Mil-lum, kull min iġedded jew japplika għall-passaport Malti se jinħariġlu dak ġdid

  • Nov 15, 2019 10:45
  • Miktub minn iNews
"

    “Issa li l-produzzjoni u l-preparamenti meħtieġa għall-passaport il-ġdid ġew fi tmiemhom, mill-produzzjoni tal-karta f’Bathford l-Ingilterra għall-istampar u l-irbit tal-ktejjeb f’pajjiżna, mil-lum iċ-ċittadini Maltin se jkollhom fil-pussess tagħhom passaport mill-aktar sigur, permezz tal-aħħar teknoloġija, u li jżewweġ l-ivjaġġar mal-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna,” saħqet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli, waqt it-tnedija tal-passaport Malti l-ġdid.

    L-immaġini użati fuq il-paġni ta’ ġewwa tal-viża joħorġu l-isbuħija tal-wirt storiku Malti u jiġbru fihom l-identità Maltija. Madanakollu, is-Segretarju Parlamentari saħqet li l-passaport Malti l-ġdid se jispikka l-aktar għar-raġuni ta’ sigurtà. Infatti, hemm elementi differenti ta’ sigurtà li huma kemm viżibbli għall-għajnejn u oħrajn li għandek bżonn apparat forensiku biex tivverifika l-awtentiċità tad-dokument.

    Permezz tal-aħħar teknoloġija, dan id-dokument tal-ivjaġġar il-ġdid se jagħmilha ferm aktar diffiċli biex id-dokument jiġi ffalsifikat jew biex tinsteraq l-identità tal-persuna. Infatti d-dettalji personali tad-detentur se jkunu miżmuma fuq kard magħmula minn materjal polycarbonate, li se tagħmilha ferm diffiċli biex tiffalsifika mingħajr ma tħalli traċċi jew sinjali t’attakk. 

    It-teknoloġija avvanzata użata fil-bio-page tikkonsisti f’għadd ta’ saffi individwali, imwaħħla flimkien taħt pressa u sħana qawwija biex inħolqot din il-kard. Fost karatteristiċi oħra ta’ sigurtà f’dan id-dokument insibu UV u rainbow prints, watermarks, interwoven hinge b’disinn speċjali, partijiet trasparenti u elementi DOVID fost oħrajn. L-informazzjoni personali ta’ sid il-passaport se tkun imnaqqxa permezz ta’ laser fuq il-polycarbonate bio-page, bil-prodott finali jkun ta’ kwalità mill-aqwa. Barra minn hekk, l-immaġini, li huma kumplessi, fihom innifishom flimkien ma’ saff ieħor ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà, huma stampati b’inka sigura u kienu ddisinjati prinċiparjament għal raġuni ta’ sigurtá aktar milli sempliċiment estetika.

    Fl-aħħar mill-aħħar, id-dokument tal-ivjaġġar il-ġdid ġie ddisinjat biex iservi aktar u għalhekk Identity Malta se tkun qed tniedi verżjoni oħra tal-passaport ordinarju u dak diplomatiku li jkun fihom aktar paġni.

    Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta, saħaq li l-bidla għall-passaport il-ġdid se ssir b’mod gradwali u mifruxa fuq mhedda ta’ snin. Huwa spjega kif kull min imur biex japplika għall-passaport ġdid jew biex iġedded dak li għandu, se jinħariġlu wieħed ġdid mingħajr ebda ħlas addizzjonali. Id-dokumenti tal-ivjaġġar eżistenti se jibqgħu validi u tajbin għas-safar sad-data tal-iskadenza tagħhom. 

    Finalment, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli saħqet kif quddiem it-theddida globali tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità, il-Gvern Malti qed ikun proattiv fil-ħarsien tal-identità taċ-ċittadini tiegħu u li issa se jkun imis il-ħruġ ta’ karta ta’ identità ġdida s-sena d-dieħla.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0