L-Istrina mistennija ssir xorta

  • Diċ 08, 2019 08:58
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    L-avveniment filantropiku annwali ta’ L-Istrina, li permezz tiegħu jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Foundation, jidher li se jkun qiegħed isir xorta, minkejja l-kwistjonijiet politiċi li nqalgħu fl-aħħar ġimgħat. 

    Ninsabu informati li l-preparazzjonijiet għal dan l-avveniment jinsabu għaddejjin ġmielhom u se jkun qiegħed isir bħalma kien ippjanat. 

    Fl-aħħar ġranet kien hemm bosta persuni li wrew opinjonijiet differenti dwar jekk għandux isir jew le. Fost l-oħrajn, kien hemm l-eks-deputat Nazzjonalista Franco Debono li appella biex ma ssirx L-Istrina hekk kif qal li mhux f’postha fiċ-ċirkostanzi li żviluppaw. 

    Hu qal li bħalissa pajjiżna għandu bżonn l-umiltà u r-riflessjonijiet fis-silenzju u mhux dawk li sejħilhom teatrini, reċti u fanfarunati b’ċekkijiet daqs dinja. Saħaq li għandu jsir eżami tal-kuxjenza u mhux spettaklu ta’ opportunità falza biex taparsi titnaddaf il-kuxjenza. Debono qal li l-poplu għandu kriżi serja ta’ valuri ġejja wkoll mill-fatt li sena wara sena jbellagħha lilu nnifsu kemm hu ġeneruż. Għalhekk appella biex id-donazzjonijiet li jsiru ssoltu jsiru xorta, iżda bil-mod kif suppost issir il-karità, jiġifieri bil-kwiet, fis-silenzju u mingħajr daqq ta’ trombi. Jinsisti li jekk vera l-poplu jagħti għax hu ġeneruż, allura l-istess somom jistgħu jinġabru mingħajr it-teatrini. Ma jonqosx ukoll milli jissuġġerixxi biex jekk L-Istrina ssir xorta, din tkun b’format differenti li jirrispetta aktar il-valur ġenwin tas-solidarjetà u l-karità. 

    Pożizzjoni aktar drastika minn dik ta’ Debono kienet dik tal-eks-attivist tal-Partit Nazzjonalista, Wayne Hewitt li sostna li L-Istrina għandha tiġi bbojkottjata. Qal li dan mhux iż-żmien tal-għaqda nazzjonali, iżda ż-żmien li ssir ġustizzja u tittieħed responsabbiltà politika. 

    Min-naħa l-oħra, il-Kunsillier Nazzjonalista tal-Belt Valletta, Christian Micallef ħa pożizzjoni kontra, hekk kif qal li minkejja ż-żminijiet diffiċli għal pajjiżna, fejn il-poplu hu maqsum, irrabjat u mdejjaq b’dak li qed jiġri, xorta ma jaqbilx li għandha tiġi bbojkottjata L-Istrina. Qal li hu se jirrifjuta milli jagħmel dan u ħeġġeġ lil kulħadd biex jappoġġaw din l-attività. Micallef sostna li L-Istrina għandha tkun opportunità unika għalina l-Maltin biex naraw il-qasma politika u nuru sinjal b’saħħtu ta’ għaqda. Saħaq ukoll biex kulħadd jgħid iva għal L-Istrina għax wara kollox, dawk li huma fil-bżonn jinsabu ħerqana għall-għajnuna u għall-ġenerożità tagħna. 

    Din hi l-ewwel edizzjoni ta’ L-Istrina li qiegħda ssir taħt il-patroċinju tal-President George Vella. Matul l-edizzjoni tas-sena li għaddiet inġabru aktar minn €7 miljun waqt il-maratona ta’ 12-il siegħa. It-tema ta’ din is-sena se tkun “Din is-sena f’idejk”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0