"Gvern bi pjan li qed jitwettaq"

  • Set 15, 2019 10:31
  • Miktub minn iNews
"

    “Jekk wieħed irid jara l-pjan tagħna għal pajjiżna u għall-ekonomija ta’ pajjiżna, imur jara l-manifest elettorali tal-2017... F’kull baġit nimplimentaw parti minn dak il-pjan tagħna. Dak huwa l-pjan għal dawn il-ħames snin f’pajjiżna.”

    Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat f’intervista fuq ONE radio. “Aħna dak li nkunu wegħedna nagħmluh biċċa biċċa. U aħna mhux pjan biss. Għax il-pjan kulħadd bravu jintefa’ wara laptop jikteb il-pjani. Aħna nagħmlu l-iktar biċċa essenzjali ta’ pjan – nimplimentawh u nwettquh,” iddikjara Joseph Muscat.

    Il-Prim Ministru spjega kif matul il-ġranet tas-Sajf il-ħidma tal-gvern ma qatgħet xejn, bl-emfasi issa hi dwar il-baġit għas-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru sostna: “jien la beħsiebni nirriżenja qabel, la waqt u lanqas wara l-baġit li jmiss. Il-baġit huwa tant importanti mhux biss biex niktbuh imma biex nimplimentawh.”

    Joseph Muscat fisser kif dan il-baġit se jkompli jagħtu tliet sinjali importanti.

    L-ewwel wieħed huwa li “nkomplu noħolqu middle-class ġdida. Min sejjer tajjeb, naraw li jkompli sejjer tajjeb u jtejjeb lilu nnifsu. It-tieni hu li nneħħu l-faqar mill-pajjiż.” Dan huwa gvern li għadu jirrkonoxxi li għad hawn il-fenomenu tal-faqar. Il-Prim Ministru enfasizza li l-għan prinċipali tagħna dejjem kien li ma jkun hawn l-ebda tifla jew tifel f’pajjiżna li jgħixu f’familja fejn mill-inqas persuna waħda taħdem li jkunu qegħdin fil-periklu tal-faqar.

    “It-tielet punt ewlieni tal-pjan ekonomiku tal-gvern huwa dak li naraw li l-intrapriżi tagħna jkollhom il-kuraġġ li jkomplu jinvestu għaliex dan huwa gvern li kien, għadu u jibqa’ pro-business. Għax meta tkun favur in-negozju, tkun favur ix-xogħol,” kompla Muscat.

    Il-Prim Ministru tkellem b’sodisfazzjon dwar kif f’dan il-pajjiż fl-aħħar seba’ snin ma kellniex diskussjoni dwar qgħad. “Imma kellna diskussjoni dwar il-bżonn ta’ aktar ħaddiema, bil-pressjonijiet li din iġġib fuqha anke bid-diskussjoni dwar il-barranin,” qal Joseph Muscat li għamilha ċara li jrid lil dan il-pajjiż jibqa’ jfur bix-xogħol u l-ġid.

    “Issa għandna qasam tas-servizzi finanzjarji li qatt ma kie kbir daqs kemm huwa llum. Jattira kritika wkoll. Kellna rapport tal-moneyval. Rapporti tal-moneyval li dejjem kienu kritiċi ta’ dan il-pajjiż imma din id-darba, dan ir-rapport għamlilna lista tal-affarijiet li għandna nagħmlu u aħna ninsabu fiduċjużi li dawn il-punti li tqajjmu ħa jiġu implimentati,” kompla Muscat li fisser kif hemm numru kbir ta’ rakkomandnazzjonijiet li jew sar jew qed isir ix-xogħol fuqhom.

    Hemm ukoll ċilindri oħra tal-ekonomija li għandhom x’jaqsmu mal-infrastruttura u li dan il-gvern ħa jkompli jinvesti dwarhom. Mil-lat prattiku, l-infrastruttura hija evidenti tant li fi proġetti kbar bħalma hu l-flyover tal-Marsa, ix-xogħol qed isir kuljum, b’ritmu mgħaġġel u b’serjeta’.

    Infrastruttura hija wkoll dik li fil-qasam tas-saħħa. “Naraw li jkollna pjan li f’kull belt u raħal ta’ pajjiżna jkun hemm preżenza tas-servizzi tas-saħħa. Tlaqna minn sitwazzjoni fejn dan il-pajjiż kienu għalqu l-policlinics kollha u kienu jgħidulek mur l-isptar għal sitwazzjoni fejn ħa mmorru fejn is-servizzi tas-saħħa ħa jkunu reachable f’kull kantuniera ta’ pajjiżna,” qal Muscat.

    Hemm ukoll il-qasam tat-turiżmu fejn qed jikkonsolida. “Kellna investiment din il-ġimgħa fil-Belt Valletta ta’ 15 -il miljun mill-AX Holdings. Għamlu lukanda bellezza fil-Belt Valletta u ħa jiftħu tnejn oħra. L-infrastruttura tat-turiżmu hija l-infrastruttura tal-Air Malta fuq kollox. Nittama li ma jkunx hemm min iħares sal-ponta ta’ mnieħru u jipperikolaha l-affarijiet li għamilna s’sissa fl-Air Malta. In-numri qegħdin hemmhekk imma l-kwalita’ qegħda hemmhekk u ħa tkompli tiżdied,” sostna l-Prim Ministru.

