Waterpolo: Intervista mal-president ta’ Neptunes, Matthew Bonello

  • Set 21, 2019 00:57
  • Miktub minn iNews
"

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

    L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport tant għal qalbi bdiet meta kelli madwar seba’ snin meta l-ġenituri tiegħi kienu jmorru l-pixxina tan-Neptunes speċjalment fis-sajf fejn konna mmorru ngħumu u niltaqgħu mal-ħbieb.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn għaddew kważi 45 se­na u llum li qbiżt il-50 bqajt nieħu sehem attiv fil-waterpolo.

    X’kienu l-ewwel esperjenzi tiegħek fil-kumitat ta’ Neptunes?

    Meta bdejt il-ħidma tiegħi fil-kumitat kont għadni żgħir tant li niftakar ukoll lill-mibki s-Sur Mamo li kien champion fil-veru sens tal-kelma fil-waterpolo.

    Niftakar lis-Sur Mamo jirbaħ erba’kampjonati wara xulxin fi snin tmenin, bla dubju, kienet  era tad-deheb fl-istorja tal-club ta Neptunes.

    Kien proprju f’dak iż-żmien li bdejt il-ħidma tie­għi fi ħdan il-kumitat fejn kont ixxurtjat li bdejt f’wieħed mill-isbaħ żmi­nijiet li kellu dan il-club.

    Jien niddeskrivik bħala fost l-aktar presidenti ta’ suċċess fil-waterpolo lokali. Taqbel miegħi?

    Jien bħala karattru dejjem żammejt saqajja mal-art u qatt ma kibritli rasi.

    Għalhekk naħseb li kabbartni żżejjed meta għedtli hekk! Forsi r-riżultati li kel­lna dan l-aħħar jista’ jkun li jgħidu hekk peró kif għedt­lek jien ma tantx in­ħobb niftaħar.

    Anzi jien ngħid li l-iktar president rebbieħ fil-waterpolo lokali huwa s-Sur Edwin Meli ta’ Sliema li kemm dam fid-diriġenza tal-club kellu karriera inkredibbli.  

    Liema taħseb li kien l-aqwa player barrani ta’ kull żmien li kellhom Neptu­nes?

    Mingħajr tlaqliq ngħidlek li l-aqwa player barrani li qatt kellna kien is-Serb Vladimir Vujasinovic.

    Huwa bniedem li m’għan­du bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-waterpolo internazzjonali.

    Huwa lagħab f’kull livell possibbli ta’ kompetizzjoni maġġuri u ħa sehem għal aktar minn darba fil-Logħob Olimpiku fejn rebaħ ukoll il-midalja tal-bronż ma’ paj­jiżu.

    Il-kurrikulu tiegħu huwa wieħed tassew impressjonanti l-aktar meta rebaħ l-aqwa player ta’ pajjiżu u skorja aktar minn 300 goal fil-karriera internazzjonali tie­għu.

    Huwa lagħab darbtejn magħna fil-kampjonat tas-sajf u kien wieħed mill-players li kkontribwixxa għas-suċċessi li ksibna. Ma nistax ma nsemmix ukoll barranin oħra ta’ livell li kellhom ix-xorti jilagħbu ma’ Neptunes bħal Vladimir Gojkovic u Tamas Molnar.

    Dan tal-aħħar kien parti mit-team li riċentament rebaħ il-ħames kampjonati nfila u kien wieħed li tana għajnuna kbira biex nilħqu dan ir-rekord.

    Molnar ukoll irnexxielu jidħol fil-qalba u fl-ispirtu tal-club u hu stess jistqarr li dawn il-ħames suċċessi kon­sekuttivi baqgħu mnaq­qxa fil-karriera sportiva tie­għu.

    Ġieli jsiru xi kummenti, li forsi jkunu ftit kritiċi, fil-konfront tiegħek. Kif tir­reaġixxi għalihom?

    Nistqarr li kien ikun hemm mumenti fejn ċerti kummenti żejda kienu jdej­quni.

    Madankollu aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdejt inrabbi l-qoxra u litteralment ma nagħtix kas tagħhom.

    Illum il-ġurnata drajt li ċerti kummenti mingħand in-nies tistennihom aktar u meta tkun f’din il-pożizzjoni trid tkun kapaċi taċċetta l-kritika.

    Dawn l-istess kummenti neħodhom bħala sinjal li qed nagħmel xogħli kif suppost.

    Bħala bniedem ta’ suċ­ċess fil-qasam kummerċjali, x’fettillek dħalt fit-tmexxija ta’ club tal-waterpolo?

    Naħseb li l-imħabba lejn il-logħba u b’mod partikolari lejn il-club ħajjarni biex nidħol fit-tmexxija ta’ Neptunes.

