Bartolo jrid ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema

  • Ott 09, 2019 20:11
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo iddikjara fil-Parlament li għalkemm il-Gvern tejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema jrid li dawn ikomplu jitjiebu għax għadhom taħt il-medja Ewropea.

    Huwa rrimarka dan hekk kif kien qed jippreżenta l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Edukazzjoni b'miżuri ġodda ntiżi biex itejjbu dan il-qasam.

    Bartolo sostna li huwa kien jippreferi li kieku l-Gvern sab kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar minn dawk li sab ħalli ż-żidiet li kellu jagħti kienu jkunu aħjar.

    Huwa semma kif fl-10 snin li ġejjin id-dinja se tiffaċċja kriżi fl-għalliema b'74 pajjiż minn madwar 200 se jkollhom nuqqas akut tant li miljuni ta' tfal se jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni għal din ir-raġuni.

    Bartolo sostna li l-fatt li Malta għandha l-ikbar numru ta' għalliema żgħażagħ fl-UE mhiex ta' konsolazzjoni u għalhekk hemm bżonn li nattiraw aktar għalliema speċjalment fil-Matematika, l-Ingliż, ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni.

    Huwa irrefera għall-kwistjoni tal-pagi fejn qal li fl-UE dawn ivarjaw minn €5,000 fis-sena għall-għalliema Bulgari u €60,000 fis-sena għal dawk fil-Lussemburgu.

    Dwar dawk f'Malta qal li l-għalliema lokali jitħallsu madwar €22,600 fis-sena li jekk magħhom iżżid l-'allowance', tara r-rata tat-taxxa kif ukoll dak li jieħdu d-dar ipoġġi l-istess paga fuq il-livell tal-għalliema fl-Italja u Franza.

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar ukoll li din il-ġimgħa se jibda jiddiskuti mar-rappreżentanti tal-għalliema kif jista' jnaqqsilhom il-piżijiet għax bosta jgergru li għandhom ħafna 'paper work'.

    Bartolo semma wkoll li biex l-għalliema jagħmlu l-ġid jeħtieġ li jkunu stmati u apprezzati fejn anke ikkritika lil dawk li jitkellmu dwar l-għalliema daqs li kieku dawn għaddejjin xi xalata jew vaganza u anke sostna li min jgħid li l-għalliema għandhom inqas siegħat ta' xogħol jew vaganzi twal ikun qed iparla żejjed.

    Il-Ministru Bartolo elenka wħud mill-proposti l-ġodda li qed jiġu ippreżentati f'dan l-abbozz ta' liġi fosthom it-twaqqif ta' bord li se jiddefendi l-interessi tat-tfal biex ma jkunx hemm aktar każijiet fejn xi ħadd mill-ġenituri jirrifjuta li jiffirma biex tingħata għajnuna lit-tfal jew f'każ li jkun hemm bżonn ta' bidla fl-iskola.

    L-abbozz ta' liġi jaħseb ukoll għal pieni eħrex fil-konfront tal-ġenituri li jittraskuraw lil uliedhom u ma jibgħatuhomx l-iskola kif ukoll fil-konfront ta' attakki jew theddid li jsir lejn għalliema u staff ieħor inkluż barra l-iskola.

    Il-liġi l-ġdida kif proposta taħseb ukoll biex ir-rappreżentant legali tal-iskejjel ma jibqax il-prinċipal tal-kulleġġ imma jsir id-Direttur Ġenerali jew rappreżentant tiegħu.

    Bartolo semma wkoll kif se jinħoloq 'unit' 'il barra mis-sistema tal-edukazzjoni li se jkun responsabbli mill-evalwazzjoni ta' dak li qed jiġri fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.

    Dwar il-'home education' l-abbozz ta' liġi jgħid li dan se jkun possibbli f'każ li jkun hemm mard jew problemi ta' saħħa u bil-kundizzjoni li l-għalliema jkunu ikkwalifikati.

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol żied li huwa ma jridx li l-iskejjel jispiċċaw qishom irziezet u l-istudenti jmorru għall-eżamijiet qishom sejrin għall-biċċerija.

    Waqt li semma kif żdiedu t-tfal fis-snin bikrija tal-edukazzjoni huwa reġa' tenna li ma jridx li ċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal jispiċċaw qishom parkeġġ għall-ġenituri li jaħdmu.

    Huwa irrefera wkoll għat-teknoloġija u wissa li din m'għandhix tiddomina lit-tfal sal-punt li jsiru lsiera tagħha imma trid tgħinhom isiru persuni aħjar waqt li semma kif ċertu tfal qed isibuha diffiċli jitkellemu għax minn eta żgħira ma jkunux ikkomunikaw bil-kliem u l-qari mal-adulti.

    Bartolo irrefera wkoll għal dawk it-tfal li jkollhom problemi soċjali u għamilha ċara li dawn mhux se jkunu moħħhom fl-edukazzjoni jekk ikollhom problemi fil-familja.

    Huwa enfasizza wkoll fuq il-ħtieġa li t-tfal iż-żgħar jiġu mgħallma permezz tal-logħob edukattiv u wissa li jekk indejquhom minn kmieni mhux se jkunu ħerqana biex jitgħallmu waqt li enfasizza wkoll fuq l-inklużjoni fejn saħaq li dawn iridu jkunu marbuta mad-drittijiet umani.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0