Herrera jwissi li rridu nnaqqsu l-vetturi li jaħdmu bil-'fossil fuels'

  • Ott 17, 2019 19:55
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Jose Herrera iddikjara fil-Parlament li sakemm ma nnaqqsux l-użu tal-karozzi li jaħdmu bi fjuwils li jħammġu pajjiżna se jibqa' iffaċċjat bl-ikbar sors ta' tniġġiż fl-arja.

    Herrera kien qed jitkellem matul is-seduta speċjali li tlaqqgħet il-Ħamis biex il-Parlament jiddiskuti mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

    Il-mozzjoni mressqa minnha kienet issejjaħ għat-twaqif ta' kumitat permanenti parlamentari li jkun imsejjaħ Kumitat Nazzjonali għall-Emerġenza tat-Tibdil tal-Klima li jkun iffurmat minn ħames membri parlamentari u mgħejjun minn dak li jissejjaħ is-Supretendent għat-Tibdil fil-Klima jara li Malta tilħaq il-miri tagħha f'dan ir-rigward.

    Madankollu l-Gvern ressaq kontro-mozzjoni li fiha elenka l-ħidma li wettaq fir-rigward tat-tibdil tal-klima mill-2013 u l-pjanijiet li għandu għall-futur biex jilħaq il-miri tiegħu nkluż l-miżuri mħabbra fil-Baġit 2020. 

    Għalkemm iż-żewġ naħat qablu li madwar id-dinja hawn emerġenza fejn tidħol it-tibdil fil-klima deher evidenti li l-kelliema tal-Gvern ma qablux mat-tonalita tal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li, fost oħrajn, semmiet kif Malta għandha l-agħar kwalita ta' arja fl-UE.

    Minbarra li ippreżenta l-kontro-mozzjoni b'sensiela ta' miżuri li ħa, u se jieħu l-Gvern, Herrera iddikjara li l-Gvern ma kienx xi 'climate deniar' u jaqbel li teżisti emerġenza klimatika.

    Fl-istess waqt sostna li jkun inutli li jkollok naħa fil-Parlament li tgħid biss li għandna nwaqqfu kumitat meta diġa hemm kumitat b'esperti li jirrispondi għall-Ambaxxatur dwar it-Tibdil fil-Klima Simone Borg.

    Huwa irrefera għat-trasport bħala l-ikbar sors tat-traffiku u waqt li semma kif il-Gvern qed jagħmel xogħol infrastruturali biex jindirizza l-problema fakkar li sa nofs l-2020 il-Gvern se joħorġ bid-data meta se tieqaf l-importazzjoni ta' karozzi li jaħdmu bil-'fossil fuels' u nsista li l-problema hija li għandna kważi 400,000 vettura li fil-parti l-kbir tagħhom jaħdmu b'dan it-tip ta' fjuwil.

    L-ewwel kelliem fid-dibattitu kien id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fejn iddeskriva l-ġenerazzjoni tal-lum bħala l-ewwel waħda li qed tħoss it-tibdil fil-klima u l-aħħar waħda li tista' tagħmel xi ħaġa.

    Huwa nsista li bħal pajjiżi oħra Malta għandha tobbliga lilha nnifisha bil-liġi biex tilħaq il-miri tagħha u waqt li semma l-industrija tal-vapuri tal-passiġġieri bħalha dik li tniġġeż l-aktar issuġġerixxa li Malta tkun l-ewwel Emission Control Area fil-Mediterran u li vapuri tal-passiġġieri li jidħlu Malta ma jħallux il-magni jaħdmu imma jkunu mqabbdin mal-'grid' elettroniku ta' pajjiżna u b'hekk ma jniġġsux sakemm ikunu fil-portijiet tagħna.

    Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri ikkritika lill-Oppożizzjoni talli, fi kliemu, ressqet mozzjoni mimlija żbalji u fakkar li erba' snin ilu l-Parlament approva liġi bil-barka tal-Oppożizzjoni li biha nħatret kummissjoni dwar it-tibdil tal-klima iffurmata minn esperti.

    Waqt li akkużaha li trid kumitat bil-politiċi u mhux b'esperti, Camilleri fakkarha li erba' snin ilu wkoll il-Parlament kien iddikjara emerġenza fil-kwistjoni tal-klima u sostna li l-istess mozzjoni mressqa minnha kienet qed tipproponi affarijiet li qed isiru.

    Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna li l-mozzjoni tagħhom qablu magħha mhux biss diversi għaqdiet ambjentali imma anke l-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant.

