B’determinazzjoni li twettaq il-ħolma tagħha fid-dinja tal-moda

  • Set 21, 2019 10:41
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Melissa Pace hi tfajla Maltija li minn mindu kienet għadha żgħira kellha għal qalbha dak kollu li għandu x’jaqsam mal-moda u s-sbuħija. B’ħafna determinazzjoni, hi qiegħda taħdem biex issir persuna influwenti f’dan il-qasam, filwaqt li twassal messaġġ importanti favur il-persuni b’diżabilità. 

    F’intervista li għamilnielha, Melissa spjegat li minn ta’ età żgħira hi kellha għal qalbha l-moda u s-sbuħija. Fil-fatt, meta għalqet sena u l-ġenituri tagħha għamlulha l-quċċija, hi kienet diġà għażlet il-lipstick. Aktar tard, meta bdiet tikber u titfarfar, kienet tħobb tesperimenta fl-irtokk u fl-ilbies. 

    Illum il-ġurnata, Melissa għandha l-profili tagħha fuq il-midja soċjali u qiegħda tibni isem bħala persuna li tirreferi għaliha meta trid ċertezza dwar prodotti tal-moda u tas-sbuħija. 

    Madankollu, Melissa stqarret li r-raġuni ewlenija għalfejn ħolqot dawn il-profili fuq il-midja soċjali kienet għax hi riedet toħloq għarfien u xtaqet tirribatti l-mentalità ta’ xi wħud, li jaħsbu li jekk persuna jkollha diżabbiltà, allura din tkun inqas minn ħaddieħor. Fil-fatt, Melissa għandha l-kundizzjoni tal-Osteogenesis Imperfecta, li taffettwalha s-saħħa tal-għadam li huma aktar fraġli. Minħabba f’hekk, meta kienet għadha żgħira kellha tagħmel żewġ operazzjonijiet biex jissaħħilha l-għadam permezz ta’ rodding. Dan ir-rodding sarilha biex l-għadam ikun sostnut aħjar u b’hekk ma jinkisirx faċilment. 

    Tistqarr li minħabba l-kundizzjoni tagħha, hi tiffaċċja diversi sfidi, primarjament minħabba l-fatt li diversi postijiet madwar Malta, fosthom anke ħwienet, għadhom mhumiex aċċessibbli għall-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti. Madankollu, Melissa qaltilna li hi ma taqtax qalbha u qiegħda taħdem biex jirnexxielha tikseb l-indipendenza kompluta tagħha. Fil-fatt, hi għadha kemm xtrat siġġu tar-roti li jaħdem bl-elettriku, ħalli jgħinha biex tkun tista’ tivvjaġġa aktar fit-tul mingħajr tbatija. Min-naħa l-oħra, qiegħda wkoll titgħallem kif issuq il-karozza. 

    Melissa Pace spjegatilna li l-istorja tagħha turi li l-persuni b’diżabilità xorta huma kapaċi jwettqu l-ħolm tagħhom bħal ħaddieħor. Qalet li hi temmen li b’persistenza, determinazzjoni u ħidma, kulħadd hu kapaċi li jilħaq l-għanijiet tiegħu, ikun min ikun. Issostni li jiddependi biss mill-persuna, kemm tkun lesta li taħdem għall-ħolm tagħha. 

    Fuq kollox, Melissa qalet li peress li hi għandha din l-imħabba għall-moda u s-sbuħija, allura xtaqet li tinkorporaha mar-raġuni prinċipali wara l-profili tal-midja soċjali tagħha. Qalet li l-ħolma tagħha hi li tkompli tiġġieled l-istigma li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabilità. 

    Intant, ftit tal-ġimgħat oħra Melissa se tkun parti minn sfilata tal-moda fejn se tkun il-blogger uffiċjali. Hi se tkun qiegħda taqsam l-esperjenza tagħha fuq il-profili tal-midja soċjali. Barra minn hekk, ftit tax-xhur oħra se tkun qiegħda tieħu sehem ukoll f’reklam li se jkun qed jintwera fuq it-televiżjoni, b’tema partikolari li qiegħda ħafna għal qalbha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0