    Inqisha li kienet xi ħaġa li dħalt fiha b’mod gradwali sa ma lħaqt il-quċċata. Jien inħossni li kbirt f’dan il-club.

    Kif għedtlek ġejt imrawwem biex inħobb dan il-club meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel ta’ seba’ snin u hija xi ħaġa li daħlet ġo fija.

    Biex ngħid kollox, ma kinitx deċiżjoni faċli li nidħol għall-presidenza ta’ dan il-club minħabba li għall-bidu kont xi ftit dubjuż fuq din il-kariga u bdejt nistaqsi lili nnifsi nkunx kapaċi nagħmel l-affarijiet kif suppost.

    Minkejja dawn il-biżgħat kollha, dħalt għal dan ix-xogħol b’imħabba u de­di­kaz­zjoni kbira u nammetti li f’dawn is-16-il sena li għaddew kelli ħafna mumenti ta’sodisfazzjon bħala president ta’ Neptunes.

    Nammetti wkoll li xi kultant qed nibda ngħejja xi ftit, forsi jista’ jkun l-età li bil-mod il-mod qiegħda tagħmel tagħha.

    Madankollu l-imħabba u d-dedikazzjoni lejn din il-logħba ma tonqos qatt u dan iħallini nibqa’ għaddej b’xogħ­li.   

    X’fisser għalik u għal Neptunes bħala team dan ir-rebħ tal-kampjonat? 

    Rebħ ta’ kampjonat huwa dejjem okkażjoni  ta’ sodisfazzjon u ferħ kbir   għal dawk kollha li jkunu ħadmu għalih.

    Iktar u iktar din is-sena ir-rebħ tal-kampjonat, inċi­den­talment, l-għaxar wie­ħed, f’14-il sena, fisser ukoll li Neptunes irnexxielhom jirbħu l-Quadruple crown wara li rbaħna wkoll, il-kampjonat tax-xitwa, il-President’s Cup u n-Knock-Out.

    Tassew kienet sena mill-iktar memorabbli u proprju din is-sena qed infakkru id-90 anniversarju mit-twaqqif tal-club.       

    X’ifisser għall-fatt li kien is-26 wieħed fl-istorja glor­juża tal-club? 

    Sitta u għoxrin kampjonat f’90 sena, huma medja ta’ kampjonat kull tliet snin u nofs, li naħseb li huma ċifri ta’ club ta’ suċċess. 

    Bil-mod il-mod, qed noqorbu dejjem aktar  lejn it-tielet stilla, u qed noqorbu wkoll lejn in-numru ta’ 31 kampjonat li rebħu Sliema.    

    Kif tiddeskrivi dan ir-rebħ tal-kampjonat ... sabiħ u diffiċli? .....

    Kull kampjonat għandu l-istorja tiegħu. Bħala diffikultà, inħoss li kien hemm kampjonati oħrajn li kienu iktar diffiċli, u dan mingħajr b’xi mod ma nneħħi mill-merti ta’ Sliema li tawna sfida denja u ġiegħluna niġ­ġieldu f’kull mument, b’mod specjali fl-ewwel logħ­ba tal-play-offs.

    Mill-bqija, dan il-kam­pjonat żgur li jibqa’ mfakkar għax kif spjegajt qabel, ġie f’sena li fiha rbaħna kollox.     

    Qbilt mas-sistema tal-play-offs? 

    Kulma jmur, naħseb li s-sistema issa qed tindara. L-ebda format ma huwa perfett  u kull format  għandu l-vantaġġi u l-iżvantaggi tie­għu.

    Fl-aħħar mill-aħħar f’kull, staġun jasal dak il-mument deċiżiv li se jiddetermina tirbaħx jew titlifx, bi kwalunkwe format.

    Is-sistema tal-play-offs taf tkun ftit inġusta, però nemmen li jekk trid tirbaħ, dan trid tkun kapaċi tagħmlu bi kwalunkwe format.  

    X’kien is-sigriet ta’dan is-suċċess matul din is-sena?

    L-ebda sigriet. Naħseb li bħala kumitat għamilna xogħlna sew u bnejna  skwadra kompluta u b’saħ­ħitha f’kull dipartiment, li naħseb li kienet waħda mill-aħjar li qatt kel­lhom Neptunes.

    Il-players kollha taw sehemhom matul l-istaġun. Saħansitra rbaħna l-kampjonat tax-xitwa mingħajr żewġ elementi fundamentali bħal Stevie u Jordan Ca­milleri. 

    Il-coach Jovan Popovic  u t-team manager, Matthew Pisani ħadmu kontinwament biex żammew it-team fl-aħjar kundizzjoni possibbli u jsolvu xi problemi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-iehor.

