Il-bejgħ f’Jannar huwa ferm aħjar minn dak mistenni

  • Jan 14, 2020 08:59
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Il-GRTU tgħid li n-negozji qegħdin jirkupraw minn dak li tilfu

    Fil-bidu ta’ dan ix-xahar bdew is-sales u ċerti negozji saħansitra ddeċidew li jibdewhom mis-26 ta’ Diċembru. Is-sales xi ftit jew wisq jaffettwaw in-negozji kollha. Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs (GRTU), qalet lil L-ORIZZONT li dawk in-negozji li jagħmlu s-sales qalulhom li l-bejgħ sejjer tajjeb u li qiegħed jilħaq l-aspettattivi tagħhom. Saħansitra hemm negozji li l-bejgħ f’Jannar għalihom huwa ferm aħjar minn dak li kienu qegħdin jistennew tant li rkupraw ftit min dak li ntilef bejn l-aħħar ta’ Novembru u nofs Diċembru tas-sena l-oħra.

    Mamo qalet li hemm negozji li tradizzjonalment ma jagħmlux sales u l-bejgħ ikun beda għaddej b’ritmu baxx kif ikun diġà proġettat għax “il-komdu ‘Marie’ ikun qiegħed jikkonċentra x-xiri tiegħu fuq d-discounts”. Dawn in-negozji sostnew li l-bejgħ tagħhom huwa skond kif mistenni, jew ftit inqas mill-aspettattivi li kellhom.

    Mistoqsija dwar kif marru n-negozji fi żmien il-festi, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU qalet li, “fis-snin li għaddew mill-istudji li bħala Malta Chamber of SMEs (GRTU) għamilna, jirriżulta li l-konsumatur Malti kien jibda jixtri r-rigali tal-Milied minn kmieni u fl-aħħar snin jindika li dan kien qiegħed jibda minn Black Friday u jibqa’ sejjer b’ritmu tajjeb ħafna sal-Milied. Din is-sena rajna xenarju differenti u dan speċjalment minħabba l-instabbiltà politika li kellna fil-pajjiż mit-tieni nofs ta’ Novembru ‘l quddiem”. 

    Hija qalet li dan wassal biex il-konsumaturi kienu aktar aljenati u damu ma daħlu fl-ispirtu tal-Milied u għalhekk il-bejgħ beda jiżdied aktar tard mis-soltu, bil-qofol jintlaħaq fil-ġranet eqreb lejn il-Milied. Fil-fatt mill-indikazzjonijiet li għandha l-GRTU jidher li bl-ammont ta’ bejgħ fil-ġranet qrib il-Milied u fil-ġimgħa wara l-Milied u l-Ewwel tas-Sena, il-bejgħ irkupra tajjeb. Mamo żiedet tgħid li dan ma jfissirx li n-negozji rkupraw dak li ntilef fil-ġimgħat ta’ qabel għax huwa diffiċli ħafna jirkupraw kompletament dak li jkunu tilfu.

    Il-Kap Eżekuttiv tkellmet ukoll dwar il-kompetizzjoni b’saħħitha li n-negozju Malti qiegħed jiffaċċja minħabba x-xiri fuq l-Internet fejn ta’ kull sena qiegħed dejjem isir popolari fost il-konsumaturi Maltin. “Dan jaffettwa mija fil-mija l-bejgħ lokali li qegħdin nitilfuh ta’ kull sena. In-negozji Maltin għandhom din ir-realtà quddiemhom u importanti li jaraw kif jibqgħu kompettivi f’dan is-suq miftuħ”.

    Il-Malta Chamber of SMEs (GRTU) bħalissa bdiet studju dettaljat dwar in-negozju matul l-2019 u b’mod partikolari l-bejgħ matul il-festi u fl-ewwel jiem ta’ Jannar. Ir-riżultat dettaljat mistenni jkun ippreżentat fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0