Il-manifattura l-aktar li tista’ tintlaqat mill-Brexit - Ian Muscat, Direttur tal-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana

  • Nov 09, 2019 16:50
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Id-Direttur inkarigat mill-Affarijiet Internazzjonali tad-Dipartiment tad-Dwana, Ian Muscat, qal li s-settur tal-manifattura huwa wieħed mis-setturi li l-aktar jistgħu jintlaqtu bl-effetti tal-Brexit, u dan hekk kif il-materja prima importata mill-Ingilterra se tibda tkun suġġetta għad-dazju.

    F’intervista ma’ inewsmalta, Muscat spjega li kif inhi l-proċedura bħalissa, industrijalist li jimporta l-materja prima mill-Ingilterra jew minn kwalunkwe stat membru ieħor tal-UE ma jħallas l-ebda dazju. Biss pero’ f’każ li jseħħ il-Brexit, l-istess industrijalist jibda jkun suġġett għall-ħlas tad-dazju skont il-każ.

    Muscat spjega li f’dan il-każ, hemm proċedura li tissejjaħ “inwork processing procedure” fejn dawk li jimpurtaw il-materja prima biex jittrasformawha fi prodott ieħor, u biex finalment jesportawh għal barra l-Ewropa, jista’ japplikaw għall-imsemmija proċedura u wara li jissodisfaw il-kriterji b’ċertu garanziji, ix-xogħol ikun jista’ jiġi impurtat mingħajr dazju.

    Huwa tenna illi d-Dwana hija dejjem ippreparata għal Brexit mingħajr ftehim u sostna li minħabba l-inċertezza li nħolqot minħabba posponiment wara ieħor għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-Brexit, ċertu azzjonijiet ma setgħux jittieħdu.

    “Aħna ppreparati għal Brexit mingħajr ftehim. Dan ifisser li fl-eventwalità ta’ Brexit mingħajr ftehim irridu nestendu l-proċeduri tagħna fuq xogħol li ġej u sejjer lejn l-Ingilterra. Dan ifisser li jekk ikun hemm importazzjoni mill-Ingilterra dik se tkun suġġetta għal Dazju u VAT. Bħalssa dment li huma parti mill-UE u mill-Customs Union, ix-xogħol li jiġi mill-Ingilterra ma jitħallasx dazju u VAT fuqu,” qal Muscat.

    Bl-istess mod, Muscat spjega li x-xogħol li jitlaq minn Malta għall-Ingilterra ma jkunx hemm kontrolli fuqu pero’ fl-eventwalità ta’ Brexit, irid ikun hemm id-dikjarazzjonijiet tad-Dwana kif ukoll kontrolli jekk ikun hemm bżonn.

    Mistoqsi sarx xi tip ta’ eżerċizzju min-naħa tad-Dwana fir-rigward tat-tibdil kollu neċessarju f’każ tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim, huwa qal li, “essenzjalment tibdil fil-proċeduri mhux se jkollna bżonn nagħmlu. F’dan il-każ kulma rridu nweggħu huma l-proċeduri fuq ix-xogħol tagħna li ġej u sejjer mill-Ingilterra. L-impatt se jkun fuq il-volum.”

    Huwa spjega kif id-Dwana għamlet eżerċizzju fejn sar assessjar fuq bażi ta’ sena dwar ix-xogħol li jkun ġej u sejjer minn u lejn l-Ingilterra. Qal li jidher li hemm ċertu stabbilità fl-ammont ta’ kontejners u trailers li jiġu fil-ġimgħa kif ukoll konsenji bl-ajru fost oħrajn. Pero’ ġiet innotata żieda gradwali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ posta u courier service. “Aħna qegħdin ippreparati għal dawk il-volumi.”

