Kif xbieki tas-sajd mormijin jiġu riċiklati f’kalzetti u ħwejjeġ

  • Nov 09, 2019 20:27
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

     

    Il-fundatur tal-għaqda non-governattiva Ghost Fishing, Pascal van Erp qal ma’ inewsmalta li fid-dinja hawn ħafna għaddasa voluntiera li jagħmlu sforz kbir biex inaddfu l-ibħra u l-oċeani. Qal li hu ta’ kuraġġ li issa anke s-sajjieda qegħdin jissieħbu magħhom biex jgħinu ħalli tissolva l-problema massiva tat-tniġġis f’qiegħ il-baħar. Fuq kollox, Van Erp ħeġġeġ biex kulħadd jikkollabora ħalli tinstab soluzzjoni. 

    Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Koperattiva tas-Sajjieda ta’ Den Oever, Sander van Rijswijk qal li bħala sajjieda huma kuntenti ħafna li taw ix-xbieki tagħhom lil Healthy Seas u li qegħdin jgħinuhom fil-vjaġġ tagħhom biex jibdlu dan l-iskart fi lbies, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu lill-flotta tas-sajjieda tkun sostenibbli. 

     

    Għal diversi snin, voluntieri Olandiżi jgħoddsu qrib ta’ fdalijiet tal-bastimenti u jirkupraw skart li tħalla fil-qiegħ għal bosta snin. Kien fl-2013 li l-grupp ambjentalist Ghost Fishing issieħeb mal-inizjattiva Healthy Seas li toffri li tieħu x-xbieki mingħand l-għaddasa u tibdilhom f’xi ħaġa utli. Din il-kollaborazzjoni saret eżempju tal-aqwa prattika ta’ ekonomija ċirkolari, li tispira organizzazzjonijiet ta’ konservazzjoni tal-baħar minn madwar id-dinja, kif ukoll lil diversi għadda biex jissieħbu f’din il-kawża. 

     

    Fl-2019, 65 għaddas voluntier mill-gruppi tal-għaddasa Olandiżi li jikkoperaw ma’ Healthy Seas, naddfu 3,000 kilogramma ta’ xbieki mill-ibħra tat-Tramuntana. Parti mill-fondi għal dawn l-ispedizzjonijiet jiġu min-National Postcode Lottery, li tagħti par kalzetti lir-rebbieħa. Dawn il-kalzetti huma magħmulin minn wieħed mill-fundaturi tal-inizjattiva, Star Sock. 

     

    Healthy Seas taħdem ukoll mas-sajjieda ta’ Den Oever biex tevita li x-xbieki tagħhom jispiċċaw iniġġsu l-ibħra u l-oċeani. Fl-2019, inġabru 20,000 kilogramma ta’ xbieki mis-sajjieda. Dawn ġew ipproċessati u riġenerati f’ħajt riċiklat li minnu jiġu prodotti l-kalzetti, qliezet tal-għawm, ħwejjeġ għall-isports, twapet u affarijiet oħra. 

     

    Fl-istess waqt, fl-Olanda jiġu organizzati wkoll programmi edukattivi biex tiżdied il-kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar il-ħsara li ssir minn dawn ix-xbieki li jintremew u dwar il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari bħala soluzzjoni għat-tniġġis tal-baħar. Riċentament, din l-inizjattiva ġiet ippremjata bl-Unur tal-Ekonomija Ċirkolari fil-ġimgħa tal-moda f’Milan. 

     

    Intant, ta’ min jgħid li hu stmat li f’sena jintremew mas-640,000 tunnellata ta’ xbieki u affarijiet tas-sajd fl-ibħra u fl-oċeani. Jidher li l-inizjattiva Olandiża qiegħda tiġi kkopjata f’diversi pajjiżi oħra u għalhekk Ghost Fishing stabbilixxiet gruppi fir-Renju Unit, fil-Greċja, fil-Libanu, fl-Eġittu, fil-Korea t’Isfel, fi New Zealand, fil-Costa Brava, fil-Polonja u anke f’Malta. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0