    Irrid ngħid grazzi wkoll lil Shane Abela li ħa ħsieb il-preparazzjoni fiżika tal-players tagħna, element importanti ieħor, u lil Rose Gambin li ilha ħafna snin ukoll tgħin f’dan id-dipartiment.     

    Bħal dejjem Stevie Ca­milleri kellu staġun ieħor mill-aqwa. X’tikkummen­ta? 

    Stevie ma baqagħlix aġ­ġettivi għalih. Fenomenu!

    Din is-sena issagrifika ruħu għat-team, għax biddel il-pożizzzjoni tiegħu fuq talba tal-coach, wara l-ew­wel ftit logħbiet, fejn it-team kellu xi diffikultajiet ... mossa li tat il-frott tagħha.

    Stevie huwa dak il-player li fil-mument tal-verità, dej­jem issibu lest li jġorr it-team fuq spalltu u jerfa’ r-responsabbiltà.

    Mhux biss jiskorja goals de­ċiżivi, imma fid-difiża, tista’ tkun ċert, li l-avversarju li jkun qed jimmarka, ma tantx se jkollu wisq nifs jew spazju.

    Bla dubju, kien protagonist ewlieni fis-suċċessi kol­lha li Neptunes kisbu fl-aħ­ħar snin.  

    Taqbel li huwa wieħed mill-iktar players ta’ suċ­ċess li pproduċa l-waterpolo lokali?

    Iva naqbel  miegħek.

    M’hemmx dubju li Stevie Camilleri huwa xempju ta’ player li għandu kollox fil-logħba tal-waterpolo.

    Ilu jilgħab barra minn Malta għal ħafna snin u l-esperjenza li ġab mid-diversi clubs li lagħab magħhom hija kbira.

    Għandu livell għoli ta’ konsistenza u huwa player li huwa mfittex mhux ftit mill-clubs lokali.

    Anke l-fatt li rebaħ l-aqwa skorer fil-Kampjonati Ewropej li Malta ħadet sehem fihom, huwa xhieda ta’ dan u huwa diffiċli li player Malti ieħor ikun kapaċi jagħmel dan.

    Dak li Stevie rnexxielu jakkwista fil-karriera tiegħu huwa mpressjonanti u nemmen li huwa xempju li fuqu għandhom jimxu ż-żgħa­żagħ Maltin li qed jitħarrġu f’dan l-isport.

    Biex inkunu għedna kollox kien hemm players oħra tal-waterpolo fil-passat li laħqu ċertu livell, madankollu Stevie Camilleri rnexxielu jilħaq livelli kbar f’din il-logħba speċjalment meta lagħab ma’ clubs barra mill-pajjiż.      

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek rigward il-Kroat Petar Muslim u s Serb Darko Brguljan? 

    Kuntenti bir-rendiment tagħhom, għalkemm f’xi logħbiet kienu forsi kemm­xejn  kwie­ti.

    Naħseb li kkumplimentaw tajjeb ħafna lil xulxin. Muslim huwa iktar all rounder, issibu fid-difiża, fis-centre, jagħti kontribut kullimkien, filwaqt li Brguljan huwa attakkant b’ xutt li ma jaħfirx u jagħmillek goal mix-xejn ... huwa opportu­nist prim.     

    X’sehem kellu l-coach Jo­van Popovic fir-rebħ ta’ dan il-kampjonat? 

    Jovan kellu sehem importanti ħafna, bħalma dejjem ikollu kull coach.

    Għandu kontroll tat-team, anke jekk kulħadd jaqla’ xi kritika li huwa ftit iebes wisq mal-players. Nemmen, li kultant, ċamata tajba hija neċessarja wkoll!

    Tattikament, jipprepara lit-team tajjeb ħafna għal kull logħba, u fit-tieni sena tiegħu hawn Malta, deher ċar, li l-esperjenza tal-ewwel sena għenitu ħafna.           

    ... u l-players żgħażagħ? 

    Bla dubju li din is-sena, il-kontribut tagħhom kien wieħed importanti, u f’xi każi anke determinanti.

    Kull darba li l-coach ta­hom l-opportunità, niżlu fl-ilma u taw sehmhom f’kull unur li rbaħna f’dan l-ista­ġun memorabbli. 

    X’inhu l-futur ta’ Neptunes għall-istaġun li ġej? Se jinġiebu xi players ġod­da jew m’hemmx għalfejn li t-team jiġi rtukkat? 

    Żgur li mhux se jinġiebu players ġodda Maltin, għax għandna fiduċja kbira fl-is­kwadra kif inhi u nemmnu bis-sħiħ fil-potenzjal taż-żgħażagħ tagħna.

    Rigward il-barranin, jista’ jkun li jkun hemm xi tibdil, però għad m’hemm xejn ċert.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0