“Lejn Forzi Armati aktar effiċjenti”

  • Set 15, 2019 08:03
  • Miktub minn iNews
"

    Il-gvern preżenti u dak preċedenti imbarkaw fuq programm estensiv biex iżidu l-kapaċità operattiva tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) kemm fl-ajru, fuq l-art u anke fuq il-baħar. Dan sa issa sar billi nxtraw ħelikopters, ajruplani, patrol boats, mezzi tat-telekomunikazzjoni u apparat militari ieħor flimkien ma’ programmi ta’ taħriġ kontinwu għal membri li jirriflettu l-esiġenzi li korp militari għandu bżonn fiż-żminijiet tal-lum. Permezz ta’ dan tiġi kustodita l-integrità territorjali u jkun hemm l-ogħla livell possibbli f’operazzjonijiet li jitwettqu kemm lokalment u anke barra t-territorju Malti. Fost dawn l-operazzjonijiet insibu kemm dawk ta’ rutina u anke dawk ta’ avvenimenti kbar u importanti, fosthom iċ-CHOGM u żjarat statali minn dinjitarji barranin. Iżda wieħed ma jistax ma jsemmix operazzjonijiet li l-FAM wettqet barra t-territorju Malti. Ħafna minnhom taħt il-kappa tal-OSCE u Nazzjonijiet Uniti. Fosthom insibu dawk li seħħu fil-Libja, Georgia, Somalia, Uganda, Kosovo u diversi operazzjonijiet mal-Aġenzija FRONTEX u EUNAVFORMED.

    Iżda biex dan l-investiment jitħaddem bl-aħjar mod possibbli u l-pajjiż igawdi l-frott tiegħu dan jinħtieġ li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-FAM jitjiebu b’mod sostanzjali. Fejn jidħol ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda huwa fatt magħruf li l-FAM mhux qiegħda tattira la numri u wisq aktar ċittadini mid-dinja ċivili li jippossjedu ħiliet tant neċessarji għall-FAM. Dawn il-ħiliet huma bżonnjuzi biex l-FAM jkollha l-kapaċità li toffri s-servizzi ta’ sigurtà, salvataġġ u infurzar tal-liġi, billi topera ajruplani, ħelikopters u patrol boats u trawwem suldati li joffru sigurtà fl-ajruport u f’postijiet strateġiċi oħra, għaddasa u tekniċi tal-isplussiv, suldati oħrajn li jservu fil-kċejjen u membri oħrajn li jagħmlu xogħol amministrattiv u loġistiku u oħrajn li xogħolhom jgħallmu lill-membri tal-FAM suġġetti militari bħal tagħrif fuq armi, drill u attività fiżika fost oħrajn. Fatt ieħor huwa li l-membri li jkunu lestew is-servizz u li jkunu fil-pussess ta’ ċertu kwalifiki flimkien ma’ volum sostanzjali ta’ esperjenza, fil-maġġoranza assoluta tagħhom qegħdin jagħżlu li jirtiraw mill-FAM u jmorru jkomplu l-ħajja tax-xogħol tagħhom barra l-FAM. Xi ħaġa oħra li sa ftit ilu ma kenitx isseħħ daqshekk frekwenti hi meta uffiċjali u suldati li jkunu ilhom ammont ta’ snin fil-Forza qed jagħżlu li jirriżenjaw mingħajr ma jgawdu minn ebda benefiċċju u jmorru jaħdmu band’oħra.

    B’dawn iċ-ċirkostanzi kollha li qed isseħħu b’rittmu mhux kajman, qed dejjem aktar tillimita l-FAM fil-kapaċitajiet tagħha u ġabet lill-Forza topera bejn wieħed u ieħor b’75% tal-membri li oriġinarjament hi ddisinjata biex topera bihom.  L-impatt ta’ dan huwa li qed tinħoloq aktar pressjoni fuq l-uffiċjal u s-suldat innifsu għax il-volum tax-xogħol li hemm u li dejjem qed jiżdied xorta waħda jrid jitwettaq, bid-differenza li issa r-riżorsa umana fil-FAM naqset b’mod sostanzjali. Dan kollu qed iwassal għal ċirku vizzjuz fejn aktar mal-membru jaqa’ taħt pressjoni aktar ifittex biex ikompli l-karriera tax-xogħol tiegħu barra l-FAM.

    Biex tieqaf din l-emoraġija u l-FAM tibda tattira aktar numri u possibilment numri ta’ kwalità huwa neċessarju li jkun hemm qabża sostanzjali fis-salarju bażiku u anke fl-allowances. Wieħed irid iqis li meta suldat jaħdem xiftijiet ta’ 24 siegħa bi ftit mistrieħ u f’ċerti ċirkostanzi ħafna aktar (jumejn u iżjed) u li huwa l-uniku membru fil-korpi dixxiplinati li ma jibbenifikax mid-dritt għall-ħlas tas-sahra, ma jistax ikun li l-membri tal-FAM jibqgħu jitħallsu allowances li fil-maġġoranza tagħhom l-aħħar li ġew riveduti kien fis-sena 1993, sitta u għoxrin sena ilu. Barra minn hekk meta ħaddiem jaħdem dawk is-sigħat kollha ta’ xogħol u meta wieħed jikkunsidra r-riskju li ċertu attività ġġib magħha, żgur li mhux xieraq li biex ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-ħajja tal-lum ikollu jirrikorri għal xogħol ieħor part-time. Wara kull uffiċjal u suldat hemm familja li tagħti sostenn lill-individwu u li għajxien tagħha jiddependi mir-rimunerazzjoni li jirċievi l-uffiċjal u s-suldat. Għaldaqstant umilment qed nappellaw lill-awtorità kkonċernata biex fit-taħditiet li għaddejjin dwar il-ftehim settorjali tal-FAM, ikollha konsiderazzjoni pożittiva għat-talbiet li qed isiru mill-GWU biex ikun hemm titjib sostanzjali fir-rimunerazzjoni lill-membri tal-FAM u dan mingħajr aktar dewmien żejjed.

    Kumitat AFM-GWU

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0