[FILMAT] “Ħlas ugwali għal xogħol ugwali, partit miftuħ u riedni soda” - Chris Fearne

  • Diċ 15, 2019 09:20
  • Miktub minn Melvin Farrugia

     

    Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jitkellem ma’ inewsmalta u jispjega li jekk jintgħażel bħala Mexxej tal-Partit Laburista u allura Prim Ministru ta’ pajjiżna, hu se jkun qed jaħdem biex jingħata ħlas ugwali għal xogħol ugwali li jsir minn ħaddiema tal-kuntrattur. Barra minn hekk, jitkellem dwar il-problemi li qed jiffaċċja pajjiżna u kif nistgħu nsolvuhom. 

    Kemm-il darba tkun inti li tiġi magħżul biex tmexxi bħala Mexxej tal-Partit Laburista u bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna, x’se jkunu l-ewwel prijoritajiet tiegħek?

    Ovvju li l-ewwel prijoritajiet ta’ Prim Ministru ġdid iridu jkunu li jgħaqqad lis-soċjetà Maltija. Bħalissa għaddejjin minn żmien fejn ħafna Laburisti bħali nħossuna kemmxejn imweġġgħin minn din is-sitwazzjoni fejn minkejja li għandha 40,000 persuna maġġoranza, minkejja l-ġid kollu li għamilna, ħafna Laburisti qegħdin iħossuhom mitlufin. Mexxej u Prim Ministru ġdid irid jara li jerġa’ jqawwi qalbi l-Laburisti u jerġa’ jqawwi qalb il-partitarji tal-Partit Laburista. Il-mandat tagħna hu ċar għal ħames snin sħaħ. Dak il-mandat se nagħmluh u jien konvint li jekk nibqgħu magħqudin u sodi flimkien kif aħna bħala grupp parlamentari u partit, l-elezzjoni ġenerali li tiġi fi żmienha niffaċċjawha u kunfidenti li nirbħuha wkoll. L-ewwel xogħol ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista hu li jerġa’ jqawwi qalb il-partitarji Laburisti. 

    Bħala Prim Ministru, l-għaqda, l-inkoraġġiment u l-fejqan tad-dwejjaq irid imur lil hinn mill-partit biss. Irid imur lin-nazzjon u l-pajjiż kollu. Il-pajjiż kollu għandu bżonn mexxej li jgħaqqdu, mexxej li kapaċi jġib flimkien is-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni, lill-Oppożizzjoni bil-fazzjonijiet kollha tagħha, is-soċjetà ċivili madwar mejda ħalli nitkellmu u nitħaddtu ħalli nsibu s-soluzzjonijiet flimkien u dawn is-soluzzjonijiet inwettquhom. Bla dubju ta’ xejn, il-weġgħat li qed iħoss il-poplu jrid jiġu indirizzati u solvuti. Waħda mill-affarijiet li rridu nagħmlu hi li nassiguraw li jkollna sistemi fl-istituzzjonijiet tagħha, fil-pajjiż, fil-Kostituzzjoni li dak li jfisser governanza tajba u saltna tad-dritt, naraw li qiegħed jiġi implimentat. Jiġifieri rridu naqblu kollha flimkien u nimplimentaw. L-istituzzjonijiet irridu naraw li jkollhom ir-riżorsi biex jaħdmu aħjar u b’mod effiċjenti u li jkunu indipendenti minn dak li jkun qiegħed jagħmel il-Gvern. Ħadd fil-Gvern, ħadd fl-Oppożizzjoni u ħadd fil-pajjiż ma jista’ jqis lilu nnifsu ogħla mil-liġi jew li l-liġi ma tapplikax għalih. Aħna pajjiż modern, pajjiż Ewropew, pajjiż fejn is-saltna tad-dritt tgħodd u taħdem. L-ewwel xogħol ta’ Prim Ministru ġdid hu li jassigura lil kulħadd f’Malta u barra minn Malta li dan hu l-każ. 

    Jekk tħares aktar fit-tul, x’tixtieq li tkun id-direzzjoni li jieħdu kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-pajjiż?

