Tispikka fl-immudellar minkejja l-ADHD

  • Jan 14, 2020 08:14
  • Miktub minn Christian Muscat

    Jaelle Micallef - mudella ewlenija f'pajjiżna u li fil-passat kienet tispikka fil-basketball ma' Starlites. Minkejja l-kundizzjoni tal-ADHD, hi qatt ma ħalliet din ittelifha anzi d-determinazjoni tal-azzar tagħha dejjem xprunatha biex tkompli tavvanza fil-ħajja.

     

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

    Niftakar li kelli dawk is-sitt snin u kienu ġew ġirien ġodda jgħixu ħdejna. It-tifla tal-ġara kienet tilgħab il-basketball ma’ Naxxar. Wara li għamilt ħabiba magħha ħajritni sabiex nibda ninżel magħhom. Wara kollox kemm ommi kif ukoll missieri xtaqu jdaħħluni f’xi sport. U kien għalhekk li wara ftit żmien bdejt nilgħab il-basketball ma’ Starlites. 

    Tista’ tgħid li mal-ewwel qbadt ir-rutina fejn barra l-iskola u x-xogħol tad-dar kelli wkoll is-sessjonijiet ta’ taħriġ. Tgħallimt inqum kmieni filgħodu sabiex nidra din l-istess rutina. Kont għadni żgħira iżda sibt għajnuna kbira mingħand il-ġenituri. Bdejt ninduna wkoll li meta ġieli jiġu dawk il-ġranet ħżiena, l-isport kien jgħinni sabiex nikkalma. Terġa’ u tgħid jien ridt naħli ħafna enerġija minħabba li jien ADHD. Dan kollu għadu jeffettwani s’issa. Għal bidu ma ridtx naċċetta li kont daqshekk enerġetika. L-iskola hemm min ma jarahiex normali. Iżda bl-isport fin-nofs, l-affarijiet inbidlu għall-aħjar. Imn’Alla kien il-basketball!

     

    Kellimni dwar l-unuri li rbaħt ma’ Starlites. 

    Ma’ Starlites tista’ tgħid li mort tajjeb ħafna. Fis-sena 2015 kont qiegħda għall-ewwel darba fit-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena. Starlites kienu strumentali sabiex wasalt biex nirrapreżenta lil pajjiżi. Konna tlajna Andorra u ġejna fit-tielet post u ħadna l-midalja tal-bronż. 

    Biex inkun għedt il-verita’ kelli diġa’ iċ-ċans nagħmilha ma’ Malta ftit tax-xhur qabel iżda kellhom jagħżlu bejni u bejn oħra u kienu għażlu lilha. Jien ma qtajtx qalbi anzi ħdimt iktar sabiex nintgħażeldarb’oħra u hekk ġara. 

     

    Wara l-basketball int dort għall-immudellar. X’kienet ir-raġuni għal din il-bidla?

    Fir-realtà, bqajt nipprattika l-isport u sibt ukoll ħin biex nesperimenta dan is-settur li kien totalment ġdid għalija. Jien minni bħala karattru li nħobb nipprova xi ħaġa ġdida. U għalhekk kont applikajt għall-kompetizzjoni ta’ Miss Universe. Bil-mod il-mod bdejt narani navvanza f’dan il-qasam tant li ġietni wkoll l-opportunita’ li nidħol nimmudella għall-programm Venere li jixxandar fl-istazzjon nazzjonali. Il-kunjata tiegħi ħeġġitni ħafna u għalkemm ma kinitx faċli tajt l-almu tiegħi. Għall-bidu verament ħassejtha diffiċli għax kienu affarijiet totalment ġodda għalija, u għalkemm din l-industrija meta tkun fuq livell professjonali, tidher li hija sempliċi, fir-realtà mhi sempliċi xejn. Kont fortunata li kelli l-aqwa nies ta' din l-industrija jgħallmuni. Il-fatt hu li rabbejt kunfidenza fija nnifsi, u bħall-isport din l-industrija għandha d-dixxiplini tagħha wkoll.

     

    Semmejt li int għandek l-ADHD. Tara li għad hemm stigma jew taboo dwar dan is-suġġett? 

    Min ma jkunx jaf dwar dawn iċ-ċirkostanzi, sew bħal tiegħi u sew bħall-għexieren oħra li jeżistu jaħseb li din hija xi ħaġa ta' barra minn hawn, u bniedem li mhux mgħarraf huwa l-bniedem li jikkrea t-taboo. Ir-realtà hi li ħadd mhu perfett u kulħadd għandu xi ċirkostanza li ttellef jew lilu jew lil ta' madwaru, però l-vantaġġ hu li llum tant hawn nies speċjalizzati fuq kull qasam li qed insemmu, li meta l-għajnuna tagħhom tkun offruta, tagħmel il-ħajja ta' ħaddiehor u / jew ta' min hu nvolut aktar komda. Però, jibqa' l-fatt li hawn bżonn ta' aktar edukazzjoni u għarfien.

     

    Taqbel li l-immudellar huwa riservat biss għal min għandu figura rqiqa jew inkella anke min ikollu persuna qawwija jista’ jimraħ f’dan il-qasam?

    Ovvjament li iva. Kulħadd għandu dritt jieħu sehem f’dan is settur. Meta qed nitkellmu fuq immudellar, irridu nagħmlu distinzjoni bejn konkorsi tas-sbuħija u moda professjonali. Ir-realtà hi li konkorsi tas-sbuħija hawn għal min għandu figura mimlija wkoll u fejn tidħol il-moda tal-“catwalk”, hemm ħwejjeġ li jkunu magħmulin għal min għandu figuri differenti, u għaldaqstant il-mudelli jkunu addattati għall-ħwejjeg li jkunu qed jiġu esposti. Però, tajjeb illi wieħed iżomm f’moħħu, li għalkemm kulħadd għandu jkun kunfidenti bil-figura tiegħu, irridu nammettu li l-piż żejjed huwa ta' ħsara għas- saħħa, u eżerċizzju, ikel u t-tip ta' ħajja li ngħixu għandhom ikunu tajjeb mhux għall-figura biss, però anke għal saħħitna.

     

    Kif kienet din l-esperjenza ta’ Miss Universe?

    Kienet esperjenza differenti li fiha għamilt ħbieb ġodda, u kont parti minn ċerti attivitajiet li kienu ġodda għalija. Finalment, jibqa' l-fatt li din kienet kompetizzjoni, u għalkemm ma rbaħt xejn, kienet esperjenza sabiħa.

     

    Nixtieqek tgħaddili messaġġ lil min qed jaqra din l-intervista dwar l-importanza tal-isport u li tiżviluppa t-talenti li jkollok. 

    L-isport huwa importanti mmens speċjalment meta jibdewh minn età żgħira. L-isport mhux biss iżommok attiv, iżda permezz tiegħu tagħmel ħbieb ġodda, ħbieb li magħhom tibni relazzjoni, u fid- dinja tal-lum, li l-eżerċizzju fiżiku huwa limitat, minħabba logħob tal-kompjuter, tablets u affarijiet li jżommu lit-tfal u liż-żgħażagħ imwaħħlin mal-iskrivanija u s-salott, l-isport huwa mezz ta' kif bniedem jista' jżomm attiv, jimla l-ħin tiegħu b’xi ħaġa ta' ġid, u jżommok bogħod minn ħafna vizzji.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook