L-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ... Żewġ għasafar b’każ wieħed?

  • Diċ 01, 2019 07:30
  • Miktub minn iNews
"

    Hekk kif l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jidher li tinstab eqreb tal-fażi li jibdew il-proċeduri proprja fil-Qorti, jirriżulta li n-negozjant Yorgen Fenech allegatament kien avviċina avukati oħrajn qabel waqaf fuq l-uffiċċju legali ta’ Franco Debono, fost oħrajn.

    Minn informazzjoni li rnexxielha tikseb din il-gazzetta fl-aħħar jiem, jidher li allegatament bosta avukati magħrufa fil-qasam kriminali ma aċċettawx li jkunu parti mid-difiża fil-każ li xxokkja l-pajjiż.
    Yorgen Fenech, li allegatament qed jiġi implikat li kkummissjona lil Melvin Theuma u allegatament ħareġ bejn €150,000 u €450,000 biex jgħaddu għand it-tlett irġiel ħalli jwettqu l-omiċidju, din il-ġimgħa deher għall-ewwel darba dieħel il-Qorti akkumpanjat mill-avukati tiegħu, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.
    Tal-aħħar hu iben l-avukata prominenti Giannella Demarco, bint l-eks-President Guido Demarco u oħt id-Deputat attwali Nazzjonalista Mario Demarco.
    Min-naħa l-oħra, l-avukata żagħżugħa Marion Camilleri ġejja mill-uffiċċju ta’ Franco Debono & Associates fejn ilha taħdem sa mill-2005. Mill-istess tagħrif li kisbet IT-TORĊA jidher li l-eks-Deputat Nazzjonalista Franco Debono nnifsu aċċetta d-difiża tal-każ.
    Kemm il-familja Demarco kollha kemm hi kif ukoll Franco Debono kienu diversi drabi fil-mira tal-kitbiet kattivi ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien spiċċa f’diversi battibekki diretti magħha, li min-naħa tagħha kienet allegat li tqisu bħala ego-ċentriku li kontinwament ifittex l-attenzjoni b’mod partikolari billi jitħabbeb mal-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet.
    L-attakki ta’ Caruana Galizia fuqu laħqu l-qofol meta wasal biex iwaqqa’ l-Gvern Nazzjonalista f’Diċembru 2012. Mal-bidla fil-Gvern ftit wara, mal-ħatra diretta tiegħu bħala Kummissarju tal-Liġijiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu u saħansitra mal-allegat tentattiv tiegħu li jerġa’ jiddieħes fil-Partit Nazzjonalista, Caruana Galizia nfexxet kemm-il darba fl-avukat sa ftit qabel seħħ id-delitt tagħha.
    Dan l-aħħar Dr Debono beda jħarrax l-attakki tiegħu partikolarment kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
    Għaldaqstant id-difiża illum qed titqies fiċ-ċrieki legali bħala li allegatament tista’ “tolqot iżjed minn żewġ għasafar b’ġebla waħda”.
    Waqt li Melvin Theuma, l-allegat sensar fil-każ, ta dettalji importanti u kruċjali tant li ggarantixxa lilu nnifsu l-proklama mwegħda mill-Prim Ministru Joseph Muscat bil-kundizzjoni li tingħata kull informazzjoni meħtieġa lill-investigaturi biex jissolva dan id-delitt.
    Ma’ dawn jidher allegatament bdew jiċċirkolaw għadd ta’ ‘fake news’ li allegatamenyt bdew jipprovaw idawwru l-kanuni.
    Minkejja dan, anke wara siegħat twal ta’ interrogazzjonijiet, dan tal-aħħar ġie rilaxxat mill-Pulizija li min-naħa tagħha ddikjarat li ma kellhiex aktar raġuni għalxiex iżżommu fil-każ. Jidher li l-investigaturi sempliċiment m’emmnux dak li kien qed jallega Fenech.
    Iżda dan tal-aħħar baqa’ jparla anke fil-pubbliku fid-drabi li tella’ l-Qorti bħal nhar il-Ħamis meta mar biex jiftaħ kawża Kostituzzjonali bil-għan li jwaqqaf milli l-Ispettur Keith Arnaud ikompli jmexxi l-investigazzjonijiet, li fihom hemm involuti attivament sal-lum il-Europol, u anke lbieraħ stess biex joġġezzjona għall-mod kif qed jiġi ttrattat skont hu mill-Pulizija.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0