    Oppożizzjoni inkonsistenti dwar il-liġi tal-kera

    Mistoqsi dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera, il-Prim Ministru ma jistax jifhem kif wara proċess bħal dak ta’ white paper u konsultazzjoni, l-Oppożizzjoni kienet qisha qegħda taqbel. F’ daqqa waħda, għaliex kien hemm nuqqas ta’ qbil mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-MDA, l-Oppożizzjoni biddlet fehmitha.

    “Sa ftit ilu, dawn kienu qegħdin jikkritikawna għaliex m’aħniex niddefendu biżżejjed lill-inkwilin. Għaliex għamilna miżuri li qegħdin niddefendu lil min jgħix fil-kera, issa qed jikkritikawna li qed nagħmlu miżuri li huma iebsin wisq mas-sidien tal-kera,” qal Joseph Muscat.

    L-ikbar problema tal-Oppożizzjoni hija li “it doesn’t know what it stands for. Min-naħa tagħna, il-prinċipji huma ċari. Aħna Gvern pro-business, irridu li n-negozju jibqa’ sejjer imma rridu protezzjoni bażika għaċ-ċittadini,” qal Muscat.

    Jeħtieġ aktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet kollha fil-kunċett tal-indafa 

    Mistoqsi dwar l-indafa f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal: “M’inix sodisfatt u waħda bit-temi li beħsiebni nieħu fuq quddiem fix-xhur li ġejjin hija biex naraw kif ħa jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn l-entitajiet kollha f’dan ir-rigward.”

    Muscat fisser kif għandna sitwazzjoni fejn għandna dipartiment tal-cleansing li huwa effiċċjenti mmens, iżda hemm bżonn ta’ iktar koordinament effettiv.

    “Naħseb li l-iktar li turta lin-nies hija s-sitwazzjoni fejn ikollok iż-żibel miġbur x’imkien u l-kunsill jgħid li dan xogħol tal-Gvern u l-Gvern jgħid li dan xogħol tal-kunsill. Naħseb li dik hija xi ħaġa li ssorvolajniha fil-kwistjoni tat-toroq u issa għandna soluzzjoni ċara. Jien ma naħsibx li dawn ix-xogħolijiet għandhom jittieħdu mill-kunsilli lokali imma għandu jkun hemm strateġija aħjar u fejn jidħlu kuntratturi privati, għandu jkun hemm dixxiplina aħjar,” qal il-Prim Ministru.

    Għalhekk, il-Prim Ministru assigura li se jkun qed jara li dawn l-affarijiet ma jkunux biss fuq il-karta. “Ikkampanjajt fuq hekk l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u ħa nkun qiegħed ninsisti biex nara koordinament ferm u ferm aħjar,” iddikjara Joseph Muscat

    Flimkien mal-Ministriu s-Segretarji Parlamentari kkonċernati, il-Prim Ministru saħaq li F’Novembru se tkun qed tiġi organizzata konferenza nazzjonali f’dan ir-rigward sabiex ikun hemm dawk l-istakeholders kollha “biex ngħidu kif inhuma s-sistemi, ngħidu kif ħa ntejjbuhom, nieħdu suġġerimenti u nieħdu azzjonijiet.”

    “Irrid nara tibdil drastiku fil-mod ta’ kif jidher il-pajjiż, fil-mod ta’ kif jinżamm il-pajjiż, id-dixxiplina fost in-nies iżda anke l-kuntratturi privati li jekk jieħdu tender f’erbgħa kunsilli, ikollhom biex jaħdmu fl-erbgħa li huma,” kompla l-Prim Ministru.

    Naħdmu għall-ugwaljanza

    Il-Prim Ministru jinsab onorat bil-portafoll magħżul għal Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew.  “Jien naħseb li huwa unur kbir għal Helena, ċerifikat enormi għal pajjiżna. Nidħaq meta nara min prova jagħti x’jifhem li dan huwa xi portafoll li m’huwiex importanti. Helena ħa tkun l-ewwel Kummissarju Ewropew responsabbli mill-ugwaljanza. Huwa pjuttost żvilupp storiku,” iddikjara l-Prim Ministru.

    Kompla billi spjega kif dan il-portafoll huwa ta’ viżibikita’ politika għolja ħafna. “Nazzarda ngħid fost l-ogħla li qatt kienet assenjata kwalunkwe Kummissarju Malti fl-Unjoni Ewropea,” żied Joseph Muscat.  

    “Min-naħa tagħna, irridu nkomplu naħdmu dwar l-ugwaljanza. M’għandix dubju li l-isforzi tal-Gvern ħa jibqgħu jkunu konsistenti. Anke bħala Partit Laburista rridu nkomplu naħdmu. Waħda mill-aktar jekk mhux l-uniku diżappunti li kelli fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 kien in-numru żgħir ta’ kandidati nisa li kellna bħala Partit Laburista. Bir-riforma li nittama, jekk qed nifhem sewwa, l-Oppożizzjoni issa qed taqbel magħha dwar il-mod kif qed nagħmlu mekkaniżmu li jibbilanċja, jidħol fis-seħħ u jgħin biex jattira aktar nisa. Għandna l-programm LEAD li reġa’ kien suċċess,” żied Joseph Muscat.  

    “Inħares biex permezz tar-rieda li qegħdin nuru f’dan ir-rigward, naslu għat-targets li għandna,” temm il-Prim Ministru li qal kif LEAD irid jikkontribwixxi għall-kandidatura tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0