F’Malta ta’ kull xahar medja ta’ tliet persuni “jmutu għal xejn b’xejn”

  • Set 10, 2019 10:46
  • Miktub minn iNews
"

     

    “Ta’ kull sena f’pajjiżna bejn 30 u 40 ruħ imutu għal xejn b’xejn, li tirriżulta f’medja ta’ tliet suwiċidji kull xahar. Il-Crisis Resolution Malta (CRM) tirrapporta li kull sena hawn mal-1,000 ruħ f’Malta li jkollhom ħsibijiet ta’ suwiċidju u li tirċievi ma’ 15-il telefonata fil-ġimgħa minn persuni fi kriżi.” Qal dan Dr Mark Xuereb, kap tal-CRM, lil L-ORIZZONT fejn ħabbar it-tnedija tal-Fondazzjoni Sokkors fil-Pront (SFP) biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. L-għan wara din il-Fondazzjoni hu li tagħti għajnuna immedjata lil dawk li jsofru fis-skiet meta jidħlu fi kriżi serja tant li jikkontemplaw is-suwiċidju.

    F’Malta l-aktar faxxa ta’ persuni li huma fil-periklu ta’ suwiċidju huma l-irġiel separati fl-etajiet ta’ bejn l-40 u l-50 sena iżda sfortuntament jidher li n-numru taż-żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena li jikkontemplaw itemmu ħajjithom b’idejhom, qiegħed dejjem jiżdied. Dr Xuereb qal lil dan il-ġurnal li l-għajnuna mill-Fondazzjoni l-ġdida, se tingħata permezz ta’ linja telefonika bla ħlas u 24/7 u se tkun imħaddma minn professjonisti mħarrġa. Il-Fondazzjoni Sokkors fil-Pront se taħdem ma’ diversi entitajiet biex tippromwovi proġetti maħsubin ħalli jonqos, jew saħansitra jispiċċa għal kollox, is-self-harm u biex toffri appoġġ lil dawk li jkunu fi kriżi. Il-Fondazzjoni se tagħti wkoll pariri professjonali lill-għeżież ta’ dawk li jkunu għaddejjin minn kriżi biex dawn ikunu jafu x’għandhom jagħmlu u kif jistgħu jgħinuhom isibu aktar għajnuna. 

    L-SFP se titmexxa skont linji gwida msejsin fuq l-evidenza u hi bbażata fuq il-‘Befrienders Worldwide’ li hi l-aktar entità awtorevoli fid-dinja kollha fil-qasam u li weldet lis-Samaritans (l-oħt Ingliża tal-SFP). Din il-Fondazzjoni se tintrabat bil-‘Karta tal-Befrienders’ li tikkontempla l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ emozzjonali lil dawk li huma suwiċidali u/jew għaddejin minn żmien diffiċli. 

    “B’riħet l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom organizzati mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, inkluża l-Crisis Resolution Malta (CRM), Malta saret konxja mir-realtà kiefra ta’ dawn it-traġedji li, bis-sew, jistgħu jiġu evitati,” kompla Dr Xuereb. Huwa qal li r-riċerka turi li jekk ikun hemm linji ta’ appoġġ u timijiet li jgħinu fil-kriżijiet, is-suwiċidji jistgħu jiġu evitati. 

    Huwa jemmen li anke suwiċidju wieħed huwa żejjed minħabba fl-uġigħ li jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra kkawżat mis-suwiċidju. 

    Figuri allarmanti…

    “L-istatistika tikkonferma mingħajr ebda ambigwità l-ħtieġa għal din il-Fondazzjoni. L-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa, WHO, tgħid li n-numru ta’ persuni li jikkommettu suwiċidju ta’ kull sena madwar id-dinja kollha (1 kull 40 sekonda), għad ilaħħaq madwar darbtejn il-popolazzjoni ta’ Malta,” sostna l-kap tal-Crisis Resolution Malta. Barra minnhekk qal li għal kull suwiċidju li jirnexxi hemm 20 li jagħmlu attentati u dan għax ma jkollhomx aċċess għall-kura f’mument ta’ kriżi. 

