Mons. Victor Grech: “Ma ssibx rokna f’Malta li fiha ma ssibx id-droga”

  • Diċ 10, 2019 10:59
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Il-Monsinjur Victor Grech iwissi li l-problema tad-droga kibret ħafna…

    Fl-aħħar rapport maħruġ fl-2017 mill-Europol, instab li Malta hija waħda mill-aktar tliet pajjiżi li fihom l-awtoritajiet irnexxielhom jaqbdu kwantitajiet kbar ta’ kannabis u eroina. Dawn ir-riżultati allarmanti huma tal-aħħar tliet snin meħuda fuq statistika Ewropea u jfisser li f’pajjizna hawn ħafna droga u hija mifruxa ma’ kullimkien. Iltqajna mal-eks Direttur tal-Caritas, il-Monsinjur Victor Grech, li fl-età ta’ 90 sena għandu esperjenza estensiva fil-qasam tal-problema tad-droga fis-soċjetà tagħna. Bil-kokaina u l-kannabis bħala l-aktar drogi komuni f’pajjiżna u hemm problema fl-użu tal-eroina fost iż-żgħażagħ, il-Monsinjur jisħaq li l-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv huwa logħob tal-kliem għax min jużaha jsir dipendenti fuqha u għalhekk tiġi perikoluża bħal kull droga oħra fis-suq. 

    B’aktar  minn 40 sena ħidma mal-persuni bi problemi ta’ droga lokalment, Monsinjur Grech qal li dan il-vizzju ikrah qiegħed jaħkem kemm lit-tfal, kif ukoll lill-adulti minn kull livell soċjali. Kien lura fis-snin 70 meta kien f’Tas-Sliema biex jiltaqa’ ma’ grupp ta’ madwar 25 żgħażugħ fejn qalulu huma stess li jieħdu d-droga u li f’Malta ma kien hemm ħadd li jagħtihom l-għajnuna. Huwa qal kif, “dak il-ħin fhimt il-missjoni tiegħi u għidt miegħi nnifsi li jekk il-Gvern m’hu se jagħmel xejn, se nagħmel xi ħaġa jien u dan għax ħassejt il-bżonn,” qalilna l-eks Direttur tal-Caritas.  

    Dak iż-żmien il-Monsinjur Grech kellu programm ta’ darba fil-ġimgħa fuq ir-radju nazzjonali u kellu kuntatt il-ħin kollu ma’ ħafna nies. “Kont naf x’qiegħed jiġri fil-pajjiż u l-problemi li n-nies kienu qegħdin jiffaċċjaw. Minn dak iż-żmien kont indunajt li se jkollna problema serja ta’ droga f’Malta. Fl-imgħoddi d-droga kienet problema fost is-sinjuri l-aktar fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, il-Gżira u San Ġiljan iżda wara bdiet tinfirex anke fil-Kottonera. Illum il-ġurnata l-problema tant hi mifruxa li m’hawnx rokna f’Malta li fiha ma ssibx id-droga,” qal imħasseb Grech.

    Il-missjoni ta’ dan ir-reliġjuż għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum għax baqa’ attiv ħafna fil-Caritas u n-nies tal-parroċċa, kif ukoll persuni minn barra r-raħal, imorru għandu għall-pariri li jinkludu problemi familjari, soċjali u anke dwar id-droga. 

    Mill-esperjenza tiegħu l-Monsinjur Grech jaf kemm id-droga hija verament vizzju ikrah u litteralment ma tgħaddix mingħajrha. Huwa sostna li, “l-problema hija li maż-żmien il-vittmi tad-droga jkollhom iżidu d-doża u meta jżidu d-doża ma jkunux jafu l-kwalità tad-droga x’inhi. Dan minħabba li fis-suq kultant id-droga tkun anke mħallta u din tagħmel ħafna ħsara, tant li kien hemm persuni li tilfu ħajjithom”. Huwa qal kif ċerti każi ta’ overdose ma jkunux fil-verità overdose, iżda tip ta’ avvalenament mit-taħlit minħabba l-kwalità tad-droga.  