    Naturalment, il-maltemp li għaddejjin minnu mhux se jibqa’ għal dejjem. Se niffaċċjawh għalkemm mhix se tkun faċli, innaddfu fejn hemm bżonn innaddfu u ma nħarsu lejn wiċċ ħadd, imma xi darba u jien konvint li mhux ‘il bogħod, il-maltemp jgħaddi u jerġa’ jiġi l-bnazzi. Ladarba jerġa’ jiġi l-bnazzi, irridu naraw li r-reputazzjoni ta’ Malta barra minn xtutna nerġgħu ngħolluha, aħna nħossuna komdi li aħna fl-Ewropa u l-Ewropa tħossha komda li Malta hi parti integrali minnha. Imma wkoll biex l-ekonomija terġa’ tieħu l-iżvolta, ir-ritmu u r-rankatura li ilha tieħu għal dawn l-aħħar seba’ snin. Tinsewx li sa tliet ġimgħat ilu konna nqisu li aħna wieħed mill-pajjiżi li qed jagħmel l-aktar suċċess fl-Ewropa. U hekk hu. Is-suċċessi li għamilna fl-aħħar seba’ snin ma spiċċawx. Għandna fejn inkomplu nibnu fuqhom, inkattruhom u nżiduhom. Jiġifieri fit-tul iridu nkomplu kontinwità ta’ dak kollu li għamilna tajjeb f’dawn is-seba’ snin. Inbiddlu fejn hemm bżonn inbiddlu, innaddfu li hemm bżonn innaddfu, imma mbagħad inkomplu għaddejjin bir-rankatura li konna għaddejjin biha fis-seba’ snin li għaddew. 

    Irrid nara wkoll li Gvern Laburista, jekk jien inkun Prim Ministru, joħroġ il-valuri Laburisti li jagħmluna tant kburin li aħna Laburisti. Għandna storja ta’ mitt sena, fejn aħna dejjem ridna ngħollu liż-żgħir u ħadna ħsieb l-aktar lil min għandu bżonn u din aħna rridu nerġgħu nagħmluha. 

    Eżempju konkret ta’ dan ikun li jien nassigura li l-prinċipju ta’ Equal Pay for Equal Work jiġi attwat fil-prattika. Illum fil-pajjiż għandna eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-Gvern, jagħmlu l-istess xogħol bħal ħaddiema oħra li huma impjegati tal-Gvern fl-istess ambjent imma jitħallsu inqas għax tal-kuntrattur. Jien irrid nara li dawn il-ħaddiema jingħataw l-istess paga bażika, l-istess rati ta’ overtime u increments u benefiċċji daqs il-ħaddiema tal-Gvern. Dan ifisser li ħaddiema li llum jaqilgħu €900 f’xahar u jridu jgħajxu familja ta’ erbgħa kultant, u allura qegħdin fuq il-linja tal-faqar ngħolluhom ‘il fuq u naqtgħu faxxa kbira tas-soċjetà mir-riskju ta’ faqar li qegħdin fih. 

    Diġà bdejna naraw kemm tiswa din il-miżura u maħniex nitkellmu fis-sħab. Fid-Dipartiment tas-Saħħa fejn hemm 2,200 minn dawn il-ħaddiema tal-kuntrattur din tiswina €6,300,000. Mal-Gvern kollu u mal-entitajiet tiegħu din tiswa viċin l-€10 miljun. Din mhix somma żgħira, imma somma li l-pajjiż kapaċi jħallas bil-fatt li mid-defiċit issa għandna surplus u bit-tkabbir fl-ekonomija din hi somma li nistgħu nħallsu u ngħinu lil min l-aktar għanduu bżonn. 

    X’passi bi ħsiebek tieħu biex tnaddaf isem Malta fuq livell internazzjonali?

    Kif diġà għedna, ir-raġuni li għandna din il-problema fir-reputazzjoni ta’ Malta, u vera meta ssiefer barra l-pajjiż, meta tiftaħ il-ġurnali u tara l-istazzjonijiet tat-televiżjoni barranin tara l-istejjer fuq Malta fl-aħħar ġimgħat li ma jagħmlulniex ġieħ. L-ewwel li rridu nagħmlu hu li nirranġaw is-sitwazzjoni f’pajjiżna, jiġifieri nerġgħu nkunu ċerti li l-governanza hi tajba, is-sistemi tagħna huma tajbin u jidhru li qegħdin jitmexxew tajjeb. Dan ifisser li s-soċjetà ċivili u l-poplu Malti kollu jerġa’ jibda jieħu r-ruħ, jerġa’ jibda jieħu n-nifs u l-pajjiż jerġa’ jaqbad ir-ritmu ekonomiku normali tiegħu. Ladarba jerġa’ jibda jiġri dan, barra jindunaw x’qed jiġri Malta. 

    Għandna sitwazzjonijiet oħrajn, bħalma hi l-Moneyval li hu parti mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Greco, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha rridu nagħmlu kuntatt magħhom u nżommu kuntatt magħhom u niddjalogaw biex inkunu ċerti li dak li jkun qed isir Malta jasal għandhom ħalli r-reputazzjoni tagħna intejbuha. Dan ix-xogħol irid isir kemm mill-Gvern lokali, minn Prim Ministru ġdid u t-tim tiegħu, kif ukoll mill-membri parlamentari Ewropej. Nappella lill-membri parlamentari Ewropej taż-żewġ naħat tal-kamra li jridu jgħinu f’dan għax Malta waħda u mhix Malta Laburista jew Malta Nazzjonalista iżda Malta waħda, l-isem Malti hu wieħed u għalhekk irridu ningħaqdu lkoll flimkien biex isem Malta nerġgħu nġibuh f’postu. Ma’ dawn iridu jingħaqdu l-korpi kostitwiti, l-għaqdiet professjonali, is-soċjetà kollha Maltija, biex flimkien mal-Gvern, il-membri parlamentari Ewropej u s-soċjetà in ġenerali nagħmlu l-isforz biex ġieħ Malta jerġa’ jkun fejn jistħoqqlu. 

