Tnaqqis fl-adozzjonijiet barra l-pajjiż … bidla fil-profili tat-tfal għall-adozzjoni

  • Set 15, 2019 09:57
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Esperti fil-qasam tal-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż (intercountry adoptions) li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalu li llum il-ġurnata qegħdin jonqsu l-adozzjonijiet ta’ dan it-tip, filwaqt li nbidlu l-profili tat-tfal li qegħdin jitpoġġew għall-adozzjoni. L-esperti spjegaw li t-tfal li qegħdin jitpoġġew għall-adozzjoni qegħdin ikunu ta’ età akbar, inkella bi problemi ta’ mġieba jew b’karatteristiċi speċjali, jew saħansitra jkunu aħwa. 

    Matul din il-ġimgħa, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) ġabet f’pajjiżna tliet esperti fil-qasam tal-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż, ħalli jipprovdu sessjonijiet ta’ taħriġ lil numru ta’ impjegati tal-fondazzjoni. Id-Direttur għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u r-Riċerka, Claudette Abela Baldacchino, flimkien mad-Dipartiment tat-Taħriġ tal-fondazzjoni kienu responsabbli minn dan it-taħriġ li sar fuq medda ta’ tlett ijiem f’The Meeting Place. 

    Tkellimna mal-esperti Lisa Robinson, Sandrine Pépit u Jimmy Messineo li kollha jaħdmu bħala speċjalisti mal-International Social Services (ISS) u għandhom esperjenza kbira f’dan il-qasam. 

    Huma spjegawlna li l-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; il-Konvenzjoni tal-Hague dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Koperazzjoni fir-rigward tal-Adozzjonijiet minn barra l-pajjiż; il-Linji Gwida tal-Ġnus Magħquda dwar Kura Alternattiva għat-Tfal; u fl-Ewropa taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. 

    Malta hi parti minn dawn il-konvenzjonijet li jirrispettaw il-prinċipju fundamentali li jiġi salvagwardjat l-aqwa interess tat-tfal. Barra minn hekk, l-esperti qalu li fejn jidħlu adozzjonijiet minn barra l-pajjiż, hu aċċettat li l-akbar konsiderazzjoni għandha tingħata lir-rispett lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan ifisser li l-ewwel għandhom jinstabu soluzzjonijiet fuq livell nazzjonali, qabel mat-tfal jingħataw għall-adozzjoni barra l-pajjiż. Dan mhux biss ifisser li tingħata prijorità għall-adozzjonijiet domestiċi, iżda li tingħata prijorità għal soluzzjonijiet fejn it-tfal ikunu jiġu sostnuti ħalli jibqgħu mal-familji tagħhom. 

    Rigward it-tnaqqis fl-adozzjonijiet u l-bidla fil-profili tat-tfal, l-esperti qalu li minħabba f’hekk il-pajjiżi li jirċievu t-tfal għandhom jaddattaw il-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom, filwaqt li jsegwu x’appoġġ jingħata ħalli jiżguraw li t-tfal jiġu mqabbla mal-ġenituri t-tajbin li jistgħu jilħqu l-bżonnijiet tagħhom. B’dan il-mod jiġi evitat ħafna tfixkil. 

    Dawn il-kelliema semmewlna wkoll li l-pajjiżi involuti f’adozzjonijiet minn barra l-pajjiż qegħdin ukoll jiffaċċjaw talbiet minn tfal adottati li jkunu jridu jsiru jafu l-oriġini tagħhom u ċ-ċirkostanzi li fihom saret l-adozzjoni. Għalhekk qalulna li jrid jingħata l-appoġġ meħtieġ anke waqt dan il-proċess, minħabba li l-informazzjoni li jiskopru tista’ tkun nieqsa minn ċerta dettalji jew tinkludi anke prattiċi illeċiti. 

