Imħabbar it-Titanic II

  • Nov 22, 2019 09:10
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Il-vjaġġ transatlantiku li mmarka traġikament l-istorja marittima se jerġa’ jkun ripetut fl-2022

    Il-kumpanija Awstraljana “Blue Star Line” għadha kemm ħabbret proġett ambizzjuż li żgur se jiġbed l-attenzjoni ta’ kull persuna fid-dinja, jiġifieri dak tar-replika eżatta tal-vapur Titanic li mistenni jagħmel l-istess vjaġġ fl-2022. Il-bini tat-Titanic II hu stmat li se jiswa madwar €450 miljun u se jilqa’ 2,400 passiġġieri flimkien ma’ 900 membru tal-ekwipaġġ, kważi l-istess ammont ta’ persuni abbord it-Titanic oriġinali.

    It-Titanic II din id-darba se jkun mgħammar kif xieraq hekk kif se jittieħdu ħafna miżuri li jinkludu biżżejjed vapuri ta’ salvataġġ, life-jackets, kif ukoll apparat modern u effiċjenti għas-sigurtà tal-persuni kollha abbord dan il-vapur. Din ir-replika mhix se tintuża għal sequel tal-film blockbuster ‘Titanic’ li fih ħadmu Leonardo DiCaprio u Kate Winslet, iżda qiegħda tinbena bil-għan li jkun imfakkar u onorat dak oriġinali. 

    It-Titanic kien għereq fil-15 ta’ April 1912 wara li ħabat ma’ blokka silġ waqt li kien fuq l-ewwel vjaġġ uffiċjali tiegħu bejn Southampton fir-Renju Unit u l-belt ta’ New York. F’din it-traġedja marittima, aktar minn 1,500 persuna tilfu ħajjithom mentri total ta’ 705 persuna rnexxielhom isalvaw mill-għarqa.

    It-Titanic II mistenni jagħmel vjaġġ ta’ prova twil 15-il jum minn Dubai għal Southampton. Wara l-vapur huwa ppjanat li jagħmel l-istess vjaġġ oriġinali fejn isalpa mir-Renju Unit u jaqsam l-Atlantiku tat-Tramuntana biex fl-aħħar jasal fi New York. Il-vjaġġ fl-2022 mistenni li jdur għadd ta’ portijiet madwar id-dinja biex ikun gawdut min-nies li jixtiequ jarawh.

    Ovvjament din ir-replika se tkun mgħammra b’apparat aktar modern u bl-aħħar teknoloġija tan-navigazzjoni li se jgħinuha tagħmel vjaġġ aktar sigur. Minkejja li t-Titanic II huwa replika u se jkun bl-istess disinn tal-oriġinali, minn ġewwa se jkun mgħammar b’karatteristiċi taż-żminijiet tal-lum. Waħda mill-aktar swali famużi fit-Titanic kienet dik bit-taraġ lussuż fejn kienu jiltaqgħu l-passiġġieri. Din se tkun replikata fit-tieni vapur u mistennija tkun ta’ attrazzjoni kbira.

    Dan il-proġett ilu għaddej numru ta’ snin u l-kumpanija kienet ħabbret il-pjani tagħha biex tibni l-vapur lura fl-2013. Fil-fatt tul is-snin kien hemm għadd ta’ mudelli fejn saru wkoll xi provi u testijiet bil-għan li jistudjaw l-andament tal-vapur fuq skala iżgħar. Kien irrapportat li l-proġett kellu jitwaqqaf għal perjodu qasir minħabba xi diżgwid u problemi finanzjarji. Iżda, minkejja xi intoppi li nqalgħu, dan l-aħħar kien ikkonfermat il-proġett u reġa’ beda għaddej b’ritmu sod tant li s-sena li fih hu mistenni li jsir il-vjaġġ ta’ tifkira ġiet ikkonfermata għall-2022 però, għadha mhix magħrufa d-data eżatta li se jitlaq.

    Blue Star Line riċentement qalet li se tagħmel l-uffiċċji ċentrali tagħha f’Pariġi u dan anke fid-dawl għal dak li qiegħed jiġri minħabba l-Brexit u l-possibbiltà li ma jintlaħaqx ftehim bejn il-Gran Brittanja u l-Unjoni Ewropea.

    Fi stqarrija ċ-ċermen tal-kumpanija, Clive Palmer, qal li, “ma jagħmilx sens li jkollna kwartieri ġenerali Ewropej barra l-Ewropa. Nemmnu li Pariġi huwa l-post ideali għall-operat tal-kumpanija tagħna.”