    Mhux magħruf kemm hemm persuni bil-problema tad-droga

    F’Malta għandna ħames ċentri għar-rijabiltazzjoni tad-droga u fl-aħħar sena 678 persuna avviċinaw lil Caritas għall-għajnuna. “In-nies ma jfittxux l-għajnuna fl-istaġuni kollha, fejn fil-biċċa l-kbira nnotajna li fis-sajf inaqqsu. Uħud minnhom ikunu għadhom ma daħlux fil-vizzju, iżda javviċinawna għall-għajnuna fi stadji bikrin,” spjega l-eks Direttur tal-Caritas.

    Il-Monsinjur Grech qal kif din il-problema qiegħda wkoll fost il-minuri u kien għalhekk li ġie deċiż li s-sena d-dieħla jinfetaħ ċentru ġdid ta’ rijabilitazzjoni 24/7 “għax ma tistax tħallat lit-tfal maż-żgħażagħ”. Huwa qal li n-numru reali ta’ persuni bil-problema tad-droga huwa ħafna akbar. Dawk li javviċinaw għall-għajnuna huma biss parti mill-ammont reali ta’ kemm hemm persuni lsira ta’ dan il-vizzju qerried. Barra minnhekk, hemm servizzi wkoll offruti mis-Sedqa u l-OASI li wkoll jgħinu nies bil-problema tad-droga.

    Mistoqsi dwar kemm bejn wieħed u ieħor għandna nies maħkuma b’dan il-vizzju, huwa qal li, “diffiċli ħafna biex tgħid għax m’hawnx statistika. Meta lura fis-snin 80 ippruvajt nagħmel studju fuq dan, indunajt li kien hemm ħafna ħabi speċjalment mill-ġenituri u għalhekk kien ikun għal xejn li nipprova noħroġ statistika veraċi. Però nassigurak li, speċjalment meta daħlet il-kokaina, li ħerba għandna għax mhix droga bħall-eroina li turi s-sinjali malajr. Il-kokaina, li tintuża ħafna mill-professjonisti, tinħeba aktar faċli allura n-nies jeħduha aktar. Naf b’nies li jeħduha biss fi tmiem il-ġimgħa meta jkunu jixtiequ jkunu high ma’ sħabhom, parties jew okkażjonijiet oħra”. 

    Hawnhekk il-Monsinjur Grech aċċenna għall-fatt li ħafna drabi dawn in-nies ikunu għaddejjin minn dipressjoni jew ikollhom problemi oħra fosthom eżistenzjali, personalità dgħajfa, tensjoni kbira u mhux kapaċi jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom. B’nota pożittiva huwa qal li mhux kulħadd jieħu d-droga għax hawn żgħażagħ li minkejja jkollhom il-problemi, ma jmissux mal-kokaina jew l-eroina. 

    Fl-opinjoni tiegħu, huwa importanti li bil-għan li nerbħu l-ġlieda kontra d-droga, inkomplu naħdmu għall-prevenzjoni. Monsinjur Grech kien beda programm ta’ prevenzjoni lura fl-1985 fl-iskejjel u qalilna li bħalissa għadhom għaddejjin programmi relatati fl-iskejjel tagħna.

    Huwa qal li l-kurrikulu tal-iskejjel huwa mimli daqs bajda u jingħataw slot darba fil-ġimgħa u xi ftit jew wisq dejjem isir il-ġid. “Dan l-aħħar indunajna li t-tfal għandhom għarfien sew dwar id-drogi li hawn fil-pajjiż u dan aktar milli naħsbu. Fil-fatt jafu dwar it-tipi u l-kwalità tad-drogi, kif jeħduhom u kultant fejn tfittixhom,” sostna l-Monsinjur Grech. 

    L-eks Diretttur tal-Caritas qal li d-diffikultà tat-tfal hija li ma jkunux iridu jidħattu dwar dan is-suġġet, però huma jindunaw anke mill-mod kif it-tfal jitkellmu magħhom, li f’xi klassijiet ikun hemm uħud li diġà qegħdin imissu mad-droga. 

