“Qishom tawna s-sentenza tal-mewt”

  • Ott 16, 2019 17:12
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Qishom tawna s-sentenza tal-mewt u bħalissa l-ħin kollu newden. Inħossni mwarrba, traduta u rrabjata ħafna. Ma nistax nesprimi fi kliem ir-rabja li qiegħda nħoss għax aħna se nbatu minħabba l-gwerra li hemm bejn il-Gvern tagħna u l-Unjoni Ewropea”. Stqarret dan Denis Abel, Ingliża li ilha tgħix fl-Italja mill-2012, wara li saret taf li l-iskema bi ftehim reċiproku li fiha n-National Health Scheme (NHS) tħallas lura t-trattamenti li jingħataw lill-persuni mir-Renju Unit barra l-pajjiż, tieqaf jekk ma jintlaħaqx ftehim fil-blokk Ewropew għall-Brexit.

    Ingliżi b’mard serju, uħud minnhom anke terminali u jgħixu f’pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, jinsabu f’paniku kbir minħabba li m’għandhom ebda garanzija li s-servizzi tas-saħħa se jibqgħu jingħatawlhom bla ħlas taħt l-iskema nazzjonali jekk ma jintlaħaqx ftehim għall-Brexit. Din l-instabbiltà qiegħda tikkawża ansjetà kbira fost dawn l-istess pazjenti li l-inqas ħaġa li għandhom bżonn f’dan il-perjodu diffiċli minħabba saħħithom, hi li joqogħdu jinkwetaw li mhux se jkollhom flus biex jikkuraw ruħhom.

    Il-Gvern Ingliż ix-xahar li għadda ħabbar li jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-blokk Ewropew mingħajr ftehim, huwa stmat li madwar 180,000 pensjonant Ingliż li l-kura ta’ saħħithom toħroġ mill-fondi tal-pajjiż, se jkomplu jibbenefikaw minn din l-iskema għal sitt xhur biss.

    Il-maġġorparti tal-miljun ċittadini Ingliżi li jgħixu fl-UE huma impjegati u jħallsu għall-kura ta’ saħħithom skont is-sistemi wżati fil-membri stati Ewropej li jgħixu fihom. L-arranġamenti għall-kura tas-saħħa ta’ dawn il-ħaddiema mhux se jkunu affettwati jekk ma jintlaħaqx il-ftehim tal-Brexit.

    L-Ingliżi barra pajjiżhom iħossuhom f’xifer l-irdum…

    Dan ix-xenarju mhuwiex l-istess għall-pensjonanti li kienu jħallsu l-assikurazzjoni nazzjonali ta’ saħħithom fir-Renju Unit. Qabel ma beda l-proċess tal-Brexit huma kienu jaqgħu taħt l-iskema tal-kura tas-saħħa, S1, li fiha l-NHS kienet tħallas lura l-ispejjez tat-trattamenti tagħhom. Issa qiegħed jingħad din l-iskema mhix se tibqa’ fis-seħħ jekk ma jintlaħaqx ftehim tant kontroversjali.

    “Iħossuhom bħallikieku ġew traduti,” qalet Kalba Meadows mill-grupp British in Europe. Hija żiedet tgħid li, “ħafna minnhom huma persuni vulnerabbli u nemmnu li għandu jkun hemm sforz ġenwin biex dawn in-nies jingħataw xi tip ta’ serħan il-moħħ li d-drittijiet tagħhom se jkunu mħarsa. Dan almenu sakemm ikun hemm arranġamenti oħra reċiproċi u bilaterali bejn il-pajjiżi involuti”.

    Il-Gvern Ingliż min-naħa tiegħu ħeġġeġ lil dawn il-pensjonanti biex jibdew iħallsu assikurazzjoni għall-kura tas-saħħa tagħhom fil-pajjiż li jgħixu fih. Huwa rrapportat li dan il-ħlas se jkun ta’ piż finanzjarju enormi għall-pazjenti Inglizi minħabba li jiswa ħafna flus meta kkomparat mal-pensjoni minima tar-Renju Unit. Għal ħafna pensjonanti, anke minħabba l-fatt li diġà għandhom kundizzjonijiet mediċi, assikurazzjoni tas-saħħa mal-privat se tkun tiswa ħafna flus u bosta qegħdin jilmentaw li mhux se jkunu jifilħu jħallsu assikurazzjoni ta’ dan it-tip.

    Meadows qalet li dawn l-anzjani issa qegħdin fil-periklu li jispiċċaw mingħajr kura nazzjonali għal saħħithom u li f’ħafna pajjiżi, jekk persuna ma jkollhiex aċċess għas-servizzi tas-saħħa, legalment ma tibqax rikonoxxuta aktar bħala residenti. “Hemm ħafna biża’ u inċertezzi fost il-pensjonanti Ingliżi li jgħixu barra mill-pajjiż. Għandna mijiet ta’ nies li diġà għamlu kuntatt magħna dwar din il-problema. Ħafna minnhom huma avvanzati sew fl-età u anke għandhom mard li ma jistgħux ifiequ minnu. Din is-sitwazzjoni hija verament tal-biki,” kompliet il-kelliema.