     

    Proġett li ilu jissemma’ s-snin u fl-aħħar se jsir!

    Il-ħsieb u x-xewqa li tinbena replika tal-vapur famuż, it-Titanic, kienu ilhom jissemmew b’mod speċjali wara l-film blockbuster ta’ James Cameron fl-1997, fejn miljuni ta’ nies urew interess kbir f’din it-traġedja marittima tal-1912. L-aktar proġett vijabbli kien dak tan-negozjant Sud Afrikan, Sarel Gous, fl-1998, tant li kien hemm artiklu ppubblikat fil-magażin “Popular Mechanics” f’Settembru tal-istess sena. L-artiklu wera tibdil li kien se jsir mill-vapur oriġinali biex ikun vjaġġ sigur kif ukoll vijabbli finanzjarjament.

    Minkejja li l-vapur kien ipproġettat li jinbena f’Durban, Gous ippreżenta l-proposta miljunarja tiegħu fil-kunsill tal-belt ta’ Belfast f’Ġunju tas-sena 2000. Huwa kellu kollox lest, inkluż id-disinn ta’ ġewwa tal-vapur, iżda minħabba komplikazzjonijiet fit-tibdil ta’ ċerti karatteristiċi fir-replika, il-proġett twaqqaf fl-2006.

    Il-proġett il-ġdid, li se jitlesta sa sentejn oħra, tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fit-30 ta’ April, 2012 wara li kien iffirmat ftehim mat-tarzna Ċiniża ‘CSC Jinling’. F’Ġunju l-kumpanija Finlandiża ‘Deltamarin Ltd.’ ħadet il-kuntratt għall-iddisinjar tal-vapur u f’Lulju kien ippubblikat il-ftehim preliminari.

    F’Ottubru tal-2012, il-Blue Star qalet li l-espert tat-Titanic, Steve Hall, kien intagħżel biex jieħu ħsieb kif se jinbena minn ġewwa t-Titanic II. Barra minnhekk, inħatar bord ta’ konsulenti bil-għan li dan jinbena kemm jista’ jkun fuq l-istess disinn tat-Titanic originali. Fost il-membri hemm Terry Ismay, il-pro neputi taċ-ċermen tal-White Star Line li kien ukoll wieħed milli salvaw mill-għarqa tat-Titanic, J. Bruce Ismay, kif ukoll Helen Benziger, il-pro neputija tal-mara li wkoll salvat fl-1912, Margaret “Molly” Brown.

    Min-naħa l-oħra, din l-idea li ssir replika kummerċjali tat-Titanic kienet ikkritikata minħabba li kien hemm persuni li ħassu li din hija inizjattiva hija insensittiva u li twaqqa’ għaċ-ċajt il-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom f’din it-traġedja. 

     

    Iż-żewġ vapuri kkumparati ma’ xulxin…

    Il-vapur il-ġdid huwa simili ħafna kemm minn barra, kif ukoll minn ġewwa, tat-Titanic oriġinali iżda minħabba regolamenti moderni sar ċertu tibdil li jinkludi:

    * It-tunellaġġ totali tar-replika se jkun 56,000 GT, li huwa pjuttost aktar minn dak oriġinali;

    * Tkabbir fl-istruttura ta’ quddiem biex ikun aktar stabbli;

    * Ix-xogħol se jsir bil-welding;

    * Se tintuża sistema ta’ propulsjoni b’magna tal-elettriku li taħdem bid-diżel minflok magni li jaħdmu bil-faħam;

    * Hemm żieda ta’ gverta tas-sigurtà bejn is-sulari C u D fejn tgħammret b’vapuri tas-salvataġġ u sistema ta’ evakwazzjoni marittima. Dan se jwassal biex l-istruttura tal-vapur togħla b’1.3 metri;

    * Taraġ tal-emerġenza ieħor żdied ma’ dawk oriġinali biex ikun hemm aktar possibbiltà ta’ salvataġġ effiċjenti jekk ikun hemm il-bżonn; u

    * Mid-disinn fuq ġewwa tal-vapur kellhom jinbidlu l-pannelli tal-injam minħabba regolamenti ġodda tan-nar.

     

    Passiġġieri prominenti li mietu fit-traġedja tat-Titanic

    Il-vapur transatlantiku lussuż li għereq ftit ‘il barra mill-kosta tan-Newfoundland fl-ewwel vjaġġ tiegħu lejn New York kellu għadd ta’ persuni prominenti fuqu. Fosthom kien hemm disinjatur tal-moda famuż li kien wieħed mill-aktar nies sinjuri fid-dinja u l-mara tiegħu li kienet kontessa Ingliża. 

