Illum il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem

  • Diċ 10, 2019 15:22
  • Miktub minn iNews

    In-Nazzjonijiet Uniti tqis lil Malta bħala stat b’qafas regolatorju b’saħħtu u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem… 

    Minn pajjiż li jfalli t-test tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2009, għal stat li jeċċella u li fl-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-2018 kien meqjus fost l-aktar pajjiżi li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fin-Nazzjonijiet Uniti.

    Dan jirriżulta mill-fatti, u huwa riflessjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna llum hekk kif meqjusa mill-istati membri ta’ dan l-għola forum internazzjonali fi proċess li jsir kull ħames snin.

    Fil-fatt, waqt li t-test kompla jitqal, pajjiżna kompla jitjieb wara l-bidla fid-direzzjoni tal-2013. Tant illi fl-2009, l-aħħar eżami li poġġa għalih il-Gvern Nazzjonalista, pajjiżna kiseb biss 37%.

    Riżultat li kien jirrifletti pajjiż magħluq fejn jekk titkellem tiġi mħarrek. Fejn l-artisti kellhom is-sarima taċ-ċensura ma’ ħalqhom. Fejn l-espressjoni artistika kienet ristretta għal dak li kien moralment aċċettabbli. Fejn xogħolijiet artistiċi baqgħu fuq il-karta għax hekk iddeċieda min kien fil-poter. Fejn żgħażagħ ġew arrestati għax libsu ilbies reliġjuż fil-Karnival. Fejn studenti tressqu l-Qorti Kriminali għax fissru ħsibijiethom f’ġurnal imqassam fl-Università studenti universitarji. Fejn mara kellha tmur il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għaliex ċaħduha mid-dritt li tiżżewweġ lil min tħobb.

    Din mhux il-Malta tal-lum, u dan mhux b’kumbninazzjoni. Kien dan il-Gvern li b’rieda u determinazzjoni beda revoluzzjoni fl-aktar qasam importanti tal-amministrazzjoni pubblika. Gvern li llibera l-artisti mill-ktajjen taċ-ċensura, li ta l-libertà lill-ġurnalisti biex jaħdmu mingħajr it-theddida tal-libell kriminali, li ta drittijiet ugwali lil kulħadd, li saħħaħ il-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni t’Istanbul, li rratifika l-protokoll tal-Konvenzjoni Kontra kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, li saħħaħ id-dritt tal-familja permezz ta’ servizz aħjar tal-IVF b’xejn għal kulħadd, tat-tisħiħ tad-dritt tal-addozzjoni u permezz taż-żieda fil-ġranet tal-leave għal aktar ħin mal-familja, li saħħaħ id-dritt tax-xogħol u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà bl-introduzzjoni tas-servizz taċ-childcare b’xejn, li saħħaħ id-dritt għall-edukazzjoni permezz tat-titjib fl-istipendji u s-self b’interessi baxxi għal kull min irid javvanza, li tejjeb il-benesseri tal-anzjani tagħna permezz ta’ żidiet fil-pensjoni, u li tejjeb il-livell tal-għajxien tal-persuni b’diżabilità b’pensjoni sħiħa għal min joħroġ jaħdem u paga minima għal dawk li ma jistgħux, fost ħafna miżuri oħra li bidlu wiċċ pajjiżna.

    Pajjiż modern li beda jimplimenta riformi li tħallew snin twal fuq l-ixkaffa minn Gvernijiet preċedenti.  Bħalma kienu l-liġi tal-whistleblower, il-liġi tal-finanzjament tal-partiti u t-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq reati mwettqa mill-politiċi. Dawn kollha fuq rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet internazzjonali, bl-aktar riċenti ikunu dawk tal-Kummissjoni Venzja rigward il-ħatriet fil-ġudikatura u l-kariga tal-Avukat Ġenerali fost oħrajn, bil-Gvern fil-proċess li jimplimentahom. Tant li fl-aħħar jiem tħabbar isem l-ewwel Avukat tal-Istat wara li dan ir-rwol ġie sseparat minn dak tal-Prosekutur tal-Istat, waqt li diġa beda jitħaddem l-ewwel pass fir-riforma tal-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura. Fl-istess, waqt, il-Parlament bħalissa għandu quddiemu l-abbozzi dwar l-Ugwaljanza li se jwaqqfu l-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza – Kummissjoni awtonoma li twieġeb biss lill-Parlament, skont il-prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

    Dan kollu wassal biex fl-aħħar eżami dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna, il-Gvern tejjeb il-pożizzjoni ta’ Malta minn riżultat ta’ 37% fl-2009 għal 75% fl-2018. Riżultat oġġettiv li jindika lok għal aktar titjib, iżda li huwa ukoll xhieda tal-passi kbar ‘il quddiem li saru fl-aħħar snin.

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis saħaq li l-progress miksub huwa l-aqwa bażi għall-punt tat-tluq, u m’hux ċertifikat tal-punt tal-wasla. Fil-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ministru Dr Zammit Lewis tennal-impenn tal-Gvern li jkompli jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex b’umiltà, jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0