    Huwa sostna li l-Gvern missu jammetti li għandna problema u appella biex iż-żewġ jaqtgħu l-paroli u l-piki u jsibu qbil biex jindirizzaw dak li qed iwassal għat-tibdil fil-klima.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Edward Zammit Lewis semma kif fid-dinja huma 12 l-ekonomija li qed jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u l-Istati Uniti mhux parti mill-ftehim li ntlaħaq f'Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

    Huwa iddeksriva l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni bħala waħda li min ressaqha qisu ġie l-Parlament għall-ewwel darba u nsista li huwa biss Gvern Laburista li jista' jagħti s-soluzzjonijiet għal din l-isfida.

    Id-deputat elett f'isem il-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia, saħaq li għandna kriżi u emerġenza fit-tibdil fil-klima u wissa li dan se jwassal għal żieda fil-livell tal-baħar u temperaturi aktar għolja waqt li semma kif diġa qed naraw l-effet b'żieda fil-qtajja tan-nemus u l-mewġ ta' bram.

    Huwa appella lill-Gvern biex jieħu rwol aktar kruċjali fil-Mediterran ħalli flimkien ma' pajjiżi oħra jindirizza din il-problema waqt li sejjaħ l-isemmi reġjun bħala 'hotspot' f'dan ir-rigward.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela fakkar kif kellu jkun Gvern Laburista li waqqaf l-użu tal-Heavy Fuel Oil mill-power stations u b'hekk naqqas it-tniġġiż fl-arja.

    Huwa rrimarka li l-Oppożizzjoni mhix kredibbli għax bl-azzjonijiet li kienet ħadet ikkontribwixxiet biex is-sitwazzjoni tmur għall-agħar waqt li nsista li l-Gvern qed jaħdem biex jimplimenta l-obbligi internazzjonali li għandu.

    Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder irrimarka kif huwa kien ixxukkjat bir-reazjoni mid-deputati Laburisti għall-mozzjoni tagħhom u wissa li b'dan il-mod ma jagħtix tort liż-żgħażagħ li jaqtgħu qalbhom mill-politika.

    Huwa wissa wkoll li jekk mhux se nbiddlu kif ngħixu se jkun hawn katastrofi fid-dinja u nsista li l-ġenerazzjoni tal-lum għandha obbligu lejn dawk futuri waqt li appella biex inħarsu lejn metodi alternattivi ta' trasport.

    Id-deputat Laburista Alex Muscat irrimarka kif kienet l-Oppożizzjoni li ikkontribwixxiet għat-tniġġiż fl-arja bil-Heavy Fuel Oil u semma kif meta l-pajjiż qaleb għall-użu tal-gass natural l-istess tniġġiż naqas.

    Waqt li semma kif fil-Baġit 2020 hemm diversi miżuri li jindirizzaw it-tibdil fil-klima huwa semma kif mill-informazzjoni li għandu Transport Malta daqt tħabbar meta se tibda tipprovdi enerġija lill-vapuri tal-passiġġieri ħalli b'hekk jonqos it-tniġġiż tagħhom f'pajjiżna.

    Id-deputat Nazzjonalist Claudette Buttigieg fakkret kif kienu ż-żgħażagħ lokali li talbu lill-politiċi biex jiddikjaraw emerġenza fil-klima u esprimiet id-dispjaċir tagħha li bħal pajjiżi oħra Malta kienet diġa laħqet l-ammont ta' riżorsi li idealment ikkunsmat f'sena sa nofsha.

    Hija qalet li jekk illum ma nagħmlux dak li suppost nagħmlu għad nibku l-effett tiegħu fil-futur u saħqet li għandna obbligu lejn iż-żgħażagħ waqt li trid li lil bintha tgħidilha li almenu hija ippruvat tagħmel il-parti tagħha.

    L-aħħar kelliem fid-dibattitu kien il-Viċi-Kap tal-PN David Agius li esprima d-diżappunt li n-naħa tal-Gvern ma qablitx mal-Oppożizzjoni dwar il-mozzjoni mressqha minnha.

    Huwa akkużah li ma ħariġx l-id tal-ħbiberija fuq mozzjoni li kienet intiża li twassal għal azzjoni pożittiva favur il-ġenerazzjoni futura u sostna li kemm ilu fil-Parlament qatt ma ħaseb li se jkun hemm mument bħal dan fejn il-Gvern iwarrab mozzjoni pożittiva favur l-ambjent.

    Il-votazzjoni dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u l-kontro-mozzjoni tal-Gvern se tittieħed fis-seduta parlamentari ta' nhar it-Tlieta 22 ta' Ottubru wara r-risposta tal-Prim Ministru għal dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-Baġit 2020.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0