    Is-suwiċidju hu t-tieni l-aktar kawża ewlenija tal-imwiet ta’ dawk ta’ bejn il-15 u 29 sena madwar id-dinja; fl-ewwel post hemm it-trawma (WHO, 2016). Is-suwiċidju hu l-kawża ewlenija tal-imwiet  ta’ min jabbuża mid-drogi (tliet darbiet aktar għall-irġiel, disgħa għan-nisa) (Drasigic, 2015). 25% tal-popolazzjoni għandhom diżordni dijanostikabbli ġej minn kawża mentali jew minn użu ta’ drogi, jew it-tnejn (Kessler, 2005). Hawnhekk Dr Xuereb qal li, “huwa ta’ dieqa li 40% biss jirċievu trattament u għalhekk is-suwiċidju ta’ sikwit ma jiġix innotat (Wang, 2005)”. 

    Fost il-figuri li tana, għal kull mewta, mill-inqas sitta mill-għeżież tal-mejjet jibqgħu milqutin psikoloġikament għal għomorhom (WHO, 2014), ikollhom riskju ogħla ta’ suwiċidju matul il-bqija ta’ ħajjithom (65%) u ma jkomplux jaħdmu jew jistudjaw (85%) (Pitman, 2016). 

    Dan il-professjonist fil-kamp tal-prevenzjoni tas-suwiċidju qal li l-membri tal-familja u l-ħbieb ta’ dawk li jikkomettu suwiċidju jqattgħu ħajjithom jistaqsu lilhom infushom, ‘imma għaliex għamel hekk?’, ‘għaliex ma fetħitx qalbha?’, jew agħar minn hekk “għaliex ma ndunajtx?” 

    Dr Xuereb qal li, “x’aktarx l-agħar traġedja tkun meta min ikollu l-ħsieb tas-suwiċidju jkun jixtieq jitkellem dwar is-suwiċidju. Ikun jixtieq iferra’ għomtu ħa joqtol l-uġigħ u mhux lilu nnifsu. Jingħadu ħafna ħmerijiet, bħal ngħidu aħna li jekk titkellem dwar is-suwiċidju tkun qed tħeġġeġ is-suwiċidju. Imma dawn ħmerijiet u kulma jagħmlu hu li jiggravaw it-turment ta’ dak li jkun. Min ikun qed jaħseb fis-suwiċidju jkun irid jgħix hekk malli jirċievi l-għajnuna. Dan ġie kkonfermat kemm-il darba minn min ipprova s-suwiċidju u ma rnexxielux”. 

    Il-Kap tal-Crisis Resolution stqarr li min jgħaddi minn din l-esperjenza, jiġifieri tas-suwiċidju li ma rnexxiex, ta’ sikwit isir jitkellem b’konvinzjoni dwar li s-suwiċidju ma jsolvi xejn. Kompla jgħid li dawn in-nies jitkellmu minn qalbhom dwar meta dak li jkun jasal fil-punt li ma jkunx jista’ jara alternattiva għajr li jieħu ħajtu b’idejh u dwar il-jiem, sigħat u minuti li jwasslu għal dan. “Jiddeskrivu li jirrealizzaw li ma jridux imutu imma, minflok, jixtiequ kieku xi ħadd jindaħal u jwaqqafhom.”

    Ħidma bla heda li diġà salvat 70 ħajja

    “Meta wieħed jipprova jsib minuta u jitkellem ma’ xi ħabib, qarib jew xi ħadd li qajla jafu u jipprova jsib l-għajnuna professjonali jista’ jibdel il-kors ta’ ħajtu (WHO, 2014),” kompla l-psikjatra. Huwa qal li f’Malta, il-Crisis Resolution Malta ilha mill-2010 tagħmel kampanji biex tikkonvinċi lil min ikun f’diffikultajiet biex jitkellem. B’riżultat ta’ dan, ġew salvati madwar 70 ħajja, b’kollaborazzjoni mal-pulizija u mas-servizzi tal-emerġenza li dejjem taw l-almu kollu tagħhom b’mod mill-aqwa. “Il-ftuħ tal-qalb isalva l-ħajjiet. B’xorti ħażina, iżda, mhux kulħadd kien iffortunat biżżejjed,” stqarr b’dieqa Dr Xuereb. 