    Xi strutturi tħoss li għandhom jinħolqu biex jiġi żgurat li ma jerġgħux jiġru sitwazzjonijiet bħal dawn li kellna fl-aħħar ġimgħat?

    Hemm numru ta’ passi li rridu nieħdu. B’mod immedjat, jiġifieri fl-ewwel mitt ġurnata ta’ Prim Ministru ġdid, irridu naraw li l-istituzzjonijiet li huma inkarigati li s-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-governanza tal-pajjiż jimxu b’mod rett iridu jkunu msaħħa b’aktar riżorsi u nkunu ċerti qegħdin jaħdmu b’mod indipendenti. Mela allura rridu nsaħħu l-Pulizija, irridu nkunu ċerti li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun igawdi aktar rispett, aktar fiduċja minn firxa wiesgħa tas-soċjetà, irridu naraw li l-uffiċċju tal-avukat ġenerali jkun imsaħħaħ ukoll, irridu naraw li l-Economic Crimes Unit tal-Pulizija tkun imsaħħa, l-FIAU, l-uffiċċju tal-awditur, id-Dipartiment tal-Kuntratti. Dawk kollha rridu naraw li jkollhom aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jaħdmu għall-ġid tan-nazzjon. Dan irridu nagħmluh billi ninkludu lis-soċjetà kollha, niddiskutu ma’ kulħadd u nsibu t-triq ‘il quddiem flimkien. 

    It-tieni pass fuq medda itwal hu li rridu nibdew nagħmlu tibdil fuq il-Kostituzzjoni, ilna ngħiduha din, biex ikollna t-tieni Repubblika. Naraw li dan it-tibdil jidħol fil-Kostituzzjoni u tibdil ieħor bħal eżempju li rridu naqtgħu li l-partiti bilfors, jew ħafna drabi jew inkella jkun hemm l-impressjoni li jiġu ffinanzjati minn xi negozjanti kbar. Din irridu naqtgħuha. Il-Partiti jridu jkunu kapaċi jaħdmu b’mod indipendenti mingħajr ma jkollhomx għalxiex iroddu xi pjaċiri lil xi ħadd li jkun sostnihom. Dawn huma kollha affarijiet li rridu nagħmlu biex is-soċjetà Maltija nkunu ċerti li qiegħda taħdem fuq bażi moderna u Ewropea u mhux kwistjoni ta’ persuna u ta’ uċuħ. Is-sistemi li ndaħħlu jridu jiżguraw l-governanza tajba għalissa u għall-futur. 

    Temmen li Malta għandha tkompli fid-direzzjoni tal-Moviment jew inkella għandha nħaddnu aktar il-prinċipji soċjali li dejjem kienu l-qofol tal-Partit Laburista?

    Din mhix waħda kontra l-oħra, dawn huma t-tnejn flimkien. Illum għandna Partit Laburista se jagħlaq mitt sena. Jien ilni fih 40 sena, minn mindu kelli 16-il sena. Għext kważi nofs l-istorja tal-Partit Laburista. Kont attiv fl-isfera taż-żgħażagħ, kont is-segretarju internazzjonali dak iż-żmien. Kont fl-Eżekuttiv, imbagħad fil-Parlament, imbagħad fil-Kabinett u issa bħala deputat Mexxej tal-Partit Laburista. L-istorja tal-Partit Laburista dejjem kien imsejsa fuq valuri sodi xellugin li ngħinu lil min l-aktar li għandu bżonn, li naraw li kulħadd ikollu ħajja diċenti, li naraw li jingħataw drittijiet ċivili għall-minoranzi u għall-poplu kollu, li jkollna saħħa mingħajr ħlas tal-ogħla kwalità, li jkollna edukazzjoni għal kulħadd u akkomodazzjoni tajjeb, dawn kollha prinċipji li bdejna bihom, qed inkomplu bihom, però rridu nkomplu fuqhom bla dubju ta’ xejn. Però, is-soċjetà tal-lum mhix is-soċjetà la ta’ mitt sena ilu u lanqas ta’ 40 sena ilu. Dan m’għadux il-partit ta’ Mintoff għalkemm għandi ħafna rispett lejh, mhux il-partit ta’ Karmenu Mifsud Bonnici jew ta’ Alfred Sant. Hu l-partit tal-lum fis-soċjetà tal-lum. Il-partit tal-lum sar rebbieħ, u Joseph Muscat għamlu rebbieħ ma ninsewiex. Joseph Muscat għamlu rebbieħ għax fetaħ u ħaddan parti akbar tas-soċjetà Maltija. Dak is-suċċess irridu nżommuh. Ma nistgħux ningħalqu fina nfusna għax ma nirbħux elezzjonijiet. U biex tiggverna, biex twettaq il-pjani tiegħek u twettaq il-viżjoni tiegħek trid tkun fil-Gvern. Mela aħna importanti li l-partit jibqa’ inklussiv, jibqa’ jappella għall-faxxa wiesgħa tas-soċjetà, biex kemm jista’ jkun Maltin u Għawdxin iħarsu lejna u jaraw l-aspirazzjonijiet tagħhom fina. Dak hu l-Partit Laburista tal-lum. Partit sod imma miftuħ li jattira faxxa wiesgħa tas-soċjetà Maltija u Għawdxija. 