    Bżonn appoġġ kontinwu

    Il-kelliema spjegawlna wkoll kemm hu importanti li jingħata appoġġ kontinwu lill-familji adottivi u lit-tfal adottati. Qalu li permezz ta’ dan l-appoġġ tikber ir-rabta, ikun hemm aktar stabilità u jiġu evitati l-fallimenti. Barra minn hekk, sostnew li l-appoġġ hu meħtieġ aktar meta t-tfal jitolbu li jkunu jafu dwar l-oriġini tagħhom. 

    Fir-rigward tat-tfal, l-esperti qalu li adozzjoni minn barra l-pajjiż hi bidla kbira f’ħajjithom; kemm fl-ambjent, fil-kultura u f’affarijiet oħra li jaffettwawhom. Dan barra li ħafna drabi huma jkunu diġà għaddew minn trawma qabel ma ngħataw għall-adozzjoni. 

    Hemm nuqqas ta’ informazzjoni

    Mistoqsijin dwar il-possibbiltà li l-adozzjonijiet ifallu, l-esperti qalu li minn żmien għal ieħor ġieli jkun hemm xi tfixkil, minħabba d-differenzi kbar li jkun hemm. Dawn jistgħu jwasslu għall-abbandun sħiħ tat-tfal, jew inkella nuqqas fir-relazzjonijiet wara l-adoloxxenza. 

    Madankollu, l-esperti qalu li hemm nuqqas ta’ statistika u għalhekk l-ISS temmen li għandu jkun hemm indikaturi uniformi, maqbulin bejn l-istati, dwar dak li jikkostitwixxi t-tkissir ta’ adozzjoni. Barra minn hekk, tħoss li għandha tinġabar iżjed informazzjoni u din tinqasam bejn il-pajjiżi, ħalli jifhmu xi jwassal għat-tkissir tal-adozzjonijiet, kif l-aħjar li jirrispondu għalihom u kif jistgħu jevitaw dan it-tkissir. 

    Anke fir-rigward ta’ xi jwassal biex l-adozzjonijiet ma jirnexxux, il-kelliema qalu li għad m’hemmx riċerka konsistenti u għalhekk m’hemmx tweġiba definittiva. Madankollu, qalu li hemm ċerta fatturi li ġew identifikati, fosthom il-problema meta d-diffikultajiet ma jiġux indirizzati mill-bidu bħad-differenzi fil-kultura u problemi emottivi. Barra minn hekk, semmew nuqqasijiet li jistgħu jsiru fl-evalwazzjoni tal-ġenituri adottivi; nuqqas ta’ moniteraġġ u appoġġ; u nuqqas ta’ preparazzjoni lill-ġenituri adottivi dwar dak li għandhom jistennew wara l-adozzjoni. Semmew ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni bejn l-istati li minħabba fihom ma jkunux jistgħu jsiru bidliet pożittivi biex aktar adozzjonijiet jirnexxu. 

    Biex jitnaqqsu r-riskji li l-adozzjonijiet ifallu, il-kelliema qalu li jridu ikun hemm evalwazzjonijiet fil-fond; preparazzjoni tajba għall-ġenituri adottivi; tinkiseb l-informazzjoni sħiħa dwar it-tfal u tirrifletti r-realtajiet kollha tagħhom; ikun żgurat li t-tfal huma lesti għal adozzjoni barra l-pajjiż u jkunu jafu x’qed jiġi propost; jsir moniteraġġ kontinwu u jingħata l-appoġġ; u jkun hemm koperazzjoni u qsim ta’ informazzjoni bejn l-istati. 

    It-talba biex isiru jafu l-oriġini tagħhom

    L-esperti spjegawlna li l-kapaċità li t-tfal ifittxu l-oriġini tagħhom hi essenzjali u appoġġjata minn standards ta’ drittijiet internazzjonali li jgħidu li t-tfal għandhom dritt, li fejn possibbli, jkunu jafu u jiġu mħarsa mill-ġenituri tagħhom. Barra minn hekk, l-istati huma obbligati li jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jippreservaw l-identità tagħhom. 

