64 persuna ħtiġilhom kura akuta kontra l-volontà tagħhom

  • Nov 15, 2019 15:14
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Matul is-sena 2018 kien hemm 64 każ ta’ persuni li ħtiġilhom kura akuta kontra l-volontà tagħhom u li fl-istorja tagħhom it-tobba kuranti inkludew fatti bħal attentat ta’ suwiċidju, ħsibijiet suwiċidali jew self-harm.

    Dan jirrappreżenta madwar 15.5% tal-ammissjonijiet involontarji akuti kollha. Din m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala statistika dwar l-inċidenza ta' suwiċidju, tirrifletti biss in-numru ta' drabi li s-suwiċidju ssemma fid-dokumentazzjoni ta' dħul innotifikata lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali.

    Mir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-sena 2018 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti dan ix-xahar, jidher li ċerti tendenzi issa huma stabbiliti b’mod ċar ħafna. Il-proċess ta’ kura involontarja qed jiġi mmonitorjat mill-qrib. Il-pazjenti qed jiġu segwiti fuq bażi regolari mit-timijiet ta' kura rispettivi tagħhom f'perjodi ta' żmien ferm iqsar stabbiliti mil-liġi l-ġdida. Għalkemm mhux komparabbli strettament, it-tul taż-żmien fil-kura involontarja naqas radikalment. 

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia qal lil dan il-ġurnal li minbarra konferma li lokalment l-irġiel huma f’riskju ikbar (fejn 70% tal-każi kienu rġiel u 30% kienu nisa), l-iktar faxex ta’ età rappreżentati kienu persuni bejn 30-44 sena (42%) u dawk bejn il-15-29 sena (20%).

    Mir-Rapport jirriżulta li ċ-ċittadini Maltin u l-persuni li ġejjin f'pajjiżi mhux żviluppati ħafna jew żviluppati ħafna huma rrappreżentati b'mod aktar frekwenti.

    L-aktar kategoriji tal-mard indikati bħala d-dijanjosi primarja flimkien ma' attentati ta' suwiċidju ddikjarati jew intenzjoni espressa kienu relatati ma’ mood disorders (46.9%) (bħal bipolar disorder jew dipressjoni) u d-diversi tipi ta’ ansjetà (21.9%).

    “Ma nagħmlux bħan-ngħam u ndaħħlu rasna fir-ramel”

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li huwa tajjeb li niffukaw fuq dak li jista’ jikkawża dawn id-diffikultajiet. “Veru li 40% tal-mard mentali għandu l-bidu tiegħu fit-tfulija (taħt il-15-il sena) u għalhekk wieħed ma jistax iwaħħal biss fl-iskola. L-iskola hi biss parti mill-ħajja tat-tfal u għalhekk tista’ tkun parti mill-problema flimkien ma’ sfidi oħra fil-ħajja tat-tfal. Bħala soċjetà u familji rridu nkunu għajnejna miftuħin u attenti għal kull sinjal li jistgħu juruna t-tfal fil-familja, fl-iskola u f’sitwazzjonijiet oħra biex nagħrfu dawn is-sinjalu u nfittxu għajnuna f’waqtha,” spjega Dr Cachia.

    Huwa qal li huwa importanti li ma nagħmlux bħan-ngħam u ndaħħlu rasna fir-ramel. “Ngħidu li mhux possibbli li t-tfal tiegħi għandhom problema jew inwaħħlu fl-għalliema u fl-iskola mingħajr ma naraw dak li qed nagħmlu aħna. Il-ħin ta’ kwalità u li nkunu nafu dak li għaddejjin minnu uliedna hu importanti daqs, jekk mhux iktar minn kemm se jkollna flus biex nixtrilhom l-aqwa affarijiet.”

    Dr Cachia qal li b’hekk biss nistgħu nnaqsu r-riskji u nibnu soċjetà li tkun kapaċi tiffaċċja l-problemi li żgur se jiltaqgħu magħhom it-tfal tul il-ħajja tagħhom.

    “It-tfal trid turihom li tħobbhom kif inhuma u mhux kif tixtieqhom ikunu”

    Dr Cachia qal li huwa importanti li nagħrfu li t-tfal huma individwali u mhux kollha għandhom l-istess abilità u intelliġenza. Għalhekk filwaqt li ninkoraġġuhom jagħmlu l-almu tagħhom, infakkruhom li l-marki m’humiex kollox fil-ħajja.

    “Pressjoni żejda fuq marki u kompetizzjoni li jistgħu ma jifilħux għalihom tista’ tkun ta’ detriment u l-bidu ta’ falliment flok suċċess fil-ħajja. Intenzjoni tajba imma b’riperkussjonijiet perikolużi. It-tfal trid turihom li tħobbhom kif inhuma u mhux kif tixtieqhom ikunu,” żied jgħid il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.

    “Nifirxu l-għarfien fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fost it-tobba tal-familja”

    Il-Kummissarju Dr Cachia qal li huwa tajjeb li wara kampanja intensiva li bdiet bi sħubija mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta f’Ottubru 2018, is-suġġett tas-suwiċidju bdejna nitkellmu dwaru iktar spiss fil-midja u bħala soċjetà. Huwa qal li huwa pożittiv li bdejna naraw bid-dettall x’qed jiġri fid-Dipartiment tal-Emerġenza u li huwa tajjeb li nifirxu l-għarfien fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fost it-tobba tal-familja.

    “Jonqos aktar għarfien fost il-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-oqsma edukattivi u fost dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ. Jonqos ukoll għarfien anki fost professjonalisti,” temm jgħid Dr Cachia.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0