Razzett inħakem minn nirien kaġunati minn ġamar ta’ murtali ... Ordnati jħallsu €31,279 bħala danni kkaġunati

  • Nov 15, 2019 16:05
  • Miktub minn iNews
"

    Joseph Barbara, Peter Agius, Carmelo Buttigieg, Raymond Sultana u Martin Agius, personalment u bħala President, Segretarju, Teżorier u Licencees tal-Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien ġew ordnati mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili jħallsu lil Charlo Borg is-somma ta’ €31,279 f’danni sofferti minnu meta r-razzett tiegħu nħakem minn nirien ikkaġunati minn ġamar li waqgħu minn murtali sparati minnhom.

    Ir-razzett ta’ Borg jinsab fi Triq Tarxien, il-Gudja, biswit il-post li fih jinħaraq n-nar tal-festa tal-Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien. Matul il-lejl tal-festa, nhar it-23 ta’ Lulju 2017, waqt li kien qed jittella’ n-nar tal-festa, ir-razzett inħakem minn nirien kaġunati minn debris tan-nar u murtali sparati fil-viċinanzi tiegħu. B’riżultat ta’ dan Borg sofra danni kbar billi nħaraq ammont kbir ta’ tiben, kwantità kbira ta’ ċana u kwantità ta’ għalf tal-bhejjem, kif ukoll mietu  xi bhejjemapparti ħsarat fir-razzett innifsu.

    Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, qalet li mill-provi jirriżulta li dakinhar li seħħ l-inċident inkwistjoni, kien hemm xi ftit tar-riħ varjabbli fil-gżejjer Maltin, u dan il-fatt kien wassal lil Borg biex javviċina lil uħud mid-dilettanti tan-nar  u talabhom joqogħdu attenti għax fir-razzett kellu l-annimali u kwantità ta’ tiben.  

    L-inċident seħħ meta waqt li kien qed isir il-ħruq tal-murtali tal-aħħar, tard filgħaxija dakinhar tal-festa, taret ġamra fid-direzzjoni ta’ fejn Borg kien iżomm it-tiben maħżun għall-annimali tiegħu, bir-riżultat li fi ftit ħin tħeġġeġ in-nar u kkawża bosta ħsarat.   Il-Qorti qalet d-delizzju tal-logħob tan-nar huwa minnu nnifsu perikoluż, u wieħed qatt ma jista’ jieħu prekawzjonijiet biżżejjed biex jilqa’ għall-inċidenti kollha li jistgħu jinqalgħu. 

    “Il-piroteknika mhijiex attività li ssir f’vakum jew fl-astratt imma ssir fl-arja aperta u suġġetta għall-kundizzjonijiet atmosferiċi. Meta jinħaraq in-nar u riħ ikun jiġbed fid-direzzjoni tal-abitat jew ta’ proprjetà ta’ terzi, f’dan il-każ razzett tal-baqar, ċertament li ma jistax jingħad li l-ħruq fir-razzett seħħ minħabba ‘eventi u ċirkostanzi indipendenti mill-volontà tal-konvenuti u li huma marbuta mal-forza maġġuri u accidens’, imma l-kawża prossima tal-inċident tibqa’ l-attività piroteknika.”, saħqet il-Qorti.

    Dawk li kienu qed jaħarqu n-nar kienu avżati minn Borg dwar id-direzzjoni li kien qed jieħu r-riħ ftit sigħat qabel l-inċident, u dawn waqt li kienu qed jeżerċitaw id-delizzju tagħhom li min-natura tiegħu huwa ta’ ċerta perikolożità inerenti, kellhom id-“duty of care” li jiżguraw li ma jibqgħux jaħarqu nar minn dik il-postazzjoni waqt li r-riħ kien qed jagħti għal fuq ir-razzett ta’ Borg  u mhux jibqgħu jaħarqu n-nar xorta waħda u mbagħad jittantaw jeżimu ruħhom minn kull responsabilità għall-akkadut billi jwaħħlu fil-kundizzjonijiet atmosferiċi. 

    Minkejja li minn ħin għal ieħor ir-riħ beda jitqawwa u jvarja d-direzzjoni tiegħu, jidher li fl-ebda ħin ma ttieħdet deċiżjoni li jinbidel il-post minn fejn beda jinħaraq in-nar, biex jiġi evitat kemm jista’ jkun li jtir xi ġamar fid-direzzjoni tar-razzett ta’ Borg. Il-Qorti kompliet tgħid li “m’hemmx dubju li dawn in-nuqqasijiet gravi kienu konsegwenza tan-negliġenza u l-imprudenza tal-konvenuti, u meta jinqala’ xi inċident minħabba nuqqasijiet bħal dawn, huma l-persuni li jkunu kkawżaw il-ħsara li jridu jwieġbu għaliha, ċjoé il-konvenuti f’dan il-każ”. 

    It-total tad-danni materjali sofferti minn Borg ġew ikkalkulati fl-ammont ta’  €31,279.39  u waqt li ddikjarat lill-uffiċjali tal-Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien responsabbli, ikkundannathom iħallsu bejniethom l-istess ammont lil Charlo Borg.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0