    Qalulna wkoll li l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Adozzjoni tirrakkomanda li l-informazzjoni għandha tinżamm mill-istati għal perjodu ta’ 50 sena. Madankollu, l-ISS taħsibha mod ieħor u temmen li l-istati għandhom iżommu din l-informazzjoni b’mod indefinit peress li l-ġenerazzjonijiet tal-futur jistgħu jkunu interessati f’din l-informazzjoni. 

    L-esperti qalu li biex jiġi salvagwardjat dan id-dritt, l-istati għandhom jinvestu biex jagħtu l-appoġġ lit-tfal u lil dawk li jiġu adottati, meta dawn ifittxu l-oriġini tagħhom. Għalhekk l-ISS ħolqot linji gwida biex tgħin, filwaqt li n-netwerk tal-ISS jipprovdi appoġġ professjonali fosthom anke medjazzjoni internazzjonali bejn il-familji. 

    F’dan ir-rigward, it-teknoloġija tista’ tkun instrumentali biex tħaffef il-proċess. Il-kelliema qalulna li saret aktar faċli biex issib il-familja bijoloġika, anke barra mill-mezzi professjonali. Dan jista’ jsir kemm permezz tal-midja soċjali, kif ukoll b’testijiet tad-DNA. Madankollu, l-ISS twissi biex dawn is-servizzi jingħataw b’attenzjoni kbira meta ma jintalbux permezz ta’ mezzi professjonali. Spjegaw li dawn il-persuni jkollhom bżonn appoġġ professjonali, fost l-oħrajn biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet, tamiet u anke aspettattivi, filwaqt li jiġu ppreparati għar-riżultati u għal xi informazzjoni sensittiva li tista’ tirriżulta, fosthom li l-ġenituri bijoloġiċi jistgħu ma jkunux iridu jafu bihom jew inkella li saret xi ħaġa illeċita fil-proċess tal-adozzjoni. 

    Mistoqsija dwar l-effetti li jista’ jkollu dan il-proċess fuq il-ġenituri adottivi u fuq it-tfal, l-esperti qalu li dan jiddependi skont l-individwi involuti. Madankollu, spjegaw li hi esperjenza emozzjonali u allura waħda mill-kwistjonijiet tista’ tkun li l-ġenituri jħossuhom imbeżża’ li se jitilfu lit-tifel jew tifla li jkunu adottaw. Min-naħa l-oħra, it-tfal jistgħu jħossuhom maqsumin bejn żewġ dinjiet diffferenti u allura żgur ikun hemm bżonn għajnuna professjonali. L-ISS għandha netwerk f’aktar minn 100 pajjiż u f’Malta hi rappreżentata mill-FSWS. Dawn jipprovdu l-għajnuna professjonali li jkun hemm bżonn. 

    Adozzjonijiet illegali u b’mod illeċitu

    Il-kelliema semmewlna wkoll kif minkejja li hemm diversi strumenti internazzjonali biex jissalvagwardjaw l-adozzjonijiet, l-adozzjonijiet illegali xorta għadhom iseħħu madwar id-dinja. Semmewlna każi ta’ adozzjonijiet mingħajr ma jkun ingħata kunsens; adozzjonijiet ta’ tfal li jitniżżlu bħala orfni b’mod qarrieq, b’ċertifikati tat-twelid foloz jew inkella billi ċerta professjonisti jiġu mxaħħmin. 

    Filwaqt li ma teżistix statistika, l-ISS għamlet studju fl-2012 li wera li kważi kull pajjiż tad-dinja ġie affettwat minn prattiċi illeċiti fl-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż. L-istudju kien ibbażat fuq informazzjoni miġbura minn madwar id-dinja dwar każi ta’ attivitajiet illeċiti relatati ma’ adozzjonijiet minn barra l-pajjiż fl-aħħar 50 sena. L-istudju mmarka kwistjonijiet ta’ tħassib, filwaqt li eżamina l-ostakli teoretiċi u tekniċi li jfixklu l-protezzjoni tat-tfal. Fuq kollox, dan ir-rapport jagħti numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġu evitati dawn il-prattiċi. 

