Delia: “L-ekonomija wisq dipendenti fuq il-barranin”

  • Ott 21, 2019 21:39
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia iddikjara fil-Parlament li qatt daqs illum ma kellna ekonomija daqshekk dipendenti fuq il-barranin.

    Waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament b’reazjoni għall-Baġit 2020, Delia reġa’ insista kif għamel fl-aħħar snin li l-ekonomija qed tikber biż-żieda fil-barranin u mhux qed tattira l-barranin għax qed tikber kif isostni l-Gvern.

    F’partijiet twal mid-diskors tiegħu huwa kien kritiku lejn il-Gvern għad-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar snin iktar milli għall-miżuri li ġew ippreżentati fl-istess baġit.

    Il-bidu tad-diskors tiegħu irrefera għall-inċidenti li seħħew f’Ħal Far fejn Delia irringrazzja lill-uffiċjali lokali talli qed jiddefendu l-interessi tal-pajjiż.

    Fl-istess waqt qal li kien diżappuntat bl-istqarrija li ħareġ il-Gvern dwar ġrajja li l-pajjiż kollu qed jitkellem dwarha u b’ton ironiku sostna li kien issa li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali ntebaħ li l-ħaddiema li jaħdmu mal-immigranti għandhom kundizzjoniniet ħżiena tax-xogħol.

    Huwa sostna li ma nistgħux inserrħu rasna għax kien 300 minn xi 1,200 li kienu involuti fir-rewwixta u xebbaħ is-sitwazzjoni ma’ dik fi grawnd tal-futbol fejn mhux biżżejjed li ngħidu li kienu l-ftit li ħolqu l-inwkiet.

    Dwar il-Baġit 2020 huwa ikkritika lill-Ministru tal-Finanzi talli qal li għandna l-isfidi imma ma identifikahomx u sostna li jekk ma tirrikonoxxix li hemm problema qajla tista’ issewwiha.

    Kien hawn li ikkritika l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jġib ħaddiema barranin u lmenta li biex il-pajjiż jipproduċi aktar qed ikollu jġib in-nies.

    Waqt li irrikonoxxa kif mhux ħażin li ħaddiema u studenti Maltin imorru barra u viċi-versa, Delia sostna li l-importazzjoni tal-barranin hija l-uniku proġett ta’ żvilupp li għandu l-Gvern.

    Huwa sostna li għalkemm il-ħaddiema barranin żdiedu u għad iridu jiżdiedu l-paga tal-ħaddiema mhux tiżdiedu u t-tkabbir fl-ekonomija mhux riflessa f’żieda fis-salarji.

    Delia sostna li kuntrarjament għal dak li jgħid il-Gvern ħafna mill-barranin li qed jiġu huma minn pajjiżi barra l-UE mentri dawk mill-istati membri qed jonqsu.

    Huwa lmenta wkoll li waqt li b’mod ġenerali l-ħaddiema mill-UE jkunu ‘highly skilled’ mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk minn pajjiżi terzi u sostna li l-pajjiż għandu bżonn barranin kwalifikati u li jħarreġ Maltin biex ikunu kapaċi jagħmlu x-xogħol ta’ barranin li qed jiġu.

    Hawnhekk huwa attribwixxa lill-Prim Ministru l-istqarrija li l-pensjonijiet qed jitħallsu bis-saħħa tal-barranin u tenna li dan juri l-falliment tas-sistema tal-pensjonijiet taħt dan il-Gvern.

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadda biex irrefera għal dawk li sejjaħ bħala t-tliet sfidi ewlenin tal-pajjiżi jiġifieri l-isfidi istituzzjonali, dawk ambjentali u dawk soċjali.

    Dwar l-isfidi istituzzjonali huwa rrimarka kif dak li ġara fl-aħħar xhur qatt ma ġara qabel u semma kif Malta kienet qed tirriskja tispiċċa fil-lista s-sewda minħabba deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern.

    Huwa wissa li s-settur tas-servizzi finanzjarji qed “jittituba” waqt li hemm tħassib ukoll fil-qasam tal-gaming waqt li appella lill-Prim Ministru biex jieġu d-deċiżjonijiet kuraġġużi u jneħħi lil min għamel ħsara lill-pajjiż.

    Delia sostna li għalkemm il-Prim Ministru jiftaħar li huwa ‘statesman’ ikun aħjar jekk idur madwar id-dinja u jġib investituri li huma serji u mhux foloz.

    Huwa ikkritika wkoll lill-Gvern talli fil-maġġoranza tal-membri tal-ġudikatura li ħatar il-parti l-kbira huma nies viċin tiegħu u anke ikkritika deċiżjonijiet li ttieħdu riċentament minn membri tal-ġudikatura fejn insinwa li dawn aġevolaw lill-Gvern.

    Fl-istess vena ta’ kritika huwa akkuża lill-Gven li ta żidied lill-‘backbenchers’ tiegħu stess biex jagħlqilhom ħalqhom ħalli ma jagħmlux skrutinju tiegħu.

    Dwar l-isfidi soċjali tal-pajjiż Delia irrefera għall-pensjonijiet u saħaq li rridu naraw li dawn ikunu adekwati u sostenibbli.

    Kien f’dan il-mument li irrefera għall-faqar fil-pajjiż u qal li llum hawn kważi 90,000 persuna jgħixu fil-faqar u sostna li llum wieħed minn kull erbgħa pensjonanti jinsabu fir-riskju.

