“Se niġġieled għalikom”... tħabbar waqfa mix-xogħol minħabba problemi tas-saħħa

  • Ott 04, 2019 18:27
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Il-ħajja hija l-isfidi li ġġiebilna quddiemna hi u dan minkejja li kollha kemm aħna nagħmlu pjanijiet għall-futur b’intenzjonijiet u miri differenti.” Dan kien kliem il-kantanta Taljana tal-mużika pop, Emma Marrone, li fl-2014 rebħet battalja tal-kanċer u issa ħabbret li se jkollha tieqaf għal ftit żmien mix-xogħol minħabba li reġa’ għandha problemi tas-saħħa. Fost il-kunċerti li kellha tħassar kien hemm proprju wieħed hawn Malta ppjanat għall-4 ta’ Ottubru. 

    In-nies tal-ispettaklu mhumiex eċċezzjoni għar-realtajiet tal-ħajja u ċ-ċirkostanzi li ngħaddu minnhom aħna jew l-għeżież tagħna ta’ kuljum. Sfotunatament il-marda tal-kanċer tista’ tolqot lil kulħadd u proprju fix-xahar ta’ Ottubru li huwa ddedikat biex jiżdied l-għarfien u l-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider, inewsmalta qiegħda twassal l-istorja ta’ Emma Marrone li fl-età ta’ 24 sena kellha l-ewwel battalja tagħha kontra l-kanċer u issa, snin wara għandha quddiema battalja oħra għal saħħitha.

    Wara t-telfa tal-ġurnalista u preżentatriċi televiżiva, Nadia Toffa f’Awwissu li għadda, waslet l-aħbar li l-kantanta Emma Marrone għandha triq twila u iebsa quddiema biex issalva ħajjitha. Hija spjegat lill-ammiraturi tagħha li kellha tħassar il-pjanijiet tagħha fix-xena tal-ispettaklu minħabba li għandha problemi tas-saħħa u żiedet tgħid li, “hemm bżonn li neħles minn din il-problema darba għal dejjem”.

    Fl-2009, fil-bidu tal-karriera tagħha fil-programm “Amici”, wara li sarilha CT scan ingħatat l-aħbar li kien hemm traċċi ta’ kanċer fl-utru. It-tobba kienu spjegawlha li s-sintomi ta’ għejja li kienet ilha tħoss għal snin sħaħ kienu sintomi ta’ dan il-kanċer u minkejja din l-aħbar kerha, Emma ma bdietx tibki. 

    “Qabel ma mort għat-testijiet kont diġà avżajt lil ommi biex tipprepara ruħha għax ħassejt li m’inix se ningħata aħbar tajba. Ħassejtha,” qalet din il-kantanta żagħżugħa. F’dan il-perjodu ta’ ħajjitha Emma kienet għadha tfajla b’vuċi sabiħa mmens u bi proġetti kbar għal futur brillanti. 

    It-tobba qalu lil Emma li se jkollha tagħmel operazzjoni twila ta’ tmien sigħat bil-għan li jneħħu kull traċċa perikoluża tal-kanċer. Din l-aħbar ixxokkjat lill-kantanta li beżgħet li l-ħolma tagħha li ssir stilla fid-dinja tal-ispettaklu bħala kantanta, tgħib għal kollox.

    Wara ħafna wġigħ u inċertezzi, it-tfajla ħarġet rebbieħa mill-marda, iżda issa se jkollha tgħaddi mill-istess vjaġġ iebes. Emma tidher kuraġġjuża ħafna biex tiffaċċja din l-isfida tant li qalet li mhix imbeżża’ u kulma għandha bżonn hu s-sostenn u l-għajnuna tal-ammiraturi tagħha.

    “Ma nafx għaliex iżda nħossni trankwilla. Jista’ jkun  li minħabba li għandi fidi kbira u nitlob ħafna. Imbeżża’, imma rrid u jkolli niffaċċja din is-sitwazzjoni xorta waħda,” tenniet il-kantanta.

    Bil-għan li ttaffi mis-serjetà u d-dwejjaq li ġġib magħha aħbar bħal din, Emma b’ċajta qalet li f’ħajjitha qiegħda tkun aktar mat-tobba milli tirrilassa f’xi Spa.

    L-operazzjoni li salvatilha ħajjitha fl-ewwel kanċer li kellha, bidlitilha ħajjitha u minn dak iż-żmien ‘il hawn Marrone għamlet minn kollox biex jitwassal għarfien, b’mod speċjali liż-żgħażagħ, fl-importanza tal-prevenzjoni. Fil-fatt hija kienet tieħu ħsieb li kull tant żmien tiċċekkja saħħitha tant li kien proprju f’waħda minn dawn il-viżti għand it-tobba li skopriet li kellha kanċer.

    Fost il-messaġġi ta’ sostenn u kuraġġ kien hemm ovvjament minn Maria De Filippi kif ukoll ta’ personalitajiEet oħra fosthom Conti, Lorella Cuccarini, Vladimir Luxuria, Mentana u Panariello.

    Min hi Emma Marrone?

    * Imwielda fil-25 ta’ Mejju tal-1984, isimha oriġinali hu Emmanuela Marrone u hija kantanta tal-mużika pop Taljana.

    * F’Marzu tal-2010 hija rebħet f’”Amici di Maria De Filippi” u ffirmat kuntratt mal-Universal Music.

    * Fit-18 ta’ Frar tal-2012 hija ġiet fl-ewwel post tal-festival prestiġġjuż ta’ Sanremo bil-kanzunetta “Non è l’Inferno”.

    * Hija rrekordjat EP, erba’ albums u 15-il kanzunetta single fejn rebħet Multiplatinum, 14-il diska Platinum u żewġ diski tad-deheb. S’issa hija kellha aktar minn 1,200,000 f’bejgħ ta’ singles u diski.

    * Mill-2012 Emma bdiet ittella’ spettakli billi ddoqq il-kitarra fil-pubbliku.

    * Fl-2013 u fl-2015 Marrone ntgħażlet bħala d-direttur artistiku ta’ wieħed mit-tims ta’ “Amici di Maria De Filippi”.

    * Hija rrappreżentat lill-Italja fil-Festival tal-Eurovision tal-2014 li sar fid-Danimarka bil-kanzunetta “La Mia Città” u ġiet fil-21 post.

    Infakkru lil dawk li tilfu l-battalja…

    Fost persuni famużi li nixtiequ nfakkru wara li tilfu l-battalja tagħhom kontra l-kanċer hemm Walt Disney (1966); il-kantanta Aretha Franklin li mietet fl-età 76; il-kantant, attur u kummiedjant Dean Martin (1995); Frank Sinatra (1998); l-attur famuż Paul Newman (2008); l-attriċi Amerikana Farrah Fawcett (2009) ; il-kantant Ingliż David Bowie li ħalliena fl-età ta’ 72 sena; l-attur Ingliż, Alan Rickman, magħruf għar-rwoli tiegħu fil-films “Sheriff of Nottinngham” u “Harry Potter”; l-attur Dennis Hopper (2010); John Wayne li miet fl-età ta’ 72 sena;  Steve Jobs (2011); Patrick Swayze li kiseb fama kbira bil-film “Dirty Dancing” u ħalliena fl-età ta’ 57 sena;  il-kantanta Donna Summer (2012); il-gitarrist tal-‘Beatles’, George Harrison fl-età ta’ 58 sena; u Luciano Pavarotti fost l-oħrajn.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0