“Hemm bżonn li naħdmu fuq bidla fil-kultura. Din hija ħidma li tieħu fit-tul u għalhekk huwa importanti li ma naqtgħux qalbna mill-edukazzjoni. Nixprunaw għall-futur aħjar fejn in-nisa jiffurmaw parti minn rwoli eżekuttivi u futur fejn ir-responsabilitajiet jinqasmu bejn is-sessi.”
Hekk qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt li indirizza l-ewwel Arab Businesswomen Forum li hija pjattaforma li tinkoraġġixxi nisa mill-pajjiżi Għarab u mill-Unjoni Ewropea li huma fin-negozju biex jistabbilixxu konnessjonijiet u relazzjonijiet marbuta man-negozju.
Il-Ministru qal li huwa biss permezz ta’ drittijiet għan-nisa effettivi li nistgħu nsostnu l-ambjent kemm għal din il-ġenerazzjoni kif ukoll dawk futuri.
Huwa żied jgħid li, “nixtiequ futur fejn in-nisa jeżerċitaw aktar poter u jkunu jistgħu jsemmgħu aktar leħinhom. Għal din ir-raġuni hemm bżonn nisfidaw ir-rappreżentazzjonijiet sterjotipiċi li jidhru fuq it-television, fuq l-internet u anka fuq il-kotba. Meta wieħed iħares lejn dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jinduna li fil-maġġor parti tagħhom huma ċċentrati fuq il-figura maskili.”
Il-Ministru qal li Malta temmen fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi Għarab u l-UE. Malta tħeġġeġ lill-mexxeja u lis-CEO biex jaqsmu l-viżjoni dwar l-istat attwali bejn iż-żewġ reġjuni anke f’dak rigward l-innovazzjoni.
Il-Ministru sostna li hemm spazju abbundanti għall-parteċipazzjoni tan-nisa u temm jgħid li meta l-pajjiżi jibbenefikaw minn żieda fl-impjiegi u opportunitajiet għan-nisa, dan ikun tajjeb għan-negozju.
Pont bejn iż-żewġ ċiviltajiet biex isaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom
Id-Direttur Ġenerali u Deputat tal- Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Palestina, Dr. Amal Jadou, qalet li dan il-Forum huwa essenzjali ħafna biex in-nisa jagħmlu n-negozju u li dan għandu jservi bħala pont bejn iż-żewġ ċiviltajiet biex isaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom.
Dr. Jadou qalet li meta n-nisa jiġu integrati, jogħla ‘l fuq il-proċess ta’ komunitajiet sħaħ u mhux biss il-ħajja tal-mara. Hija qalet, “għandna ninkoraġġixxu biex naħdmu flimkien. Aħna n-nisa għandna valur miżjud u kwalitajiet ġewwa fina li mhux biss nieħdu ħsieb l-affarijiet li nagħmlu imma anke lill-oħrajn.”
Hija qalet li sal-lum kien hemm “falliment” kbir fit-tmexxija u li wasal iż-żmien li anka n-nisa jibdew jagħtu s-sehem tagħhom fis-soċjetajiet tagħna.
“Aħna ġirien, għandna l-konnessjonijiet u rridu nagħmlu futur aħjar għal kulħadd. Bħalissa qed naħdmu ħafna biex intejbu l-liġijiet tagħna u nimxi mal-liġi internazzjonali. Għaddejjin b’ħidma biex intejbu r-rwol tal-mara fil-politika u naħseb li ninsabu fit-triq it-tajba. L-investiment fl-edukazzjoni huwa essenzjali - din hija ċ-ċavetta biex jitjieb ir-rwol tal-mara fis-soċjetà,” temmet tgħid Dr. Jadou.
Liz Barbaro Sant, membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni fil-Kamra tal-Kummerċ, sostniet li n-nisa għandhom il-poter biex ibiddlu d-dinja. Hija nnutat li tul dawn l-aħħar snin żdied aktar l-għarfien dwar dan is-suġġett u dwar l-appoġġ tal-intraprenditorija tan-nisa tant li uħud mill-kumpaniji u l-gvern għandhom din il-kwistjoni fl-aġenda tagħhom.
Barbaro Sant qalet li d-diversità fix-xogħol tkattar il-kreattività u l-innovazzjoni. Biex dan iseħħ, in-nisa għandhom ikollhom aktar aċċess għall-mekkaniżmi ta’ appoġġ soċjali.
Ritratti: Roger Azzopardi
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.