    Il-maġġoranza tal-persuni famużi abbord it-Titanic kienu fl-ewwel klassi tal-passiġġieri. Minn stħarriġ li sar fost dawk li salvaw mill-għarqa, instab li 97.22% mill-144 mara fl-ewwel klassi, kienu salvati mentri kienu biss 32.57% mill-175 tal-irġiel fl-istess klassi, li għexu.

    Barra minnhekk l-istħarriġ sab li fost dawk li għexu kienu biss 14 minn 168 passiġġieri mit-tieni klassi u r-rata ta’ nisa li salvaw kienet 74% mentri fost l-irġiel din ir-rata kienet ta’ 20%. Dawn huma wħud mill-persuni prominenti li tilfu ħajjithom meta għereq it-Titanic:

     

    John Jacob Astor - miljunarju: Dan kien wieħed mill-membri tal-familja prominenti Astor li għen biex tinbena l-lukanda “Waldorf-Astoria” fi New York. Huwa kien ukoll inventur, awtur u serva fil-gwerra bejn Spanja u l-Amerika. Martu kienet tqila waqt il-vjaġġ u rnexxielha ssalva mill-għarqa. Astor kien l-aktar passiġġier sinjur abbord it-Titanic fejn hu stmat li dak iż-zmien kellu ġid ta’ madwar €2 biljuni kieku stmati llum il-ġurnata.

    W.T. Stead - ġurnalist investigattiv: Stead kien editur famuż. Huwa kiseb fama fid-dinja tal-ġurnaliżmu investigattiv grazzi għas-serje ta’ artikli ppubblikati dwar il-prostituzzjoni fost it-tfal. Stead kien ħareġ ukoll magażin dwar fenomeni sopra naturali u fl-1886 kien kiteb storja fittizja li b’kumbinazzjoni kienet simili ħafna għall-avvenimenti li ġraw lit-Titanic.

    Thomas Andrews - il-perit tat-Titanic: Dan il-vittma ddisinja l-vapur huwa stess u vvjaġġa fuq it-Titanic proprju biex josserva l-operat tiegħu u wara jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għat-titjib tal-istess vapur. Skont il-BBC, meta t-Titanic ħabat mal-muntanja tas-silġ, Andrews immedjatament kien jaf li l-vapur kien se jispiċċa f’qiegħ il-baħar. Jingħad ukoll li l-għan ewlieni tiegħu waqt it-traġedja kien li jsalva kemm jista’ jkun ħajjiet tant li l-aħħar li rawh kien qiegħed jitfa’ oġġetti mill-vapur biex dawk fil-baħar jiggranfaw magħhom u ma jegħrqux.

    John Thayer - membru eżekuttiv fis-sistemi tal-linji ferrovjarji: Thayer kien magħruf sew minħabba li kien eks plejer tal-cricket kif ukoll impjegat mal-kumpanija ewlenija tal-linji ferrovjarji ta’ Pennsylvania. Il-viċi president ta’ din il-kumpanija kien fuq it-Titanic flimkien ma’ martu u ibnu wara vjaġġ li kellhom f’Berlin. Il-ġisem tiegħu qatt ma nstab.

    Isidor Straus, sid il-Macy’s u martu Ida: Dan in-negozjant kbir u membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti safa vittma wara li rrifjuta post fuq lifeboat minħabba li kien għad hemm nisa u tfal jistennew biex ikunu salvati. Martu ma riditx titilqu u għalhekk baqgħet miegħu fejn instemgħet tgħid, ‘għexna flimkien dawn is-snin kollha. Fejn tkun inti, inkun jiena’. Il-ġisem ta’ Isidor instab mentri ta’ martu baqa’ nieqes.

    Benjamin Guggenheim, sinjurun min-negozju tal-minjieri: Benjamin kien membru tal-familja Guggenheim li sar sinjur grazzi għall-involviment tiegħu fl-industrija tal-minjieri. Huwa kien qiegħed jivjaġġa mal-maħbuba tiegħu Lèontine Aubart u xi kollegi oħra. Huwa rrapportat li Guggenheim libes fjura mal-ġlekk biex “ikun ippreparat imut bi stil”.

    Persuni oħra famużi li tilfu ħajjithom fit-traġedja tat-Titanic jinkludu lil George Dennick Wick, negozjant tal-azzar; Charles Melville Hays, membru fl-eżekuttiv tal-ferroviji; Henry B. Harris li kien produttur ta’ Broadway; Jacques Futrelle, awtur ta’ kotba b’temi misterjużi u Archibald Butt, uffiċjali tal-President Amerikan.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0