    Delia irrefera għall-housing u qal li jekk hemm problema li qed tinħass mill-poplu hija l-affordabilita tagħha fejn mhux talli hawn nies li ma jifilħux jixtru post imma lanqas jikru.

    Waqt li semma kif il-problema qed tikber għax żdiedu l-barranin, huwa ikkritika lill-Gvern talli, fi kliemu, f’dawn l-aħħar sitt snin ma sarx proġett wieħed ta’ housing.

    housing, jekk hemm sfda li nies jifhmu kemm hi kbira hi housing affordabbli, la jistgħu jikru u lanqas jixtru, problema qed tikber gaħx ġejjin aktar barranin.

    Huwa wiegħed li Gvern Nazzjonalista jassigura li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u meta deputat tal-Gvern staqsih minn fejn se jġib il-flus wieġeb minn fuq il-miljuni li jiffranka mill-korruzzjoni.

    Delia semma kif illum hawn ħaddiema jgħixu f’kundizzjonijiet subumani u fil-kontejners li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibgħat l-parti l-kbira tal-paga barra l-pajjiż u allura dan mhux iħalli effett fuq l-ekonomija.

    Huwa sostna li għalkemm il-Prim Ministru jgħid li jaqbel mal-GWU li s-sħubija f’unjin għandha tkun mandatorja mhux jgħix li ħafna mill-ħaddiema barranin mhux se jidħlu fl-unjins.

    Delia fakkar ukoll li minkejja li l-Gvern jiftaħar li huwa l-iktar gvern femminist id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol għadha kbira u lmenta min-nuqqas ta’ infurzar fil-liġijiet tax-xogħol.

    Dwar is-settur tas-saħħa reġa’ qajjem il-bejgħ tal-isptarijiet t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech lill-barranin fejn semma kif l-ewwel darba nbiegħu lill-ħallelin (Vitals) u issa ma nafux x’qed jagħmlu l-Steward.

    Hawnhekk stieden lill-Prim Ministru biex jieħu lill-membri parlamentari Nazzjonalisti dawra ħa jaraw l-investiment ta’ Steward għalkemm malajr żied li investiment ma sar xejn.

    Qasam ieħor li semma kien l-edukazzjoni fejn Delia tenna li l-għalliema mhux imħallsin tajjeb u qal li l-kap il-ġdid tal-Malta Enterprise jaqla’ f’sena daqs kemm jaqilgħu għadd kbir ta’ għalliema.

    Dwar l-isfidi ambjentali akkuża lill-Gvern li mhux jagħtih prijorita u li nesih waqt li semma kif għandna l-iktar arja mniġġsa fl-Ewropa tant li 600 persuna jmutu kull sena minħabba fiha.

    Huwa ikkritika lill-Gvern talli ma qabilx mal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni fuq it-tibdil fil-klima u sostna li r-reġjun tal-Mediterran huwa t-tieni l-iktar li jintlaqat minnha wara l-Antartika.

    Lura fuq il-Baġit 2020, Delia qal li dan fih nuqqas ta’ viżjoni u ma jistaqsix x’Malta rridu waqt li saħaq li l-PN irid Malta fil-Mediterran u mhux di Dubaj fil-Mediterran jew Singapore fil-Mediterran.

    Huwa ipprova wkoll jirredikola x-xogħol li għamel il-Gvern fuq il-‘blockchain’ fejn sostna li nfaqna l-miljuni u ma ġibnix liċenzja waħda li hi waħda ta’ VFA u iddeskriva l-kunċett tal-‘blockchain island’ bħala falliment.

    Delia lmenta wkoll li fil-baġit hemm nuqqas ta’ viżjoni għal Għawdex fejn irrimarka li dwar il-mina bejn iż-żewġ gżejjer irid lill-Għawdxin jiddeċiedu.

    Lejn tmiem id-diskors tiegħu huwa sostna li fl-aħħar snin kien hemm kważi 100 wegħda minn dan il-Gvern li ma ġewx imwettqa minkejja li kienu mwegħda baġit wara ieħor.

    Huwa sostna li kuntrarjament għall-għajta “Malta f’Qalbna” dan huwa gvern li għandu ċertu nies tal-qalba għal qalbu waqt li semma kif in-negozji ż-żgħar intesew.

    Delia ipprova jiġbed saqajn il-Prim Ministru meta qal li ried jagħmel lil kulħadd sinjur żgħir u waqt li reġa’ fakkar fin-nies f’riskju ta’ faqar semma numru ta’ barranin li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija u jinsabu akkużati barra minn Malta fuq reati varji waqt li staqsa x’investew.

    Huwa reġa ikkritika l-progress tal-American University of Malta fejn qal li ġew inqas studenti milli wegħdet korsijiet.

    Fi tmiem id-diskors huwa irrefera għall-istqarrija tal-Prim Ministru dwar dak li se jkunu qed jiftakru ż-żgħażagħ li sentejn oħra se jivvutaw għall-ewwel darba u qal li dawn mhux se jiftakru diversi affarijiet li taħt il-Gvern Nazzjonalita kienu jsiru sew u issa le.

    Huwa temm l-intervent tiegħu billi qal li jrid ekonomija li taħdem għall-futur tal-Maltin u l-Għawdxin u mhux dawn jaħdmu għaliha kif ukoll ekonomija li tqassam il-ġid b’mod soċjali u li tikber b’mod naturali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0