    Il-Fondazzjoni Sokkors fil-Pront se toffri servizz li jsalva l-ħajja fejn se toffri alternattivi u tħeġġeġ lin-nies jiftħu qalbhom. Huwa qal li jridu juru li permezz tas-servizzi tal-għajnuna fil-kriżijiet, l-ebda problema m’hi insormontabbli u li l-ħajja, għad li fiha l-isfidi, hi sabiħa avolja mhix perfetta. Irridu lin-nies jgħixu, kif jgħid l-innu tal-SFP “Irridek Tgħix”, innu miktub minn Joe Demicoli.

    Il-psikjatra qal li din il-Fondazzjoni hi wkoll konxja li s-self-harm “jittieħed”, kemm fil-familja, kif ukoll meta personalitajiet magħrufa jneħħu ħajjithom b’idejhom. Fis-sens li l-eżempju jkaxkar u dawk li huma vulnerabbli jikkupjaw bl-hekk imsejjaħ ‘werther effect’.

    Il-mard fit-tul, ukoll f’dawk li ma jkollhom l-ebda rekord ta’ problemi ta’ saħħa mentali, jgħolli r-riskju tas-suwiċidju (Ahmedani, 2017). 

    Id-diffikultajiet fit-tfulija wkoll ġew assoċjati ma’ riskju ogħla ta’ suwiċidju fl-adoloxxenza. L-ogħla rati ta’ suwiċidju nstabu fost dawk li kienu esposti għas-suwiċidju fil-familja, għad-diżordni psikjatriku fil-ġenituri u għall-kriminalità tal-ġenituri. L-esperjenzi li jitilfu membri familjari, id-diffikultajiet fl-integrazzjoni u l-perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ kura, ukoll jistgħu jikkontribwixxu għas-suwiċidju fil-popolazzjonijiet tar-refuġjati (Wasserman, 2017). 

    L-istatistika ta’ kull sena tas-CRM u l-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li r-rata ta’ suwiċidju baqgħet stabbli, bi tmien suwiċidji għal kull 100,000 ruħ fil-popolazzjoni (Eurostat, 2015). Biex dan it-tagħrif kollu jingħata użu prattiku, il-Fondazzjoni se tipproduċi rapport ta’ kull sena li juri l-aspetti demografiċi tas-self harm u s-suwiċidju, in-natura tagħhom u ċ-ċirkostanzi marbutin magħhom. Dan ir-rapporti se jagħti tagħrif dinamiku biex b’hekk titjieb l-istrateġija nazzjonali tal-prevenzjoni tas-suwiċidju.

    Nixgħelu xemgħa bħala tifkira u sostenn

    “B’danakollu, ma kienx dan it-tagħrif xejn sabiħ biss li wassalna biex naġixxu. In-nies m’humiex numri. Kull persuna għandha storja li ma tintnesiex u ta’ qsim il-qalb kif jingħad fil-kanzunetta ‘Irridek Tghix’. L-SFP għalhekk timpenja ruħha li tagħmel dak li hu meħtieġ u tmur lil hinn mill-kliem sabiħ tal-‘ħolqien ta’ kuxjenza’ u daqshekk,” sostna l-psikjatra. 

    L-appell hu li kulħadd jagħti l-appoġġ tiegħu biex titkompla l-ħidma tajba li saret minn tant nies, kif tidher fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali li tnediet dan l-aħħar. Il-kap tal-Crisis Resolution Malta talab biex bħala poplu u familja waħda ningħaqdu mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li magħha hi affiljata l-SFP u mal-bqija tad-dinja, billi nixgħelu xemgħa fuq il-ħoġor tat-tieqa fit-8 tal-lejla. Dan isir b’tifkira għal dawk li ma kellhomx għalfejn imutu għal xejn b’xejn u bħala sostenn għal dawk li jinsabu fi kriżi. “Issieħbu magħna ħalli nsalvaw il-ħajjiet u nwaqqfu l-uġigħ għax irriduhom jgħixu,” temm Dr Xuereb.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0