Xogħol pirotekniku taċ-Ċintura fil-festa ta’ Viagrande fi Sqallija

  • Diċ 24, 2019 00:51
  • Miktub minn iNews

    Għall-ewwel darba se jesebixxu l-ħila artistika tagħhom barra minn xtutna…

    L-oriġinalità, l-artistrija, l-eżattezza u l-professjonalità fix-xogħol pirotekniku maħdum mill-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ tal-Gudja huma magħrufin sew, u jispikkaw kemm mad-dilettanti kif ukoll ma’ dawk kollha li kellhom ix-xorti li jaraw u jassistu għal-logħob tan-nar li jinħaraq bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru kemm fil-festa titulari ta’ Santa Marija kif ukoll dik tal-Madonna taċ-Ċintura ċċelebrati fil-Gudja.

    Il-ħila, il-passjoni u l-kapaċità fl-arti piroteknika spikkaw sew matul it-tnax-il xahar li għaddew u li kienu kkaratterizzati minn attivitajiet u inizjattivi li bħalhom ftit jew xejn raw ir-residenti Gudjani. Dan sar billi l-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ kellha sehem attiv fis-suċċess miksub tul il-programm estensiv ta’ ċelebrazzjonijiet li ġew organizzati din is-sena biex ifakkru kif jixraq il-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta u l-75 sena mill-ħolqien tal-Banda tagħha.

    L-isem tajjeb li jgawdu l-pirotekniċi fi ħdan l-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ kompla jiġi kkonfermat meta sar magħruf li, b’kollaborazzjoni ma’ BG Malta Fireworks Display, ġew mistiedna ġewwa Sqallija biex jesebixxu xogħlijiet pirotekniċi spettakolari tagħhom. 

    “Ma nistgħux nibdew is-sena l-ġdida aħjar milli sejrin nibdewha. Huwa unur għalina lkoll li issa mhux biss sejrin inpaxxu lill- Maltin imma anke lill-Isqallin, qal il-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, is-Sur Omar Xuereb, waqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu u ta’ sħabu kollha li għall-ewwel darba, pirotekniċi mill-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ sejrin jesebixxu xogħijiet minn tagħhom barra minn xtutna.

    Huma sejrin jagħmlu dan fil-festa titulari ta’ San Mauro Abbati, l-qaddis patrun tar-raħal pittoresk ta’ Viagrande fil-provinċja ta’ Katanja, Sqallija, li tiġi ċċelebrata bejn l-1 u t-12 ta’ Jannar. Il-kult ta’ San Mauro ilu miżmum b’għożża kbira sa mill-introduzzjoni tiegħu mill-patrijiet Benedittini f’nofs s-seklu sbatax. 

    F’dokument storiku ppubblikat fl-1875 jingħad li l-qaddis “ingħażel 200 sena ilu minn raġel li kien qed isofri minn gotta..” u għal din ir-raġuni r-residenti ta’ Viagrande bdew jivveneraw lil San Mauro “għall-ħafna grazzji li nqalgħu lill-fidili bl-inteċessjoni tiegħu”. U minn dakinhar il-festa tiegħu bdiet tkun iċċelebrata b’sollenità partikolari kif għadha sal-lum il-ġurnata.

    Iċ-ċelebrazzjonijiet organizzati f‘ġieħ San Mauro Abbati huma varji u mfittxija ħafna, tant li din il-festa hija waħda mill-aktar sabiħa u parteċipattiva fil-Lvant ta’ Sqallija. F’kull ġurnata tal-programm tal-festa jsiru funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet differenti li jieħdu ħsiebhom gruppi parrokkjali speċifiċi. F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jispikka b’mod partikolari s-sehem taż-żgħażagħ, waqt li waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali huwa x-xogħol pirotekniku li jinħaraq f’kull serata tal-programm tal-festa.

    Il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’, fergħa importanti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, sejrin jieħdu sehem fl-attivitajiet festivi li se jkunu organizzati nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar, 2020.  Fost oħrajn huma sejrin jesebixxu għadd ta’ rdieden mekkaniċi li għandhom joffru spettaklu ta’ arti mill-isbaħ maħluqa minn nar ikkulurit.

    Għal din l-okkażjoni storika għar-raħal tal-Gudja qed tingħata l-opportunità biex dawk il-partitarji u dilettanti tal-logħob tan-nar  interessati jingħaqdu f’din l-avventura mar-rappreżentanti tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’. Kull min jixtieq aktar dettalji, huwa mitlub jirrikorri l-Każin tal-Banda Marija Assunta jew javviċina lis-Sur Steve Buttigieg.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0