    F’Marzu l-Gvern Ingliż kien wiegħed li jekk ikun hemm ftehim reċiproku fost is-27 stati tal-UE, hu lest iħallas l-ispejjeż tat-trattamenti li bdew qabel il-Brexit u jibqa’ jagħmel dan sa 12-il xahar wara l-ħruġ mill-blokk. Din l-aħbar però ma tantx hija ta’ konsolazzjoni għall-pensjonanti mir-Renju Unit li huma mifruxa mal-Ewropa kollha. 

    Pensjonanti morda bla assikurazzjoni għal saħħithom

    Valerie Chaplin għandha 68 sena u marret tgħix fi Spanja flimkien mar-raġel tagħha Eric, 20 sena ilu meta laħqu l-età tal-irtirar. Is-sena l-oħra din il-mara ħadet l-aħbar li kellha kanċer tas-sider u għamlet żewġ operazzjonijiet, ħadet it-trattament tar-raġġi u għandha ħames snin pilloli. Fi tmiem is-sena d-dieħla dawn il-pilloli tant importanti fil-kura tal-kanċer mhux se jibqgħu jitħallsulha mill-iskema tal-NHS.

    “Inħossni mitlufa. Ma nistax nieqaf ninkwieta u nagħmel minn kollox biex ineħħi l-ħsibijiet minn moħħi billi nżomm ruħi okkupata għax agħar jekk inpoġġi bil-qiegħda naħseb. Żgur li mhux se jkolli l-mezzi finanzjarji biex inħallas għal din il-kura. Lanqas ma niflaħ inħallas biex ningħaqad mas-sistema tal-kura nazzjonali fi Spanja,” spjegat Valerie. Hija qalet li barra minnhekk ir-raġel tagħha llum il-ġurnata għandu 87 sena u jbati b’kolesterol għoli u għandu wkoll problemi bil-pressjoni. L-anzjana Ingliża stqarret li verament ma tafx x’se taqbad tagħmel.

    Il-kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar fis-sistema ta’ Spanja għall-kura tas-saħħa li tkopri biss il-bżonnijiet bażiċi jiġu jiswew lil din il-koppja €165 kull wieħed. Chaplin, li qabel irtirat kienet infermiera qalet li, “it-trattament tiegħi jiġi jiswa €425 kull xahar u d-dħul tagħna huwa ta’ €1,600. Li nibża’ l-aktar hu jekk jiġri xi ħaġa lir-raġel tiegħi għax f’dak il-każ, nispiċċaw ngħixu b’€600 biss għal xahar sħiħ.”

    Anke jekk il-koppja Chaplin tixtieq tirritorna fir-Renju Unit, bħalma qegħdin jagħmlu pensjonanti oħra Ingliżi, din ma tistax. Dan minħabba li lura f’pajjiżhom m’għandhom xejn u d-dar li jgħixu preżentament fiha fi Spanja għandha l-valur baxx ta’ €50,000. Valerie qalet li huma ddeċidew li jibqgħu fi Spanja mingħajr assikurazzjoni għal saħħithom u li, “dan sakemm immutu. Din is-sitwazzjoni hija d-daqqa ta’ mannara għalina”.

    Każ ieħor irrapportat fuq il-mezzi tax-xandir huwa dak ta’ Abel, psikologa ta’ 63 sena li flimkien mar-raġel tagħha fl-età tal-irtirar marru jgħixu f’Perugia fl-Italja. Ir-raġel bi professjoni kien inġinier li speċjalizzat fil-qasam tal-kimika u jsiefer ħafna fil-pajjiżi tal-UE. Huwa kompla jħallas l-assikurazzjoni nazzjonali tas-saħħa tar-Renju Unit u għalhekk kien jaqa’ taħt l-iskema tal-NHS.

    “Wara r-referendum ir-raġel tiegħi naqaslu x-xogħol minħabba li l-klijenti bdew jibżgħu li mhux se jkun jista’ jsiefer minn pajjiż għall-ieħor fil-blokk Ewropew,” qalet Abel. “Is-sajf li għadda sirna nafu li għandu l-Parkinson’s Disease u minħabba li ma setax ikompli jaħdem, issa tilef l-S1 u m’aħniex fl-iskema li tħallas lura l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa mill-NHS,” kompliet din il-mara.

    Bħala ċittadini Ewropej, il-koppja preżentament ma tistax tibda tħallas l-assikurazzjoni nazzjonali tas-saħħa Taljana u minħabba l-kundizzjoni tar-raġel tagħha, kumpaniji tal-assikurazzjoni privati qegħdin jitolbuhom iħallsu €13,000 fis-sena. Wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Italja se jkunu jiswewhom madwar €3,500 fis-sena.

