“Il-gwerra xxokkjatni u tgħallimt x’inhi biża'”

  • Set 21, 2019 08:06
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija b’tifkiriet ta’ tbatija, biża’ u ġuħ fost il-poplu Malti

    “Fil-gwerra kont tara nies jagħtu fuq wiċċhom u jgħajtu. Kien hemm biża’ kbira u kont tħoss l-art theżżeż taħtek fl-attakki mill-ajru mill-qawwiet Ġermaniżi. F’dan il-perjodu iebes ta’ faqar it-tfal xorta kienu jmorru l-iskola u kont tarahom b’papoċċa waħda f’sieq u l-oħra infaxxata. Dik hi l-gwerra.” Hekk irrakkontalna l-anzjan ta’ 94 sena, Franġesku Saverio D’Anastasi, li ħadna lura għaż-żmien li fih Malta kienet sfat mira ta’ attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija bil-konsegwenza li tilfu ħajjithom suldati u pajżana Maltin f’tiġrif liema bħalu li ħallew lil pajjiżna mfarrak kompletament u f’faqar kbir.

    Franġesku qal li qabel faqqgħet din il-gwerra, il-Maltin kienu fqar, iżda meta din laqtgħet lil pajjiżna l-affarijiet marru ħafna għall-agħar għax kulħadd spiċċa mejjet bil-ġuħ, mimlijin scabies u kien hemm ix-xiri bil-black market.  “Il-gwerra ġiet f’Malta fis-7 ta’ Ġunju tal-1940. Konna qegħdin mas-surmast tal-banda barra meta smajt ajruplani li bdew jisparaw bir-rapid fire u jien mill-ewwel indunajt li din xi battalja. Is-surmast qalilna biex nieħdu cover. L-ajruplan tefgħalna bomba kbira u mbagħad tefa’ fuq San Ġorġ u Sant’Anġlu Dan kien l-ewwel attakk fuq Malta.” 

    Fl-età tenera ta’ 14-il sena kien iddeċieda jidħol suldat. Dan seħħ fis-6 ta’ Ottubru 1939. Huwa qalilna kif f’Settembru kien hemm is-suldati tat-territorial ikkonfinati fil-barrakki u wieħed minnhom kien missieru. “Ma ridtx immur skola u għidt lil ommi li ma rrid nagħmel xejn ħlief li nixtri u noqgħod naqra l-gazzetta. Ommi bagħtini nieħu xi ikel lil missieri f’Għajn Tuffieħa minħabba li kien suldat u kien ilu ma jiġi d-dar aktar minn tliet ġimgħat,” kompla l-anzjan. Huwa qabad il-barżakka u telaq bil-pass. Fl-uffiċċju kien hemm surġent u staqsih x’għandu bżonn. 

    Kien hawn li Franġesku mill-ewwel qallu li jrid jidħol suldat u kif qallu kunjomu nduna li għandu lil missieru surġent magħhom. Tellgħu għand il-kurunell maġġur fejn ikkonferma li jrid jidħol suldat għax jogħġbu dan ix-xogħol. Meta huwa ssieħeb fl-armata u kienu b’kollox erbat aħwa arwolati fiha b’missierhom b’kollox. 

    “Fil-qasir dħalt suldat, mort għall-injezzjonijiet meħtieġa u kif ġbart l-uniformi qaluli biex immur dritt nippakkja l-ħwejjeġ fil-kamra tiegħi. Kif mort hemm smajt il-banda tal-armata u mort infittex lil missieri. Kien hemm surġent ta’ dixxiplina liema bħala li ħadni ħdejn missieri li baqa’ skantat kif sar jaf li sirt suldat,” qal bi tbissima l-veteran. Huwa qal kif wara missieru mar iċempel lil ommu fejn qalilha li ’it-tifel mhux ġej id-dar għax daħal suldat’.

    “Fil-gwerra konna mal-Ingliżi li kienu dixxiplinati ħafna u għalkemm xi kultant kien ikollna xi ngħidu magħhom ukoll, dawn kienu jitrattawna sew. L-aktar li kont nitħassar kienu l-vittmi tal-gwerra u lejn il-Ġermaniżi kelli rabja kbira lejhom, speċjalment għax ibbombardjawna,” stqarr Franġesku. Huwa spjega kif almenu l-qawwiet Taljani kienu jitilqu l-balal fuq barra fil-baħar, mentri l-piloti Ġermaniżi kienu jibbombardjaw u jisparaw fuq ġewwa u fuq in-nies.

    Bħala suldat żagħżugħ huwa kien kuraġġuż ħafna u jiftakar ħafna attakki. Wara li daħal suldat fl-1939 huwa dam sal-24 ta’ Ottubru tal-1941 biex reġa’ ngħaqad mal-armata f’April tal-1942 u hawn dam sa Settembru tal-istess sena. F’dan il-perjodu jiftakar episodju partikolari fejn fl-24 ta’ April, 1942 kienu attakkati mill-għadu bil-konsegwenza li tilfu ħajjithom żewġ suldati li kienu miegħu. 

