L-UE tikser il-wegħda li taċċetta 50,000 refuġjat

  • Ott 20, 2019 20:05
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    L-Unjoni Ewropea rnexxielha biss twettaq tliet kwarti ta’ programm ta’ sentejn li mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Ottubru u li permezz tiegħu kellhom jiġu rilokati mal-50,000 refuġjat. Fost dawk li tħallew fil-limbu hemm persuni li ġew evakwati mil-Libja, bil-wegħda ta’ rilokazzjoni fl-Ewropa. 

    Skont rapporti fuq midja Ġermaniża, jidher li l-Gvernijiet Ewropej fosthom anke dak Ġermaniż, fallew milli jwettqu l-wegħda tagħhom li jaċċettaw mal-50,000 refuġjat sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Kien sentejn ilu li l-Unjoni Ewropea nediet dan il-programm, iżda jidher li rnexxielha biss iddaħħal 37,520 persuna mill-50,000 li kienu ppjanati.     

    Jidher li l-Kummissjoni Ewropea diġà ammettiet li mhix se tkun qiegħda tilħaq din il-mira u dawk affettwati huma eluf ta’ immigranti li jinsabu maqbudin f’kampijiet fil-Libja. 

    Min-naħa tagħha, l-aġenzija tar-refuġjati tal-Ġnus Magħquda, il-UNHCR qalet li l-progress fit-tul min-naħa tal-pajjiżi Ewropej biex iwettqu l-wegħdi tagħhom hu wieħed mill-fatturi li qed iżomm milli ssir l-evakwazzjoni tan-nies li qegħdin jiffaċċjaw vjolenza fil-gwerra u nuqqas ta’ liġijiet. 

    Il-Kummissarju Ewropew dwar l-immigrazzjoni li se jtemm it-terminu tiegħu fl-aħħar ta’ Ottubru, Dimitris Avramopoulos qal li hu jittama li l-wegħdi l-oħra li fadal, ikunu jistgħu jitwettqu sal-aħħar tas-sena. Hu rrakkomanda u kompla jitlob lill-istati membri biex iżidu l-isforzi tagħhom u jwettqu l-wegħdi tagħhom mill-aktar fis possibbli. 

    Fost il-pajjiżi li qegħdin jissemmew li naqsu milli jżommu mal-wegħda tagħhom, insibu anke l-Ġermanja li kienet wieħed mill-pajjiżi li mexxew din l-inizjattiva. Fil-fatt, jirriżulta li s-sena li għaddiet il-Kanċillier Angela Merkel kienet wegħdet pubblikament li kienet se taċċetta 10,200 refuġjat taħt dan il-programm. Kelliema għall-Ministeru tal-Intern Ġermaniż qal li s’issa kulma għadhom waslu huma 4,800 persuna. Qal ukoll li d-dewmien biex jiġi fformat gvern wara l-elezzjonijiet tal-2017 wasslu biex il-preparazzjonijiet kumplessi fl-organizzazzjoni tefgħu lura l-wasla tar-refuġjati. 

    Min-naħa l-oħra, l-Iżvezja u r-Renju Unit żammew mal-wegħda tagħhom hekk kif laqgħu 8,750 u 7,800 refuġjat rispettivament. Franza, l-Olanda u l-Finlandja laqgħu mill-inqas 80% ta’ dawk li wegħdu li se jilqgħu. 

    Il-Belġju u l-Irlanda laqgħu kważi nofs ta’ dak li wegħdu. Min-naħa tiegħu, il-Belġju qal li waqqaf ir-riallokazzjoni għax kellu żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda qalet li kienet qiegħda tistenna biex tirrialloka l-537 persuna li kienet wegħdet sal-aħħar tas-sena. Il-Portugall laqa’ madwar terz tal-kwota iżda wiegħed ukoll li sal-aħħar tas-sena se jkun qed iwettaq il-wegħda tiegħu. 

    Is-sitwazzjoni tal-Lussemburgu hi waħda mill-agħar fejn għadha ma ġiet riallokata ebda persuna, minkejja li wiegħed li se jżomm 200 persuna. Madankollu, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li kien qed jippana li jaċċetta 50 persuna min-Niġer matul dan ix-xahar. 

    Deutsche Welle rrapportat li talbet dawn iċ-ċifri lill-gvernijiet tal-20 pajjiż li wegħdu li se jilqgħu dawn ir-refuġjati. Madankollu, qalet li rċeviet biss risposta mingħand 17-il pajjiż. Spjegat li l-Litwanja, Ċipru u Malta, li wegħdu li se jieħdu 163 refuġjat kull wieħed, ma weġbux. 

    Maħruba mil-Libja waqt attakk

    Intant, f’intervista li saret lil Mariam, mara li ġiet evakwata mil-Libja mill-UNHCR, hi stqarret li waqt attakk fil-Libja, kien hemm tlett irġiel li qabduha u sforzawha biex tidħol f’karozza. Huma stuprawha fit-triq stess u mbagħad irmewha fit-triq. 

    Illum Mariam tgħix f’xelter temporanju li jinsab f’kamp tar-refuġjati tal-UNHCR fid-deżert. Filwaqt li m’għadhiex tibża’ mill-attakki, illum tibża’ għall-futur tagħha hekk kif qiegħda tistenna biex tiġi riallokata. Il-kampijiet tal-UNHCR fin-Niger issa jinsabu mimlijin kollha u hemm nies li qegħdin jistennew biex jiġu riallokati. Dan ifisser li fis-sitwazzjoni preżenti ma jistgħux jiġu evakwati aktar nies mil-Libja. 

    L-Ewropa li falliet fil-kriżi tar-refuġjati

    Intant, il-Kummissarju Ewropew Avramopoulos jispiċċa mill-pożizzjoni tiegħu fl-aħħar ta’ Ottubru u għalhekk il-programm issa se jkun fir-responsabbiltà tas-suċċessur tiegħu, Margaritis Schinas li diġà daħlet f’kontroversja qabel għadha bdiet b’xogħolha. 

    Jidher li Schinas ġiet appuntata taħt it-titlu ta’ kummissarju għall-protezzjoni tal-mod Ewropew tal-ħajja, isem li ġie kkritikat bħala populist tal-lemin estrem li jemmnu li l-immigrazzjoni thedded il-valuri Ewropej. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0