ġiet ippubblikata l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali mill-Ministeru tas-Saħħa.

    Matul il-konferenza ngħataw tliet perspettivi ewlenin ta’ saħħa mentali aħjar, bl-ewwel waħda kienet titratta l-wiċċ uman tas-saħħa mentali.  Dan ifisser l-appoġġ u s-sostenn lill-familji li jieħdu ħsieb persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali.

    Meta ttrattat din it-tema, is-Sa. Connie Magro, infermiera speċjalizzata u attivista għas-saħħa mentali, saħqet li l-familji huma rigal imprezzabbli fis-soċjetà. Qalet li l-familji għandhom ħafna x’joffru iżda jeħtieġu għajnuna biex jiskopru l-ħiliet tagħhom. 

    It-tieni tema kienet dwar il-ħiliet tal-persuna li huma pedament ewlieni għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu u għal saħħa aħjar kemm tal-persuna kif ukoll tas-soċjetà. 

    Is-Sa. Amanda Borg, ekonomista speċjalizzata fil-qasam tal-investiment soċjali, qalet li l-indiċi tal-kuntentizza (Happiness Index), li jsir mill-OECD u l-Ġnus Magħquda bħala indikatur ieħor ta' kif sejra l-ekonomija, juri li iktar ma jiżdied id-dħul tal-persuna, inqas hemm ċans li persuna tħossha kuntenta. 

    It-tielet tema kienet tittratta l-fatturi soċjali, b’Dott. John Cachia, Kummissarju ghas-Saħħa Mentali, jiffoka fuq għarfien aħjar tal-isfidi u l-opportunijiet biex niksbu u nżommu saħħa mentali aħjar. Qal li dan jista’ jseħħ billi nifhmu xi jwassal għal problemi fis-saħħa mentali, il-ħtieġa li wieħed ifittex l-għajnuna kmieni u li m’hemmx aqwa minn trattament bikri. Żied jgħid li b’hekk tonqos ukoll l-istigma.

    Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru Evarist Bartolo, il-Ministru Michael Falzon u l-Membru Parlamentari Stephen Spiteri. 

    Min-naħa tiegħu, il-President George Vella qal li biex ikollna saħħa mentali aħjar jeħtieġ is-sehem sħiħ tas-soċjetà kollha, b’għarfien bikri u interventi f’waqthom biex jiġi evitat li l-mard jiggrava u jsir aktar serju. 

    Il-President Vella qal li jeħtieġ iktar koordinazzjoni bejn diversi għaqdiet u servizzi bi prevenzjoni għad-dipendenza fuq sustanzi psikotropiċi u l-logħob tal-azzard u fuq l-internet; is-self-harm u s-suwiċidju; u kull tip ta’ vjolenza u abbuż. 

    Il-konferenza nazzjonali ttellgħet mill-Uffiċċju tal-President bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.  Din hija l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet li qed isiru biex ifakkru l-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.

    Fil-bidu tal-konferenza xxandar filmat ta’ David Spiteri Gingell li rrakkonta l-esperjenza tiegħu dwar kif indirizza l-kundizzjoni tal-bipolar u l-importanza tal-appoġġ kontinwu li jeħtieġ ikollhom persuni b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0