“Kont qed ngħix il-ħolma tiegħi iżda nobgħodha fl-istess ħin”

  • Set 21, 2019 13:53
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    “Kont qed ngħix il-ħolma tiegħi iżda nobgħodha fl-istess ħin” MELVIN FARRUGIA

    Il-ġenerazzjoni żagħżugħa, xi darba jew oħra, semgħet bil-band famuża Little Mix, li fl-2011 rebħet l-X Factor fl-Ingilterra. Waħda mill-membri tal-band, Jesy Nelson tkellmet riċentement u żvelat kif minħabba l-ibbuljar onlajn li sofriet, hi anke pprovat tagħmel suwiċidju. Kien proprju wara li dehret fuq X Factor li hi bdiet tiġi insulentata u dan wassalha f’punt fejn ipprovat toqtol lilha nnifisha.

    F’intervista ma’ BBC, il-kantanta ta’ 28 sena stqarret li l-kummenti dwar l-apparenza tagħha kienu jdejquha ħafna, tant li kulma riedet hu li tmut. F’mumenti mill-aktar emozzjonanti, Nelson ġedded il-memorja ta’ meta ħadet doża qawwija ta’ pilloli għax ma felħitx aktar tisma’ kummenti kontriha. Jesy Nelson u l-kumplament tal-band sarupopolari wara li rebħu X Factor fl-2011.

    Minn band li ħadd ma kien jaf bihom, huma saru ċelebritajiet minnufih. Il-kantanta mhux biss ġiet affettwata hi, iżda anke ommha, oħtha, il-kumplament tal-band u anke n-nies li kellha relazzjoni magħhom. L-ibbuljar fuq Nelson beda jseħħ kważi minnufih wara li dehret fuq it-televiżjoni. Minkejja li meta rebħu huma kienu ferħanin se jtiru, dan il-ferħ ma tantx dam għaliha hekk kif irċeviet 101 messaġġ fuq Facebook u l-ewwel wieħed minnhom kien jgħid li hi l-aktar ħaġa kerha li qatt dehret u ma kienx jixraqilha li tkun f’din il-band. Saħansitra qalulha li kien jixraqilha li tmut.

    Sa dak iż-żmien, Jesy Nelson qatt ma kellha problema b’ġisimha, iżda wara dawn l-insulti, saret xi ħaġa li tinkwetaha wisq. Il-fama li kellha tkun xi ħaġa sabiħa, saret xi ħaġa kerha, hekk kif bdew jgħajruha li hi l-membru l-ħoxna u kerha ta’ Little Mix. Kien imbagħad fl-2013 li l-band reġgħu dehru fuq X Factor bħala mistednin. Kienet naqset xi ftit mill-piż u kienu se jesebixxu ruħhom bis-single l-ġdida. Madankollu, Jesy kien jinteressaha biss li jarawha u jgħidu li tidher sew.

    Iżda l-kummenti xorta baqgħu għaddejjin u s-saħħa mentali tagħha bdiet tmur lura. Bdiet taħseb li setgħet kienet l-aktar tfajla rqiqa fid-dinja għax dawn il-kummenti ma kinux se jieqfu. Kien hawn li waqgħet f’dipressjoni qawwija. Wara li rat aktar kummenti dispreġjattivi fuq Twitter wara l-esibizzjoni tal-2013 fuq X Factor, Jesy Nelson ma felħitx aktar u darba minnhom wara li bdiet tikbi fis-sodda hi belgħet ħafna pilloli. Kien is-sieħeb tagħha ta’ dak iż-żmien li ħadha l-isptar u hemm ħadu ħsiebha. Nelson tistqarr li kienet xi ħaġa mill-aktar strambi li kienet qiegħda tgħix il-ħolma tagħha li saret magħrufa bħala kantanta, iżda fl-istess waqt tobgħod dak il-mument.

    Kien għalhekk li għal ħafna żmien hi ħbiet dak li kienet qiegħda tħoss biex ma ddejjaqx lil ta’ madwarha. Illum li għaddew tmien snin minn dan l-episodju f’ħajjitha, Nelson tħossha ħafna aktar b’saħħitha hekk kif irnexxielha tbiddel il-perċezzjoni dwar in-nies li jinsulentawha. Filwaqt li qabel kienet taħseb li kulħadd jobgħodha, illum tirrealizza li dawn in-nies jagħmlu hekk għax iħossuhom ħażin dwarhom infushom. Tistqarr li jiddispjaċiha li rrealizzat dan wara ħafna żmien fejn anke affettwat il-mod kif taħdem ma’ sħabha fil-band Little Mix. Nelson tgħid li waqfet tuża Twitter u dan għenha biex is-saħħa mentali tagħha tmur ‘il quddiem u hi tkun aktar kuntenta.

    Min-naħa l-oħra, tispjega li kienet motivata li tagħmel dan il-programm biex tipprova tgħin lil nies oħrajn. Tispjega li llum hi persuna differenti u hi b’saħħitha anke mentalment. Allura tixtieq li l-esperjenza orribbli li għaddiet minnha hi, sservi ta’ ġid għal xi ħaddieħor.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0