    Dwar il-protesti li kellna fl-aħħar ġimgħat, tħoss li dawn saru bl-intenzjoni vera li titqajjem kuxjenza jew inkella biex tinħoloq instabilità politika?

    Bla dubju ta’ xejn il-pajjiż ħass weġgħa f’dawn il-ġimgħat u aktar ma nisimgħu stejjer ħerġin mill-Qrati aktar inħossuha din il-weġgħa. Ħa nkun onest, naħseb l-aktar li ħassewha l-Laburisti. Nifhem eżatt x’ħassew il-Laburisti li wara dawn is-snin kollha fl-Oppożizzjoni biex ikollna gvern, issa li qegħdin fil-Gvern kellna din is-sħaba li ġiet fuqna. Però, jien lil-Laburisti nagħtihom it-tama. It-tama li dan il-maltemp jgħaddi, il-bnazzi jiġi u minn dan in-nar jista’ jiġrilna żewġ affarijiet; jew ninħarqu jew noħorġu aktar b’saħħitna. Jien konvint li se noħorġu aktar b’saħħitna, qaqoċċa magħqudin qawwija biex niffaċċjaw l-elezzjonijiet li ġejjin. 

    Però, mhux il-partit biss. Il-pajjiż ukoll irid jgħaddi minn dan iż-żmien. Nifhem li kien hemm din il-weġgħa u kien hemm nies li pprotestaw u għadhom qed jipprotestaw b’mod ġenwin. Il-vuċi tagħhom qed nisimgħuha u qiegħda tasal. Però, imbagħad kien hemm ukoll individwi li għandhom aġenda differenti minn dik ġenwina, aġenda biex nipprovaw akkost ta’ kollox jaqbdu u jaħtfu l-poter. Dik mhix se tiġri. Il-mandat tal-Partit Laburista hu ċar, mandat ta’ ħames snin u ħames snin se nagħmlu. Jien ngħid li aktar minn ħames snin għax tiġi l-elezzjoni li ġejja u nirbħuha b’maġġoranza qawwija wkoll. 

    Bħala protesti, tħoss li għamlu ħafna ħsara fuq livell internazzjonali? X’se tkun l-aktar ħaġa diffiċli biex niksbu l-fiduċja barra minn xtutna?

    Jien ma naħsibx li l-protesti nfushom għamlulna l-ħsara. Naħseb ġab ħsara u għamlilna ħsara min ġabna f’din is-sitwazzjoni, jiġifieri min kien wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u min ipparteċipa b’xi mod jew ieħor f’dan l-assassinju makabru. Ejja nkunu onesti. Il-protesti ġibdu l-attenzjoni tad-dinja. Jien nifhem li biex nerġgħu nibnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, irridu nsolvu s-sitwazzjoni ta’ Malta. Irridu nfejqu l-weġgħat tal-pajjiż. Jien bħala kirurgu għamilt ħajti fejn nara l-mard naqta’, kultant kontra qalbi għax tkun qed taqta’ parti mill-ġisem, anke ta’ tarbija għax jien kontra nopera fuq it-tfal. Però, jekk ma tagħmilx hekk tmut it-tarbija kollha. Aħna għandna bżonn id b’saħħitha, id soda li tnaddaf u taqta’ fejn hemm bżonn biex insalvaw u nkabbru l-partit u l-pajjiż. Jien konvint li ladarba flimkien mas-soċjetà kollha, b’Partit Laburista magħqud u b’saħħtu nagħmlu t-tibdil li għandna bżonn nagħmlu, allura r-reputazzjoni ta’ Malta se terġa’ tiġi fejn suppost, se nerġgħu nkunu lkoll kburin li aħna Maltin u li aħna Laburisti. 

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0