[AĠĠORNATA] “Il-konsistenza u l-kredibilita’ huma tnejn mill-pilastri l-kbar li fuqhom huwa mibni dan il-moviment”

  • Nov 17, 2019 11:23
  • Miktub minn iNews
"

    “Il-konsistenza u l-kredibilita’ huma tnejn mill-pilastri l-kbar li fuqhom huwa mibni dan il-moviment. Il-ġid kulħadd jaf jarah imma mhux kulħadd jaf joħolqu. Dan il-moviment jaf joħloq u jqassam il-ġid għal kulħadd u l-aktar lil min għandu bżonn.”

    Dan qalu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat dalgħodu fir-Rabat fejn spjega kif dawn iż-żewġ fatturi jiddistingwixxu lill-Gvern mill-Oppożizzjoni. Saħaq li filwaqt li dan hu gvern li taf fejn inti miegħu, l-Oppożizzjoni mimlija inkonsistenzi u qisha pinnur tagħmel dak li skontha jaqblilha tagħmel fil-mument. 

    “Inti mhux tkun immexxi minn dawk li taħseb li n-nies iriduk tgħid imma li tikkonvinċi lin-nies b’dak li temmen inti,” qal il-Prim Ministru.  

    Dwar dan, il-Prim Ministru semma diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet li seħħew fl-aħħar ftit jiem li jixhdu dan. Sostna li bħalissa, fil-Parlament, qed tkun diskussa l-liġi tal-ugwaljanza, liġi li trid twassal biex kulħadd ikun trattat l-istess u jkollu l-istess drittijiet. “Għadna sal-lum ‘il ġurnata ma nafux x’inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar din il-liġi,” kompla Muscat filwaqt li emfasizza kif ċertu affarijiet jinkixfu minn affarijiet li tagħmilhom mingħajr lanqas biss tinduna. Hawnhekk spjega kif f’artiklu ppublikat illum stess il-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka żewġ tfajliet sempliċiment għax daħħlu tal-programm LEAD biex jitħajru jidħlu għad-dinja tal-politika. “Jattakkawhom personalment, familjari biex jippruvaw jiddieħku bihom...u jippruvaw jaqtgħu qalb tfajliet oħra jidħlu fil-ħajja pubblika.”

    Hawnhekk, il-Prim Ministru reġa’ ħa l-okkażjoni jinkoraġixxi lin-nisa kollha biex ma jiddejqux jagħmlu dan il-pass. “Irrid nerġa nagħti l-kuraġġ lin-nisa kollha li jridu jidħlu fil-ħajja pbblika u ngħidilhom li dan hu l-moviment naturali biex in-nisa jinvolvu ruħhom.”

    Eżempju ċar ieħor fejn il-gvern jikkuntrasta mal-Oppożizzjoni hija l-mina bejn Malta u Għawdex. Muscat saħaq li għal xhur sħaħ, l-Oppożizzjoni biddlet il-verżjoni tagħha diversi drabi. Jekk illum tkun favur, għada tkun kontra. Hawnhekk, il-Prim Ministru faħħar il-ħidma tal-Gvern wara l-maltempata ta’ din il-ġimgħa. “Ġejna f’sitwazzjoni fejn anke lill-Għawdxin li nqabdu Malta, ingħataw kumpens. Il-pass li jmiss hu li dawn il-ġrajjiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.

    Hawn il-Prim Ministru kien skjett: “Aħna m’aħniex il-moviment tal-pinnur. Aħna l-moviment tal-kredibilita’ u l-konsistenza.”

    Filwaqt li l-poplu konxju u jistaqsi dwar ċertu punti, il-Prim Ministru saħaq li dan il-poplu jafda lil dan il-Gvern biex isolvi dawn l-affarijiet. Ma jafdax l-Oppożizzjoni minħabba kwistjoni ta’ kredibilita’.  “Fil-Partit Laburista, mhux nies ma jridux jimxu miegħi għandi imma nies li qegħdin kollha qaqqoċċa. Irridu nkunu umli li naraw li nispjegaw li nifhmu fejn saru żbalji, nikkoreġu l-iżbalji u nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’serenita’,” kompl l-Prim Ministru. 

    Gvern li jemmen fl-istituzzjonijiet 

    Il-Prim Ministru spjega li xogħolu hu li jiddefendi l-istituzzjonijiet.  Għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni li sal-ġimgħa l-oħra stess, kienu jattakkaw in-nies kollha tal-ġudikatura, il-Prim Ministru emfasizza r-rispett tiegħu lejn kull membru tal-ġudikatura, ħatru min ħatru, għamlu min għamlu.

    Il-Prim Ministru spjega li jumejn ilu, intlaħaq ftehim bħala gvern mal-familja Caruana Galizia dwar l-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

    “Jien poġġejt fl-istess kamra ma’ dawn il-persuni biex nuri li l-Istat Malti joħroġ il-fatti kollha. Wara ġimgħat ta’ negozjati, hemmhekk ukoll wasalna u kien hemm min qalli li kelli nċedi. Din mhux kwistjoni ta’ li ċċedi. Hija kwistjoni ta’ sens komun. Jien l-ewwel wieħed li rrid li l-fatti kollha jkunu qed joħorġu. Aħna bħala partit irridu nistabilixxu ruħna li jissalvagwardja l-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Il-fatti ħa jkomplu juru li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu... Ħadd ma jkun jista’ jimxu b’impunita’ u d-deċiżjonijiet, iebsin kemm ikunu iebsin, isiru dejjem. Dawk id-deċiżjonijiet dejjem ħadthom u ħa nkompli neħodhom.” 

    F’każ ieħor li seħħ it-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru fisser id-dettalji dwar x’seħħ eżattament fil-każ tal-libell li fetaħ Keith Schembri kontra Simon Busuttil. Il-Prim Ministru fisser li l-mistoqsijiet diġa’ twieġbu fl-inkjesta u ttieħed ir-raġunament li saret għażla bejn jew jitkompla l-libell u taqa’ l-inkjesta jew bil-kontra. Għal raġunijiet ovji, il-Prim Ministru fisser li aħjar ikollok inkjesta li tasal milli libell li jasal. Fid-dawl ta’ dan, Muscat qal li ‘d-deċiżjonijiet u l-fatti jridu jkunu magħrufa kollha. Nittama li l-inkjesta ma ddumx ma tagħlaq u ma ddumx biex tiġi deċiża biex kulħadd ikun jaf il-fatti kollha... Meta kienu vvintaw fuqi u fuq Michelle, iż-żmien tana raġun. Għalhekk ukoll nittama li l-inkjesta la darba toħroġ, inkunu nistgħu nieħdu d-deċiżjonijiet.”

    Joseph Muscat qal li l-kwistjoni prinċipali li tinteressa ‘l kulħadd hi l-livell tal-għixien, il-kwalita’ ta’ ħajja. Il-fatt li l-familji jgħixu aħjar milli kienu jgħixu qabel u għalhekk inħares ‘il quddiem li dan nistgħu nagħmluh bil-fatti. Fil-Milied li ġej, il-familji jkollhom aktar flus fil-but, lill-pensjonanti tagħna mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla jkollhom seba’ ewro żieda fil-ġimgħa. Inkomplu nagħtu lill-familji tagħna dak li jixirqilhom, il-ġid li jasal għand kulħadd.”

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0