“Ħadd m’għandu jitħalla jsofri wara bibien magħluqa”

  • Diċ 02, 2019 08:59
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Joanna Al-Askari tgħid li l-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom bżonn servizzi li jipproteġuhom u jiġu ttrattati b’kunfidenzjalità…

    “Il-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom jiġu assigurati li se ssir xi ħaġa konkreta għalihom u m’għandhomx għalfejn isofru wara bibien magħluqa. Il-vittmi għandhom jiġu aċċertati li kull informazzjoni li jagħtu tkun tassew kunfidenzjali. Kwalunkwe postijiet li jmorru u informazzjoni li jgħidu m’għandhomx ikunu pubbliċi. Huwa importanti wkoll li l-vittmi ma jiġux iddiżappuntati għax jekk dak ikun il-każ, allura se jieqfu jitkellmu.”

    Hekk qaltilna Joanna Al-Askari waqt iż-żjara tagħha f’Malta, fil-kumpanija tal-awtriċi internazzjonali Jean Sasson, fejn ħadet l-okkażjoni tgħaddi messaġġ għal dawk il-vittmi ta’ vjolenza domestika.

    Joanna Al-Askari twieldet f'Bagdad minn familja distinta u l-istorja tagħha ispirat lil Jean Sasson biex tiktibha f’wieħed mill-kotba tagħha, bl-isem ta’ ‘Love in a torn Land’.  Dan il-ktieb jittratta l-ħajja reali tal-istess Joanna, li tirrakkonta l-esperjenzi tal-biża matul il-gwerra bejn l-Iran u lraq. Hija u tikber, Joanna tibda tifhem li l-ħajja tal-Kurdi Iraqini mhix waħda faċli. Il-vjaġġ huwa perikoluż, iżda hi tippersevera fit-triq magħżula tagħha. Taħt ir-reġim ta’ Saddam Hussein, ir-raħal ta’ Joanna kien id-dar għal ġellieda tal-libertà (freedom fighters) tal-oppożizzjoni u kienet kontinwament taħt attakk. Hekk kif insegwu l-ħajja ta’ Joanna permezz tan-narrattiva eċċellenti ta' Sasson, joħroġ il-karattru b’saħħtu tagħha. 

    Joanna rrakkontat, “Jien iżżewwiġt freedom fighter u mort miegħu fil-muntanji. Ġarrabna ħafna diskriminazzjoni u konna niġu bbumbardjati kontinwament. Meta konna nqumu filgħodu, konna niċċelebraw li għadna ħajjin… sakemm ġurnata minnhom ġejna bbumbardjati minn attakk kimiku u dan kien tassew punt ta’ żvolta f’ħajjitna. Jiena għal ftit sigħat saħansitra tlift l-vista tiegħi minħabba dan l-attakk.”

    Joanna qalet li hija tassew onorata li kellha l-opportunità biex iżżur Malta u tara x-xogħol siewi li qiegħed isir. Hija qalet li s-sitwazzjoni tista’ tkun waħda pożittiva u promettenti ħafna. Joanna kompliet tenfasizza li l-ebda tip ta’ vjolenza m’għandha tiġi aċċettata, sewwa jekk tkun minn raġel fuq mara jew minn mara fuq raġel.  Hija żiedet tgħid li huwa importanti li l-vittma ma titħallix weħidha u jkollha sapport robust li jgħina f’dan il-vjaġġ. 

    Hija rrakkuntat kif il-ħajja tagħha ma kinitx waħda faċli u li kellha numru ta’ restrizzjonijiet meta kienet għadha żgħira, fosthom li ma setgħetx tilbes li trid. “L-irġiel kellhom l-aħħar kelma fuq in-nisa u n-nisa kellhom jobbdu. Trid tkun bniedma tassew kuraġġuża u b’saħħtek biex tqum u tieħu azzjoni.”

    Fl-isfond ta’ dak li qiegħed jiġri fl-Iraq, Joanna qalet li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Iraq, in-nisa qegħdin jipparteċipaw fi protesti anti-governattivi wara li dawn qatt ma kienu permessi. “In-nisa bdew jaħsbu: ‘hemm barra hemm missieri u ħija qegħdin jipprotestaw u ħafna nies jinqatlu… għalhekk għandi noħroġ hemm u nkun ħdejhom.’”

    Joanna qalet li dan juri li n-nisa għandhom leħen ukoll. “Għall-bidu l-irġiel rawha stramba imma mbagħad kienu kuntenti jaraw li n-nisa qegħdin hemmhekk jieħdu ħsiebhom, u dan huwa mod kif tappoġġja kawża. F’dan kollu jidher il-poter tan-nisa li jistgħu jiftħu l-bieb u jieħdu azzjoni. L-istess ħaġa meta jkunu vittmi ta’ vjolenza. In-nisa għandhom jibdew jaħsbu li jistgħu tassew jagħmlu xi ħaġa u joħorġu minnha s-sitwazzjoni permezz tal-għajnuna li jirċievu.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0