Awdituri: Ir-rappurtar tal-UE dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hu tajjeb, iżda teħtieġ għarfien aħjar dwar it-tnaqqis fil-ġejjieni

  • Nov 20, 2019 11:46
  • Miktub minn iNews
"

    Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, id-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE tiġi rrappurtata f’konformità mar-rekwiżiti internazzjonali u l-inventarji tal-emissjonijiet ittejbu matul iż-żmien. 

    Madankollu, jinħtieġ għarfien aħjar dwar setturi speċifiċi bħall-agrikoltura u l-forestrija, jgħidu l-awdituri. Huma jissuġġerixxu wkoll li jsir aktar titjib fir-rappurtar tal-mod kif il-politiki ta’ mitigazzjoni, kemm dawk nazzjonali kif ukoll tal-UE, jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti għall-2020, l-2030 u l-2050.

    L-UE qed tipparteċipa fi sforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u qed timmira għal tnaqqis ta’ 20 % sal-2020, 40 % sal-2030 u 80-95 % sal-2050. Biex jimmonitorjaw il-progress li sar lejn il-kisba ta’ dawn l-għanijiet, l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrappurtaw kull sena l-inventarji tal-gassijiet serra tagħhom. Huma jfasslu wkoll projezzjonijiet biex jistmaw il-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni, u biex jindikaw jekk il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni humiex se jkunu effettivi.

    L-awdituri eżaminaw jekk il-Kummissjoni Ewropea, bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, kinitx ivverifikat b’mod xieraq il-kwalità tal-inventarji tal-gassijiet serra tal-UE u tal-informazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet previsti fil-livell tal-UE.

    L-awdituri sabu li l-inventarji tal-UE u tal-Istati Membri kienu jkopru kemm is-seba’ gassijiet serra prinċipali kif ukoll is-setturi ewlenin kollha, kif meħtieġ mir-regoli internazzjonali tar-rappurtar. Huma sabu wkoll li matul iż-żmien kien hemm titjib fl-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE. L-eżaminar tal-kwalità tal-inventarji kien sodisfaċenti u l-livell kumplessiv ta’ inċertezza kien naqas fi snin reċenti, għalkemm għas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) ma twettqux l-istess tipi ta’ kontrolli bħal fil-każ ta’ setturi oħra.

    “It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, biex b’hekk jiġi llimitat it-tisħin globali, huwa sfida prevalenti li l-UE trid tiffaċċja”, qal Nikolaos Milionis, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Il-Kummissjoni tistinka biex tipprovdi data preċiża dwar il-livelli tal-emissjonijiet. Issa, jenħtieġ li hija ttejjeb aktar l-informazzjoni dwar ix-xejriet u l-istimi tal-impatti tal-politika.”

    Biex tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2020, l-UE stabbiliet miri li jinkludu l-biċċa l-kbira mid-data rrappurtata, inkluż għall-avjazzjoni internazzjonali. Madankollu, għas-settur tal-LULUCF, l-ewwel miri huma stabbiliti għall-2030, filwaqt li għat-trasport marittimu internazzjonali dawn huma stabbiliti għall-2050, mingħajr miri intermedji jew miżuri ta’ tnaqqis fil-livell tal-UE. Il-gwida u l-assistenza tal-UE għenu lill-Istati Membri biex itejbu l-previżjonijiet tagħhom. Madankollu, l-awdituri jwissu li l-Kummissjoni ma vvalutatx ir-riskju ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mix-xenarju ta’ referenza globali proprju tagħha għall-UE. Attwalment, il-projezzjonijiet aggregati tal-Istati Membri wara l-2023 juru li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa inqas minn dak previst mix-xenarju ta’ referenza tal-Kummissjoni.

    Reċentement, il-Kummissjoni ppreżentat viżjoni strateġika fit-tul biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Hija żviluppat ukoll bosta pjanijiet direzzjonali għall-iżvilupp ta’ setturi li huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet, bħalma huma dawk tat-trasport u tal-enerġija. Madankollu, ma hemm l-ebda pjan direzzjonali speċifiku ta’ dan it-tip għal setturi ewlenin oħra, inklużi l-LULUCF u l-agrikoltura, billi l-Politika Agrikola Komuni hija ddefinita fuq ċiklu ta’ seba’ snin. Fl-aħħar nett, minkejja li l-Kummissjoni twettaq kontrolli tal-kwalità fuq l-informazzjoni li tiġi ppreżentata mill-Istati Membri, ir-rappurtar dwar l-effetti tal-miżuri attwali għadu mhuwiex komplet. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ma tistax tippreżenta stampa dettaljata ta’ kif il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti għall-2020, l-2030 u l-2050.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0