    Rigward l-awtoritajiet tal-pajjiżi, l-esperti qalulna li dawn jistgħu jirrispondu għall-illegalitajiet permezz tal-liġijiet domestiċi billi joħolqu sanzjonijiet u anke jipprojbixxu ċerta prattiċi. Permezz tal-liġijiet domestiċi jistgħu wkoll jingħataw rimedji taħt il-liġi ċivili. Mil-lat ta’ politika, l-esperti qalu li l-istati jistgħu jiżguraw li jingħataw l-appoġġ li hemm bżonn, li jinkludi possibbilment appoġġ finanzjarju lill-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. 

    Barra minn hekk, il-kelliema qalulna li hu essenzjali li l-istati jaħdmu flimkien biex inaqqsu t-traffikar tat-tfal u l-abbużi fuqhom. Spjegawlna li l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Hague hu li jkun hemm kollaborazzjoni u koperazzjoni, filwaqt li jiġu użati prattiċi etiċi. Permezz tar-rispett lejn il-Konvenzjoni tal-Hague, l-istati jistgħu jiksbu ċerta kunfidenza li l-istati li qegħdin jaħdmu magħhom qegħdin jieħdu azzjoni u għandhom miżuri legali biex jiġġieldu t-traffikar u l-abbuż tat-tfal. 

    Adozzjonijiet privati u indipendenti

    L-esperti tkellmu magħna wkoll dwar l-adozzjonijiet privati u indipendenti. Spjegawlna li dawn jirriskjaw li jiksru l-prinċipju tas-sussidjarjetà; li ma jagħmlux evalwazzjoni kif suppost dwar kemm it-tfal jistgħu jiġu adottati; u ma jagħmlux proċess professjonali ta’ taqbil bejn il-ġenituri u t-tfal. Minħabba f’hekk qalu li jista’ jkun hemm riskji li t-tfal ma jsibux ġenituri li jistgħu jagħtuhom dak li għandhom bżonn, jew inkella li jsiru pagamenti diretti u jsir qligħ li mhux suppost. Madankollu, huma spjegaw li dawn l-adozzjonijiet huma illegali taħt il-liġi Maltija. 

    Flimkien ma’ dawn l-adozzjonijiet, semmewlna wkoll adozzjonijiet minn nies espatrijati fejn il-ġenituri jkunu marru f’pajjiż, adottaw minn dan il-pajjiż, iżda ftit wara jfittxu li jirritornaw fl-istat oriġinali tagħhom flimkien mat-tfal. Dan il-proċess jaqbeż il-protezzjoni internazzjonali tal-Konvenzjoni tal-Hague u tpoġġi riskji ta’ bejgħ, traffikar u sfruttar tat-tfal. Anke meta ma jseħħux dawn l-abbużi, xorta jkun hemm riskju li t-tfal ma jkunux jistgħu jgħixu fl-istat oriġinali tagħhom hekk kif l-adozzjoni tista’ ma tiġix rikonoxxuta. 

    Tip ta’ adozzjoni oħra li tkellimna dwarha mal-esperti hi dik imsejħa “miftuħa” u din tiġi meta l-qorti jew awtorità kompetenti oħra tiddeċiedi hu fl-aħjar interess tat-tfal li jkompli jkollhom kuntatt mal-ġenituri bijoloġiċi, minkejja li r-responsabbiltà tat-tfal tiġi ttrasferita fuq il-ġenituri adottivi. Huma spjegaw li ġeneralment din tiġri biex it-tfal ikollhom xi tip ta’ konnessjoni mal-oriġini tagħhom u jżommu r-relazzjoni familjari. Madankollu, l-esperti qalulna li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu każ b’każ, skont il-bżonnijiet tat-tfal u skont ir-riskji li jista’ joħloq dan il-kuntatt. Dawn l-adozzjonijiet jeżistu anke f’Malta u hi l-Qorti li tiddetermina jekk huma hix fl-aqwa interess tat-tfal. 