    “Jekk tillegalizza droga, tgħaddi l-messaġġ li ma tagħmilx ħsara”

    Mistoqsi jekk jaqbilx li jekk tkun legalizzata l-kannabis għall-użu rikreattiv kif sar f’pajjiżi oħra, tonqosx din il-problema, il-Monsinjur Grech qal li jekk din tkun legalizzata tgħaddi l-messaġġ li din id-droga ma tagħmilx ħsara u, “dan assolutament mhux il-każ. Aħna b’esperjenza nafu li kull droga ssir vizzju, anke l-ħaxixa. Nafu nies kbar li qatt ma missu droga oħra ħlief il-kannabis u ma jgħaddux mingħajrha. Kieku jkollok tneħħihielhom tkun tidher li d-droga ddominathom,” kompla r-reliġjuż. 

    Huwa kkonferma kif maż-żmien anke l-użu mill-kannabis isir vizzju u mhux minnu li persuna tista’ toħroġ minn dan il-vizzju mingħajr għajnuna. L-eks Direttur tal-Caritas qalilna li hemm ħafna kummerċ wara t-traffikar tad-droga u f’Malta l-kokaina tiġi mil-Libanu u mill-Amerika t’Isfel. Hawnhekk ir-reliġjuż semma’ kemm id-droga sintentika hija wkoll mifruxa ħafna f’Malta u din it-tip ta’ droga hija perikoluża ħafna.

    “Għandna gżira miftuħa u huwa diffiċli ħafna biex issegwi x’jidħol fil-portijiet f’Malta, li dejjem jidħlu vapuri kbar. Dħul illegali bil-baħar u bl-ajru huma għaddejjin kontinwament u dan iwassal għal traffikar u bejgħ ta’ droga li jqalla’ l-flus kbar. Fil-fatt dan huwa t-tieni l-akbar kummerċ wara l-bejgħ tal-armi,” sostna Monsinjur Grech. Huwa qal kif ġeneralment dan il-kuntrabandu lleċitu jsir minn gruppi kriminali b’konnessjonijiet barra minn Malta, fejn ħafna drabi jkun hemm imdaħħla anke l-mafja.

    Ir-reliġjuż spjega li f’din il-battalja trid tkun il-persuna li tgħid ‘le’ għal dawn l-affarijiet. Għalhekk huwa jemmen li m’għandhiex tkun illegalizzata d-droga kreattiva. “Din id-droga m’hi kreattiva xejn għax kwalunkwe droga li matul iż-żmien tista’ tkissrek, mhix għar-rikreazzjoni biss. Kreattiva tfisser li toħloq xi ħaġa ġdida fik. Issa, meta toħloq xi ħaġa kreattiva ma tistax tkun tagħmel il-ħsara. Illum ħafna nies jeħduha mhux għax hija rikreattiva, imma għax diġà għandhom il-vizzju u skjavi tagħha. Qalulna dan kemm il-darba ż-żgħażagħ tagħna li kienu fit-triq u kollha jisħqu li din hija logħba bil-kliem. Aħna nafu l-periklu ta’ leġislazzjoni bħal din mill-esperjenzi tagħhom fejn jgħidu, ‘jien naf minn xhiex għaddejt. Issallabt’ u għalhekk, mhux qegħdin ngħiduha aħna,” sostna Grech.

    Il-messaġġ tal-eks Direttur tal-Caritas huwa li għandna nibżgħu għall-ħajja għax hija rigal mogħti lilna biex nikkonservawha, nippreservawha u nipproteġuha. 

    “Il-ħajja hija missjoni u ngħaddu ftit snin hawn u nitilqu. Alla tak il-ħajja, li hija rigal. Dan ir-rigal tkun qiegħed tużah ħażin billi tkisser lilek innifsek u n-nies ta’ madwarek. Ibża’ għall-ħajja u jekk tinsab darek mal-ħajt fittex l-għajnuna. Kull min jaħseb li jista’ joħroġ waħdu jispiċċa jmiss il-qiegħ u meta jkun tard ħafna biss, ifittxu l-għajnuna. Tibqax waħdek għax tidħol iva, imma waħdek ma toħroġx mill-vizzju tad-droga,” temm il-Monsinjur Victor Grech.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0