    “Tony Baldacchino minn Ħal Qormi u Joe Sammut minn Tas-Sliema kienu għadhom kemm inqabdu bil-lieva ġimgħa qabel. Ajruplan attakka fejn konna aħna bil-machine gun u ma laqat lil ħadd. Imbagħad ġie l-bomber u tefa’ balla daqs x’hiex. Kif rajt il-balla ersaqtilha, iżda l-oħrajn ma kellhomx ċans u qatlithom it-tnejn. Jien ma nqbadtx bil-lieva iżda mort bħala volontier. Wara għamilt madwar xahar nieqes mill-armata għax kien għad ma kellix l-età”. 

    Fit-18 ta’ Jannar tal-1943 inqabad bil-lieva u dam sal-1946 u wara mar fil-korp mediku sal-1951. L-anzjan qal li huwa fl-armata kien it-trumbettier u kien ikun il-Main Guard il-Belt. B’hekk ma tantx kellu x’jaqsam mal-attakki. 

    Huwa qal kif dak iż-żmien l-uniformijiet u l-armi kienu jġibuhom mir-Renju Unit għax konna kolonja tagħhom. Żied jgħid li, “ara issa, dan il-gvern kollox jagħtihom lis-suldati tagħna. Mill-RMA (Royal Malta Artillery) ħaduna l-AFM (Armata tal-Forzi ta’ Malta) u s-suldati t’issa f’idejn il-gvern Malti qegħdin u l-Ingliżi m’għandhom x’jaqsmu xejn”.

    “Jekk tmur għal ġlied, jew jien jew int”

    “Il-gwerra xxokjatni u tgħallimt x’inhi biżgħa. Il-gwerra, jekk tmur għall-ġlied, jew jien jew int. Trid tagħżel u jrid ikollok il-gazz. Għall-grazzja t’Alla ma kontx dħalt f’din is-sitwazzjoni imma kont lest. Jien xogħoli kien ta’ trumbettier u kont nagħmel 42 call fuqu u mmexxi bih. Skont il-mużika, l-ordni,” spjega Franġesku. 

    L-anzjan irrakkonta kif dawk iż-żminijiet kienu żminijiet differenti u fil-gwerra kien hemm faqar u tbatija liema bħalha. Huwa qal kif ir-russian kien xi ħaġa li baqgħetlu ttimbrata f’moħħu fejn jiftakar kif darba minnhom qabad u rema’ xkora patata tar-russian li kellu għan-nies f’Selmun għax talbuh jimxi minn fejn kien stazjonat f’Għajn Tuffieħa għal Selmun. 

    L-anzjan bi tbissima qal li, “kieku kelli ngħidlek. Darba minnhom bagħtuni mit-Torri l-Abjad għat-Torri l-Aħmar. Mill-aħdar għall-aħmar u bagħtuni bit-termos bil-mixi. Fi triqti rajt ajruplan u beda jispara bil-machine gun. Minħabba l-periklu qbadt niġri biex insib kenn u dħalt ġo girna. Qbadt it-termos u sabbattu mal-art. Kien hemm l-ilma f’għadira fejn xarrabt u grift lili nnifsi. Meta mort, ta’ fuqi rani f’dak l-istat u staqsieni x’ġara u fejn hu t-termos. Jien għidtlu li weġġgħajt fl-attakk u li t-termos tkisser. Fil-verità jien għamilt dan biex ma nibqax nimxi għax kien wisq ‘il bogħod”.

    “Il-prezz ta’ pakkett sigaretti dak iż-żmien kien 18-il biegħi biss, mentri bil-black market 10 konna nixtruhom għall-prezz esaġerat ta’ Lira. Kien hemm il-‘cornbeef’ u l-laħam bil-black market ukoll.  Dan suppost kien ikun laħam, iżda dak iż-żmien taħlit kienu jagħtu. Problema oħra kienu l-iscabies fejn tara lil kulħadd iħokk,” qal dan il-veteran tal-gwerra.

    Franġesku jiftakar kif meta kien stazzjonat fil-Main Guard kienu ġabulhom it-tfajliet mill-Isla u mill-Birgu. Huwa qal li, “kont tarahom jaħasra… waħda qisha bambina. Tħokk u tħokk”. Huwa qalilna li dak iż-żmien kulħadd kellu l-iscabies u kif fi żmien il-gwerra kienu jagħmlu l-iscabies huma stess. “Naqbdu ġambul, li tnaddaf ir-ramm bih u norku bi xkupilja kemm nifilħu. Hekk konna nġibu l-iscabies u dan konna nagħmluh biex niskartaw. Kien jeħodna l-iskola tal-Imġarr, jitfagħna taħt id-doċċa, jaqbad xkupilja u jogħrok biha. Qishom jagħtuk l-injezzjonijiet. Din il-biċċa xogħol għamiltha ħafna drabi jien,” stqarr bi tbissima Franġesku.