    Adozzjonijiet minn persuni waħedhom u minn LGBT

    Rigward adozzjonijiet minn persuni waħedhom u minn persuni LGBT, il-kelliema qalulna li din hi deċiżjoni li tittieħed minn kull stat li jfassal il-kriterji tiegħu. Fil-fatt, qalu li din hi deċiżjoni sovrana tal-istati. Madankollu, b’rispett għall-ispirtu ta’ koperazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Hague, l-istati jridu jirrispettaw it-talbiet tal-istati l-oħra, jiġifieri fejn stat ma jaċċettax adozzjonijiet minn ġenituri LGBT jew minn persuni waħedhom, il-fajls ta’ ġenituri waħedhom jew LGBT m’għandhomx jintbagħtulhom. 

    It-taħriġ lill-professjonisti hu essenzjali

    Mistoqsijin dwar it-taħriġ li taw f’Malta, l-esperti qalu li hu essenzjali li l-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam ikollhom stampa ġenerali tal-istandards tad-drittijiet internazzjonali li huma relatati mal-adozzjonijiet minn barra l-pajjiż. Barra minn hekk, saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm kollaborazzjoni internazzjonali għax din tippermetti li jiġu mifhuma aspetti kulturali u realtajiet differenti fl-istati rispettivi. 

    Għal dan il-għan, l-ISS taħdem mal-awtoritajiet ċentrali madwar id-dinja u tipprovdi riċerka u informazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet f’diversi stati. Tipprovdi wkoll taħriġ, assistenza teknika u anke appoġġ. L-ISS ħadmet f’aktar minn 30 pajjiż u tingħata fondi minn aktar minn 20 awtorità ċentrali tal-adozzjonijiet. 

     

    Dwar dan tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti li stqarr li fl-aħħar tliet snin tat-tmexxija tiegħu mill-2016 ‘l hawn, il-fondazzjoni investiet ħafna ħin, enerġija u riżorsi, partikolarment riżorsi umani, biex jinbnew kuntatti internazzjonali. Spjegalna li b’mod partikolari l-fondazzjoni hi membru attiv ħafna tal-European Social Network (ESN) u tal-International Social Service (ISS). Fil-fatt, l-FSWS ġiet eletta fuq il-Kunsill Governattiv tal-ESN u fuq il-Bord Governattiv tal-ISS. 

    Grixti qal li fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tal-kuntatti internazzjonali hu li l-professjonisti tal-fondazzjoni jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ professjonisti oħra minn madwar l-Ewropa u mill-bqija tad-dinja u jaqsmu magħhom l-esperjenzi li jiffaċċjaw u b’hekk jitgħallmu minn xulxin. 

    Il-Kap Eżekuttiv semma li aktar kmieni din is-sena l-fondazzjoni organizzat konferenza ta’ ġurnata fejn kien mistieden il-Kap Eżekuttiv tal-ESN, Alfonso Montero. Hu mexxa taħriġ dwar “Evaluation and evidence in local social services”. Miegħu kien hemm ukoll il-Professur Ann Buchanan mill-Università ta’ Oxford li żviluppat metodoloġija u għodod għal dawk li jissejħu ‘evidence based services’. 

    Alfred Grixti qal li għalhekk kien naturali li jistiednu lill-ISS biex ukoll jagħtu taħriġ fuq il-qasam tant delikat u li huma esperti mondjali fih, dak tal-adozzjonijiet. Grixti spjega li l-ISS twaqqfet fl-1924 u hi waħda mill-uniċi organizzazzjonijiet li twaqqfu wara l-ewwel gwerra dinjija u għadha tiffunzjona sal-lum. Qal ukoll li l-ISS tispeċjalizza fil-qasam tat-tfal li jinqabdu fil-migrazzjoni u li jkunu bla protezzjoni u ħarsien, u allura li jkunu suġġetti għat-theddida tat-traffikar. Spjega li dan ukoll hu ta’ theddida għall-adozzjonijiet, fejn hemm tagħrif dokumentat li ċerti adozzjonijiet ma sarux skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Hague iżda biss bħala tranżazzjoni finanzjarja u fejn għaddew flejjes mhux żgħar biex nies adottaw tfal minn pajjiżi oħra. 

