“Nagħlaq kif bdejt ... Inħobbkom!”

  • Jan 10, 2020 19:29
  • Miktub minn iNews

    Muscat beda biex jindirizza l-folla f’Raħal ġdid billi jirringrazzja lil dawk kollha li matul dan il-vjaġġ tiegħu kienu miegħu.

    Muscat tkellem dwar żagħżugħ ta’ 34 sena li beda biex jindirizza folla li dehret imħassba jekk kienx possibbli li jwettaq dak li wettaq. Qal li hu kien qal li kien se jerbaħ, għax kien determinat u li minkejja dawk li llum il-ġurnata qed jifirħu, ma jistgħux jgħidu li rebħulu.

    Muscat qal li l-akbar dwejjaq tal-avversarji politiċi kienet li Malta bdiet sejra ‘l quddiem. Muscat qal li l-firda li qed jippruvaw idaħħlu f’pajjiżna jeħtieġ li “nibqgħu niġġildulha għax aħna se nkomplu nkunu l-moviment tal-għaqda”.

    Muscat qal l-unika tama li għandha l-oppożizzjoni hija li ddaħħal il-feles tal-firda u l-mibegħda, imma dan mhux se jseħħ għax il-Partit Laburista huwa wieħed pożittiv u li se jkompli joħloq il-ġid. Kompla biex jgħid li hu għamel dan il-pass biex iżomm l-għaqda.

    "Tliet mexxejja tal-PN kontra tifel li kellhom jerbħulu bla diffikultà, iżda kollha kemm huma f’daqqa ma rnexxilhomx inaqqsu mill-maġġoranza ta’ dan il-moviment." Kompla Muscat. Qal li dan kollu seħħ sa minn żmien l-oppożizzjoni, anzi l-oppożizzjoni għen biex iddur ir-rotta għall-aħjar.

    Muscat qal li Malta u Għawdex taf li bwiethom intlaqtu b’mod pożittiv. Tkellem ukoll dwar middle class ġdida u li bl-entusjażmu dan il-gvern għeleb id-dejn u d-diffikultajiet tal-gvern preċedenti. "Is-suċċessi li nkisbu ma kinux il-frott tal-jiena, iżda l-frott tal-aħna u grazzi wkoll għall-bżulija tal-poplu." Kompla Muscat.

    Rigward ix-xogħol, Muscat qal li saret rivoluzzjoni siekta biex illum hawn l-anqas rata ta' qagħad, b'dawk li jħaddmu jfittxu l-ħaddiema u mhux bil-kontra.

    Muscat ħeġġeġ lil Chris Fearne u lil Robert Abela biex min minnhom jintagħżel bħala mexxej, ikompli jgħin fiż-żieda tal-penjonijiet. 

    Dwar l-ekonomija, Muscat qal li ftit jitkellmu dwar żmien tant twil ta’ paċi industrijali bejn min iħaddem u min jaħdem b’alleanza strateġika fejn tidħol l-għaqda fil-post tax-xogħol.

    Muscat qal li jeħtieġ li nibqgħu noħolmu lkoll flimkien għax meta l-PL ħolom Malta dejjem imxiet ‘il quddiem. Qal li l-aqwa żmien se jkompli u li jemmen li baqagħlu ħafna biex jintemm.

    Tkellem dwar il-mumenti li mlewlu qalbu bil-kuraġġ, ġenituri li kellhom tarbija bl-ivf, koppji gay li resqu biex jirringrazzjawh li fl-aħħar setgħu joħorġu fil-beraħ u jħossuhom aċċettati bid-drittijiet li jixirqilhom, dik il-koppja li ħassew kuraġġfl-għotja ta' €10,000 li kien kapaċi joffri dan il-gvern lill-koppji li jaddottaw u dik it-tfajla li setgħet tkompli bl-istudji tagħha fuq livell terzjarju grazzi għaċ-childcare bla ħlas fost miżuri oħra.

    Muscat qal li għażel li ma jmexxix bil-Facebook u li l-Prim Ministru qiegħed hemm biex jiddeċiedi għall-aħjar tal-pajjiż mhux għall-aħjar tiegħu. Qal li konxjament kien jaf li l-kritika se tiħrax mas-suċċessi, iżda iddispjaċih li din il-kritika dahret għal attakki fuq familtu u ħbieb tiegħu. Muscat qal li wara dan kollu kien hemm l-għatx għall-poter u li dawn in-nies "kattivi" ma jixirqilhomx jgħidu li huma politiċi. Muscat għażel li ħafna drabi jaqla' d-daqqiet mingħajr ma jirribatti, iżda tawh kemm tawh fuq "ġilda xierfa" qatt ma' rebħulu. Sostna li b'Robert u Chris il-partit se jibqa' rebbieħ.

    “Kien hemm min staqsieni fejn sejjer, żgur mhux mal-PN … Mhux se nkun fuq quddiem u mhux se tarawni ħafna iżda l-impenn politiku tiegħi għalissa se jkompli wkoll fil-Parlament.” Kompla Muscat.

    Fejn jidħlu dispjaċiri, Muscat qal li għalkemm ġarrab mumenti diffiċli mill-pinna ta’ Daphne Caruana Galizia, hu jiddispjaċih għall-mewt tagħha anke jekk ħallas l-akbar prezz politiku biex jissolva l-każ tal-qtil tagħha. Qal li hu kburi li dan il-każ issolva taħt it-tmexxija tiegħu u minkejja li sofra ħafna, qatt ma seta' jsofri daqskemm sofriet il-familja bit-telfa tagħha.

    Huwa rringrazzja lil Michelle u ddeskrivieha bħala s-sinsla tiegħu meta hu kien dgħajjef. Qal li jħares 'il quddiem biex ikollhom aktar ħin flimkien anke jekk jinsab ċert li hi se tibqa' tgħin. Irringrazzja lill-ġenituri tiegħu li rabbewh u inkwetaw għalih, iżda fuq kollox liż-żewġ uliedu li bdew miegħu din it-triq minn trabi ta' ftit xhur. Muscat qal li sfortunatament anke uliedu sfaw fil-mira tal-attakki għax kienu jafu li lilu ma setgħux ikissruh.

    Muscat qal li hu kburi li żamm kelmtu u jrid itemm eżatt kif beda, dak li verament iħoss għal Maltin u l-Għawdxin... "inħobbkom".

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0