    Muscat kompla jgħid li, “d-Dwana hi kommessa li mhux dak li ġej mill-Ingilterra jew dak li sejjer lejn l-Ingilterra se nitrattawh ta’ riskju għoli. Aħna se neżaminaw dak biss fejn jidhrilna li hemm riskju. Il-bqija tax-xogħol m’aħniex se noqogħdu inżommuh għal xejn. Il-focus se tkun jekk naraw xi ħaġa li tiġbdilna l-attenzjoni, narawha. Fir-realtà bħalma nagħmlu għal kull importazzjoni li tiġi minn pajjiżi terzi oħra. Niffukaw dejjem fejn hemm element ta’ riskju jew dubju u niċċekkju. Irridu nifhmu li d-Dwana għalkemm għandha funzjoni ta’ ġbir ta’ taxxi għandha funzjoni wkoll li trid tiffaċilita x-xogħol. 

    Sadanittant, Muscat semma wkoll li fl-eventwalità ta’ Brexit, dawk il-passiġġieri li ġejjin mill-Ingilterra ma jistgħux jgħaddu aktar mill-Blue Channel, imma jkollhom jgħaddu mir-Red Channel jekk għandhom x’jiddikjaraw u mill-Green Channel jekk m’għandhomx x’jiddikjaraw.

    Mistoqsi dwar l-isfidi li se tkun qed taffaċċja d-Dwana fis-snin li ġejjin, huwa qal li apparti Brexit hemm sfidi oħra li fl-għaxar snin li ġejjin se jkunu magħna fosthom dwar it-teknoloġija f’dak li għandu x’jaqsam mal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Blockchain fejn anke l-UE qed tara kif tista’ tisfruttahom biex tagħmel is-sistemi tagħha aktar siguri u effiċjenti.

    Sfida oħra li tkellem dwarha hi dik tar-riżorsi umani u semma li dan l-aħħar sentejn sar reklutaġġ qawwi fid-Dwana. “Għandna nies validissimi. Għandna nies li għadhom żgħar. Għandhom dak l-interess li jitgħallmu. Nafu li llum bil-job mobilty li hawn ma għadekx li dħalt f’impjieg u tibqa’ fih. Illum n-nies ifittxu ventures ġodda u l-isfortuna tkun li l-aħjar nies li jkollok jitilqulek. Kemm jista’ jkun ir-riżors uman irridu niżviluppawh biex ikun tajjeb u aġġornat maż-żmien u b’tali mod li jekk jista’ jkun jibqa’ magħna. Dejjem qed nintroduċu d-Dwana bħala karriera u qed nipprovaw immorru għal skemi ta’ taħriġ li jsaħħu ħafna l-ħiliet tan-nies tad-Dwana,” qal Muscat.

    F’dak li jirrigwardja koperazzjoni ma’ pajjiżi oħra, Muscat qal li: “d-Dwana Maltija ma taħdimx waħedha iżda hi parti mill-Customs Union tal-UE u hi waħda minn 28 pajjiż bħalissa.”

    “Trid u ma tridx trid tikkopera u taħdem ma’ Dwaniet l-oħra Ewropej. Qegħdin ukoll f’fora internazzjonali u l-iktar waħda sinjifikanti hi l-Word Customs Organization li minnha nfiha tkopri d-Dwaniet kollha tad-Dinja u għandha sistema ta’ informazzjoni li tiġi skambjata fuq is-sistemi tagħha,” tenna d-Direttur tal-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana.

    Finalment staqsejnih dwar il-viżjoni tad-Dwana għall-futur, b’Muscat jgħid li: “d-Dwana trid tkompli tinbidel. Jiena nara li mill-2000 lil hawn id-Dwana qabndet ammont ta’ bidla kontinwa. Kif dħalna fl-UE il-bidla kompliet. Komplejna niġġeddu u għadna niġġeddu sal-lum. Issa qed ninbidlu sforz l-iiżvilupp qawwi li qed isir fit-teknoloġija. Aħna ma nistgħux nibqu d-Dwana tad-dokument tal-karta. L-AI u l-Blockchain għad irridu nisfruttawhom sew. Hemm se jkun il-futur tagħna.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0