    Sadanittant din il-koppja qiegħda tħallas minn butha l-ispejjeż relatati mas-saħħa li jinkludu viżti għand it-tabib tal-famila, testijiet, X-rays, speċjalisti fil-qasam newroloġiku, appuntamenti għall-fiżjoterapija, kif ukoll il-mediċini kollha meħtieġa. Huma ma jistgħux jirritornaw fir-Renju Unit minħabba li jgħixu f’post żgħir temporanju wara li d-dar tagħhom inqerdet fit-terremot qawwi li seħħ fl-2016.

    “L-ironija hija li issa li qiegħed jieħu l-kura, ir-raġel tiegħi jista’ jerġa’ jibda jaħdem,” kompliet Abel. Hija però żiedet tgħid li minkejja dan, huwa xorta waħda ma jikkwalifikax għall-iskema tal-S1 għax irid ikollu sena sħiħa ta’ kontribuzzjonijiet soċjali tar-Renju Unit. Barra minnhekk, sakemm jilħaq iħallas din is-sena kontribuzzjonijiet, huwa se jkun wasal biex jirtira.

    Abel hija ddisprata u rrabjata ferm għas-sitwazzjoni li spiċċaw fiha hi u żewġha. Huma kienu draw ħafna fl-Italja tant li jħossu li din hija l-art tagħhom. Il-mara tiċħad lil pajjiżha u tilmenta li l-Brexit huwa biss diskussjoni dwar il-konfini tal-Irlanda, negozju u ekonomija. Hawnhekk hija tistaqsi, “allura x’se jiġri minnha? Aħna m’aħna xejn? Kulħadd moħħu biex isir il-Brexit akkost ta’ kollox, anke għall-mewt. Imma fl-aħħar mill-aħħar, min verament se jmut minħabba din is-sitwazzjoni?”

    Fin-Nofsinhar ta’ Franza koppja inġinieri wkoll esprimew tħassib serju minħabba din is-sitwazzjoni. Fl-2007, meta r-raġel irtira, telqu mir-Renju Unit. Il-mara, li llum il-ġurnata għadha 63 sena, kienet mardet bil-kanċer tas-sider u nstab li kien fi stadju avvanzat tant li laħaq infirex anke max-xewka tad-dahar. 

    Il-mara tkellmet mal-mezzi tax-xandir fejn filwaqt li faħħret ħafna t-trattamenti li ngħatawlha biex tirbaħ il-battalja tagħha kontra l-kanċer, hija qalet li dan l-aħħar kemm il-professjonisti tas-saħħa kif ukoll l-ispiżjar tagħha, staqsewha min se jħallas għat-trattament tagħha wara l-Brexit. Hija stqarret li minħabba l-inċertezzi fil-qasam tal-kura tas-saħħ, tinsab imħassba wisq, tant li xi kultant tħossha se tiġġennen.

    Ir-Renju Unit jitlob li l-kura tas-saħħa tibqa’ bl-istess sistema

    Minkejja dan kollu, anke jekk ma jintlaħaqx ftehim fil-Brexit, huwa mistenni li r-Renju Unit  jitlob ftehim bilaterali reċiproku biex ikun hemm arranġamenti fil-kura tas-saħħa mas-26 pajjiż l-oħra fl-UE. Fil-fatt dan diġà seħħ fuq bażi temporanja ma’ Spanja. Iżda, minħabba li diġà għaddew tliet snin wara r-referendum u ma ntlaħaqx ftehim bejn ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-UE, ħafna qegħdin jinkwetaw li kull tip ta’ arranġamenti li se jsiru se jdumu biex jintlaħqu u jistaqsu kemm effettivament se jkopru realment l-ispejjeż tas-saħħa ta’ dawn l-Ingliżi barra pajjiżhom.

    Kelliem mid-dipartment tal-kura tas-saħħa fir-Renju Unit qal li, “il-prijorità tagħna hi li nkomplu bl-arranġamenti reċiproċi fil-qasam tal-kura tas-saħħa biex kemm ir-Renju Unit, kif ukoll ċittadini tal-Unjoni Ewropeja, ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa bl-istess mod li għandhom bħalissa”.

    L-istess dipartiment qal li r-Renju Unit diġà għamel il-proposti tiegħu dwar dan lill-membri l-oħra tal-istati Ewropej. Ir-Renju Unit talab li l-arranġamenti preżenti bejn il-pajjiżi jinżammu l-istess sal-31 ta’ Diċembru, 2020 u huwa rrapportat li diġà kien hemm xi pajjiżi li qegħdin jikkonsidraw serjament din il-proposta.

    Il-Gvern Ingliż offra li jħallas l-ispejjeż tas-saħħa għall-persuni li jaqgħu taħt l-iskema nazzjonali tar-Renju Unit għal sitt xhur oħra wara l-Brexit u dan bil-għan li jagħti lil dawn in-nies biżżejjed ċans biex jagħmlu arranġamenti alternattivi li jkopruhom fil-futur għall-kura ta’ saħħithom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0