    Grixti qal li f’dan il-kuntest hu essenzjali l-professjonisti tal-fondazzjoni jkollhom it-taħriġ dwar dak kollu li qed jiġri fuq livell globali f’dan il-qasam ħalli s-servizzi li jingħata lil dawk il-persuni Maltin li jixtiequ jadottaw tfal minn barra xtutna jkun l-aħjar possibbli u tal-ogħla livell. 

    Intant, Alfred Grixti tkellem magħna wkoll dwar ir-rwol tal-FSWS fil-bord governattiv tal-ISS. Hu spjega li barra mill-miżata annwali ta’ madwar €5,000 li tħallas il-fondazzjoni bħala kontribut lill-ISS, ir-rwol tal-fondazzjoni laħaq il-quċċata s-sena l-oħra meta l-FSWS intalbet fl-aħħar minuta biex torganizza l-International Commitee Meeting li jsir kull sentejn. Filwaqt li dan suppost kellu jsir fi Vjenna, f’Diċembru tal-2017 l-Awstrijaċi għarrfu lill-bord governattiv li ma kinux se jonoraw l-impenn li ħadu u l-President ta’ dak iż-żmien, Douglas Lewis, talab li Malta torganizza din il-laqgħa. L-FSWS ħatfet din l-opportunità u f’ħames xhur irnexxielha ttella’ din il-laqgħa li ġabret f’Malta 120 membru tal-ISS minn madwar id-dinja. Kienet laqgħa li saret b’suċċess kbir kemm għall-ISS, kif ukoll għal Malta bħala organizzatur, tant li ġiet eletta fil-Bord Governattiv. 

    F’dan il-bord, kull membru jingħata responsabbiltà speċifika. Alfred Grixti spjegalna li bħala l-kap eżekuttiv tal-FSWS hu ġie mitlub li jaħdem fuq sistema ta’ miżati aktar ekwi fejn l-għan mhux il-miżata nnifisha, iżda li jinstab bilanċ bejn li l-miżati jsostnu l-ħidma tal-ISS filwaqt li fl-istess ħin ma jiskuraġġux lill-membri eżistenti u lil membri potenzjali ġodda. Qal li l-għan aħħari hu li jikbru l-għadd ta’ membri, ħalli kemm jista’ jkun tinfirex il-ħidma ta’ għajnuna lil tfal vulnerabbli u lejn tfal fil-periklu ma’ aktar u aktar pajjiżi madwar id-dinja. 

    Ħidma biex jinstabu aktar pajjiżi minn fejn jadottaw

    Intant, staqsejna lil Afred Grixti dwar is-sitwazzjoni preżenti minn fejn jistgħu jiġu adottati t-tfal. Grixti qal li bħalissa għaddejja ħidma kontinwa, kemm fuq livell politiku, kif ukoll fuq livell tekniku, biex jinstabu aktar pajjiżi minn fejn Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jadottaw. Grixti qal li nfetħu kuntatti u nħatru rappreżentanti fil-Polonja, fil-Bulgarija, fl-Indja, fil-Moldova, u fil-Vjetnam. 

    Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS qal li minkejja li l-FSWS hi biss waħda mill-ħames aġenziji akkreditati li jeżistu f’Malta, hi l-unika aġenzija pubblika f’dan il-qasam, li naturalment tagħmel din il-ħidma bla profitt. Barra minn hekk, semma li apparti li hi biss tista’ tkun membru tal-ISS, issa ġiet ukoll aċċettata bħala membru tal-EuroAdopt, li hi l-NGO Ewropea li taħdem f’dan il-qasam u li aċċettat is-sħubija tal-FSWS proprju għal din ir-raġuni. Qal ukoll li hemm pajjiżi u awtoritajiet ċentrali li jagħżlu proprju li jaħdmu mal-FSWS għax hi aġenzija governattiva, fosthom fil-każ tas-Slovakkja. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0