Il-Ministru Zammit Lewis iniedi 16-il jum ta’ attiviżimu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru

  • Nov 22, 2019 14:47
  • Miktub minn iNews
"

    L-allokazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika se tiżdied b’aktar minn 70% fis-sena li ġejja, żvela l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis waqt li nieda s-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

    Dan hekk kif Malta qed terġa’ tingħaqad man-Nazzjonijiet Uniti fi sforz internazzjonali biex neliminaw din il-pjaga soċjali li tippersisti f’diversi modi u forom.

    Waqt li fakkar kif it-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul saħħet il-qafas leġiżlattiv billi żdiedu l-pieni għall-agressuri u l-protezzjoni għall-vittmi, il-Ministru Zammit Lewis saħaq li ħidmet il-gvern ma waqfitx hemm. Tkellem dwar il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni soċjali biex nindirizzaw din il-problema mill-għeruq.

    F’dan ir-rigward tenna l-impenn tiegħu li jaħdem favur il-prevenzjoni tal-vjolenza fil-forom kollha tagħha, mhux biss permezz ta’ kampanji edukattivi u ta’ għarfien soċjali bħal dik imnedija, iżda wkoll permezz tal-għodda meħtieġa biex persuni ma jibqgħux f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u jkunu kapaċi jaqdfu għal rashom. 

    Dan hu l-qofol ta’ kollox, żied Dr Zammit Lewis, li kulħadd ikollu l-indipendenza finanzjarja u l-kapaċità li ma jiddependi fuq ħadd. “Huwa f’dan il-kuntest li rridu nwieżnu l-miżuri li ttieħdu diġà, bħaċ-childcare b’xejn u l-in-work-benefit – liema miżuri rriżultaw f’żieda ta’ 30,000 mara fis-suq tax-xogħol – u miżuri li se nieħdu fix-xhur li ġejjin biex nassiguraw ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett.”   

    F’dan il-kuntest elenka l-prijoritajiet tal-ministeru li jindirizza d-diskrepanza fil-pagi u s-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol biex kulħadd jingħata l-istess opportunità li javvanza u jimraħ f’karrieri ta’ suċċess.

    Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Simone Azzopardi fissret id-diversi forom ta’ vjolenza u l-importanza li nħarsu lil hinn mill-isterjotipi. Il-vjolenza psikoloġika, il-vjolenza verbali, il-vjolenza fuq l-anzjani, bejn l-aħwa, jew lejn il-ġenituri huma lkoll forom ta’ vjolenza domestika jew vjolenza abbażi tal-ġeneru.

    Għal dan il-għan, Simone Azzopardi spjegat li tul is-16-il jum, il-Kummissjoni se jkollha numru ta’ billboards madwar it-toroq, flimkien ma’ posters u filmati fuq il-mezzi tax-xandir u l-mezzi soċjali.

    Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joe Camilleri fakkar li ħidmet il-Gvern Malti tmur lil hinn minn xtutna tant li pajjiżna kien strumentali biex waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew sar firmitarju tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

    Attwalment u fuq livell lokali, is-segretarju permanenti spjega li l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza qed jaħdem ma’ ministeri u ma’ entitajiet oħra biex jingħata taħriġ lill-professjonijiet kollha li jaħdmu jew imissu mal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru jew vjolenza domestika.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0