Leonard, ir-raġel li l-problemi tas-saħħa mentali ma qatgħulux qalbu

  • Ott 10, 2019 11:28
  • Miktub minn iNews
"

    Illum, il-Ħamis 10 ta’ Ottubru huwa l-Jum Dinji dedikat lis-Saħħa Mentali. Waħda mill-akbar problemi li jħabbtu wiċċhom magħha pazjenti milqutin mill-mard mentali u sa ċertu punt anke l-familji tagħhom, hija l-istigma soċjali li jġorr dan il-mard, bħal donnu li huwa mard differenti minn kull mard ieħor.

    Is-saħħa mentali f’pajjiżna qegħda tingħata prijorità assoluta, tant li bl-għajnuna tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tfasslet strateġija nazzjonali li fost affarijiet oħra taħseb għal, u diġà bdiet timplimenta pjan biex persuni milqutin minn mard mentali imma li ma jeħtiġux li jkunu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli u li m’għandhomx familja, imorru jgħixu fi djar apposta fil-komunità.

    Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għas-Saħħa Mentali l-orizzont iltaqa’ ma’ Leonard Portelli, wieħed minn 12-il resident f’Dar il-Merill, Ħal Qormi, immexxija minn Richmond Foundation, fejn il-Gvern permezz tal-Ministeru għas-Saħħa jħallas għall-iljieli għal nies biex flok jgħixu f’istituzzjoni, bħalma huwa l-Isptar Monte Carmeli, jgħixu fil-komunità. 

    Leonard, li llum għandu 65 sena, iħobb jesprimi ruħu bl-arti moderna, xiħaġa li kien inklinat lejha sa minn età żgħira ħafna. Sfortunatament għal Leonard  ċkunitu ma kinetx daqstant faċli. Ma’ twelidu ommu tagħtu għall-adozzjoni u filfatt ta’ 15-il ġurnata ħaditu familja li rabbietu f’imħabba kbira. Id-destin reġa’ kien kiefer miegħu u l-mara li ħaditu biex trabbih mietet meta hu kellu biss tliet snin. Għalih din it-tieni omm kienet l-aktar persuna importanti. Ma nesiha qatt u ma ried idaħħal ebda mara oħra f’ħajtu. 

    Meta kiber emigra lejn l-Awstralja fejn għamel hemm numru ta’ snin sostanzjali. Madankollu fl-Awstralja żviluppawlu sfidi ta’ saħħa mentali u wara ċertu żmien ‘oħtu’ mill-familja li rabbietu għenitu jiġi lura Malta. Kellu bżonn il-kura, u fil-fatt għadda ħafna snin ġej u sejjer Monte Carmeli u anke jgħix hemm.  “F’Monte Carmeli għenuni ħafna, kienu jieħdu hsiebi ferm. Erba’snin ilu ġiet l-opportunità fejn jien stajt nibda ngħix fil-komunità grazzi għal ftehim bejn il-Gvern u Richmond Foundation u din l-opportunità hadtha,” qal Leonard lil l-orizzont.

    l-orizzont staqsa lil Leonard dwar id-delizzju li jpitter. “Ili minn meta kont daqsxejn ta’ tifel ta’ ħames snin. Ħeġġewni l-qraba tiegħi,” qal Leonard hekk kif mill-kamra tiegħu ħareġ numru ta’ pitturi flimkien mal-bagalji li fiha għandu l-kuluri u l-għodda kollha li biha jpitter. “L-arti tagħtini sodisfazzjon. Permezz tagħha nesprimi l-imħabba u l-ferħ, fil-fatt nuża kuluri vivaċi u bihom nesprimi ruħi meta nsibha diffiċli biex nagħmel dan,” zied jgħid Leonard.

    Żied jispjega kif l-arti tgħallimha waħdu. “Kienet self-thought, iżda maż-żmien investejt fija nnifsi billi qrajt u esplorajt artisti kbar li komplew jispirawni. Aħna studenti għal ħajjitna kollha iżda meta mort biex napplika sibt il-klassijiet kollha mimlijin,” qal Leonard filwaqt li zied jghid li ftit taż-żmien ilu għamel kors tal-card making.

    “L-arti qegħda f’qalbi u l-aktar li għandi għal qalbi huwa ktieb li kien ippubblikat minn Richmond Foundation u li huwa ntitolat First Aid Manual First Edition u li f’dan il-manwal hemm il-biċċiet ta’ arti u pittura li għamilt tul is-snin. Fil-pittura jien irrid noħroġ biss is-sabiħ u fil-fatt niddejjaq noħroġ l-ikrah,” qal Leonard. 

    Tul is-snin kellu diversi xogħolijiet esebiti anke fil-Palazz tal-President  u għandu xogħolijiet li kienu esebiti fl-Awstralja. Numru ta’ xogħlijiet tiegħu jinsabu esebiti wkoll kemm f’Dar il-Merill f’Hal Qormi kif ukoll fl-Isptar Monte Carmeli. 

    Dwar din l-istorja l-orizzont tkellem ukoll mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. “Nemmnu bis-sħiħ li persuni bħal Leonard m’għandhomx għalfejn jgħixu għomorhom f’istituzzjoni bħalma huwa l-Isptar Mount Carmel. Huwa għalhekk li fl-Istrateġija dwar is-Saħħa Mentali enfasizzajna dwar hekk u dħalna fi ftehim ma’ għaqdiet mhux governattivi bħal Richmond Foundation biex jipprovdu servizzi bħal dawk li qiegħed jibbenefika minnhom Leonard. Dan għamilnih u se nkomplu nagħmluh għax konvinti wkoll li dan jgħin biex tonqos l-istigma li sfortunatament iġorr magħha l-mard mentali.”

    Il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali ġie ċelebrat l-ewwel darba fl-1992 fuq inizjattiva tal-World Federation for Mental Health, organizzazzjoni dinjija dwar is-saħħa mentali. L-għan tagħha huwa li tul il-jum tkun enfasizzata l-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali, l-għarfien dwarha u l-ħidma kontra l-istigma soċjali li jġorr miegħu l-mard mentali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0