    Fost memorji oħra ta’ żmien il-gwerra ta’ dan l-anzjan hemm dik meta kien f’pożizzjoni awtoritatevoli f’Għawdex u darba minnhom hu u Kapural kellhom jieħdu żewġ Ġermaniżi ċ-Ċirkewwa biex wara jittieħdu Kordin. “Niftakar kienu waqqgħu ajruplan Ġermaniż u l-piloti salvaw. Fit-triqtna bihom ġejna attakkati bil-machine guns imma konna għadha mhux fuq il-vapur u skappajnieha. Il-konsenja tal-Ġermaniżi saret u ttieħdu Kordin,” irrakkonta l-eks suldat ta’ żmien il-gwerra.

    Suldat eżemplari b’ħafna unuri

    L-anzjan jiftakar kif meta fl-aħħar spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm ferħ uforiku u għajjat fit-toroq fejn anke saret parata nazzjonali mill-banda tal-militar. Huwa dam suldat 23 sena u serva l-armata tagħna f’ħafna pajjiżi barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit u l-Eġittu.

    Dejjem imfaħħar u deskritt bħala suldat eżemplari, Franġesku ngħata għadd ta’ medalji prestiġġjużi għas-servizz militari tiegħu fosthom tal-George Cross u kollha huma miġbura f’kaxxa tal-kartun fil-kamra tiegħu. Din il-kaxxa hija mimlija storja b’ċertifikati, medjali, badges u rikordji oħra tas-snin ta’ servizz fiż-żgħożija ta’ Franġesku. 

    Fost dak li hu jsejjaħ “imbarazz”, l-anzjan urina troffa xagħar bjond ta’ tfajla li kienet mietet f’aċċident tat-traffiku fl-Imtarfa meta kien fuq on duty proprju fi żmien il-gwerra. Huwa qal kif kien tħassar lil din it-tfajla li tilfet ħajjitha b’mod tant traġiku wara li, “kienet id-dance ma’ wieħed kiesaħ li kien xurban u nqaleb bil-karozza u qatilha jaħasra.” 

    Meta l-anzjan waqaf mis-servizz kien mar fir-Renju Unit bħala pajżan jaħdem bħala assistent fis-swali tal-operazzjonijiet fi sptar lokali. “Għamilt tmien xhur u mbagħad ridt niġi lura Malta. Ħassejt in-nuqqas ta’ pajjiżi. Kont diġà miżżewweġ imma l-mara ma riditx tiġi miegħi u tellfitni ħafna flus,” qal Franġesku. Huwa spjega kif f’Malta dak iż-żmien kien jaqla’ 24 Liri Maltin fil-ġimgħa fl-Royal Marine Corps u meta talabha jsiefru, martu ma setgħetx issegwih għax ommha kienet marida. 

    B’sinċerità liema bħala l-anzjan qal li dak iż-żmien kienu jafu kif idabbru lira billi n-nisa kienu jiffirmaw stqarrija li huma msawta jew li r-raġel ma jagħtihomx il-paga fost l-oħrajn tant li jibżgħu jmorru magħhom tagħhom barra minn Malta u b’din l-iskuża kienu jieħdu kemxa flus. 

    “Dak kien trick tal-armata u jien kont naf bih. Darba għent waħda hekk u għidtilha x’għandha tagħmel biex tieħu balla liri. Kienu jibagħtu għalihom f’Kastilja fejn jistaqsuhom għala ma jridux imorru mar-raġel. Din hekk għamlet għax taparsi tibża’ minnu u ħadet refund b’lura u baqgħet tieħu l-flus. Jien ma stajtx nagħmel hekk għax il-mara ma riditx minħabba li beżgħet li tmur l-infern,” ftakar Franġesku. 

    Sal-ġurnata tal-lum dan l-anzjan għadu jibgħat il-kartolini tal-Milied lill-eks suldati kollegi tiegħu, lill-eks kollegi tal-lukanda li kien jaħdem fiha bħala receptionist u ħbieb oħra madwar id-dinja kollha. Bi ftit dieqa qal li minn lista ta’ 150 ħbieb fadallu biss 47 għax maż-żmien mietu. “Kelli ħafna ħbieb. Baqagħli xi ħbieb ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u għadni f’kuntatt magħhom. Diġà ktibt il-kartolini għall-Milied li ġej fosthom għall-Ingilterra, għall-Eġittu u anke għal Ċipru,” tenn Franġesku.

    Filwaqt li wissa li jekk illum il-ġurnata tinqala’ gwerra oħra, “kulħadd jitlaq”, huwa stqarr li jinsab imħasseb dwar il-konflitt bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Il-veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija bagħat messaġġ lill-qarrejja, b’mod speċjali dawk li jsuqu l-muturi, biex joqogħdu attenti minn xi aċċident tat-traffiku għax, “ma trid xejn biex tweġġa’. Ħudu ħsieb li tapprezzaw il-ħajja”. 

    Profil:
    Isem: Franġesku Saverio D’Anastasi
    Età: 94 sena
    Post tat-Twelid: Rabat
    Statut: Armel għal dawn l-aħħar sitt snin u ġenitur ta’ żewġt itfal
    Okkupazzjoni: Suldat fit-Tieni Gwerra Dinjija
    Kwotazzjoni Favorita: “Kull u tpaxxa għax minn hawn għal ġol-kaxxa”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0