Vizjoni 2020 għal Teatru Malta

  • Jan 14, 2020 09:41
  • Miktub minn iNews

    Interrogazzjoni, attakk ta’ xorti ħażina, wirja dwar l-aħħar għaxar snin ta’ xenografija f’Malta u r-ritorn ta’ festival tat-tfal huma biss parti mill-istaġun ġdid u eċċitanti mniedi minn Teatru Malta lbieraħ filgħaxija waqt il-ftuħ uffiċjali ta’ XENI fi Spazju Kreattiv.

    Issa drajna li Teatru Malta jagħmlu kollox b’mod differenti. Fil-fatt, il-mudell li għażlu għall-brand tagħhom tal-2020 huwa Lorenzo, Kelb tal-Fenek. Il-kelb qiegħed fuq il-faċċata tal-programm li jagħmel referenzi għall-Kelb tal-Fenek bħala l-Kelb Nazzjonali ta’ Malta, bħalma Teatru Malta hija l-Kumpanija Teatrali Nazzjonali.

    Il-programm tal-istaġun li jmiss għal Jannar sa April, se jkun l-ewwel wieħed minn tliet programmi staġjonali li jitniedu fl-2020 mill-kumpanija tat-Teatru Nazzjonali. Waqt l-avveniment, id-Direttur Artistiku, Sean Buhagiar spjega li minn din is-sena, Teatru Malta se tfassal il-pjanijiet tal-programm tagħha kull erba' xhur biex b'hekk ikollha tliet tnedijiet staġjonali minflok it-tnedija annwali tas-soltu. "B'dan il-mod se jirnexxielna nkunu aktar flessibbli, urġenti, fuq il-polz ta' dak li trid l-udjenza u dak li qed jiġri madwarna," qal Buhagiar.

    Is-serata mmarkat ukoll il-ftuħ tal-wirja retrospettiva tant mistennija XENI, proġett li jinkludi l-aħħar għaxar snin ta’ storja xenografika madwar il-Gżejjer Maltin. Il-wirja, l-ewwel waħda tax-xorti tagħha lokalment, hija kkurata mid-disinjatur tas-sett Taljan Romualdo Moretti u turi xogħlijiet ta’ disinjaturi u artisti viżwali bħal: Matthew Pandolfino, Austin Camilleri, Adrian Mamo, Claudio Apap, Andrew Borg Wirth u Moretti nnifsu, biex insemmu wħud minnhom. Xogħol imgħoddi minn total ta' 12-il artist se jkun qed jintwera fl-ispazji C1-C3 ta’ Spazju Kreattiv sat-23 ta' Frar li ġej. Moretti qal li XENI “hija l-bidu ta' vjaġġ twil fid-dinja tal-ispettaklu''. Huwa proġett ambizzjuż li se jinkludi tliet workshops dwar id-disinn u l-pittura tas-sett, u d-disinn tad-dawl fuq il-palk flimkien ma' żewġ taħdidiet biex iżidu l-għerf u l-għarfien dwar is-suġġett tax-xenografija. Iżjed dettalji dwar il-workshops u kif wieħed għandu japplika jinstabu fuq il-websajt ta’ Teatru Malta. Fadal biss ftit postijiet.

    L-ewwel produzzjoni ta' Teatru Malta għall-2020 hija L-Interrogazzjoni, l-aktar xogħol reċenti tal-kittieb Alfred Buttigieg, li se jittella' fis-salott ta' villa f'Ħal Għargħur, bid-direzzjoni ta' Lee-N Abela fi Frar li ġej. Dan it-thriller dwar il-kriminalità se jurina taqbida bejn żewġ nisa maħbubin li se jinterpretaw l-atturi bravi Clare Agius u Angele Galea. Is-sid se tkun qed toffri lill-udjenza t-te u l-inbid u se ssajjar pranzu speċjali għal Jum San Valentinu! A Stroke of Bad Luck, dramm li jmissilna qalbna, dwar il-ħajja vera ta' Collin Willis, se jirritorna għall-palk tal-Club Room fl-MADC f'April, wara li kellu jiġi pospost is-sena l-oħra. Mill-banda l-oħra, il-Festival tat-Tfal Trikki Trakki ħabbar lil Simon Bartolo, Clive Piscopo, Isabelle Gatt, Denise Mulholland, Nicole Cuschieri u Chris Gatt bħala diretturi tal-palk tal-iskejjel u se jerġa’ jkollu lil Antonella Axisa fuq it-tmun, bħala d-direttriċi tal-festival għat-tielet sena f’Marzu! Il-produzzjoni reċenti Ħax-Xjuħ se tiġi żviluppata fi klabb għan-nies li għandhom 60 sena jew aktar bil-għan li jħeġġeġ lill-membri jsiru aktar attivi teatralment. Fil-Belt se jkun hemm sorpriżi sporadiċi fil-forma ta’ spettakli ta’ Xilallu, proġett tat-teatru tat-triq u l-parkour li beda fl-2019 u li huwa mmirat lejn il-postijiet fejn jinġabru ż-żgħażagħ tagħna fil-Belt Kapitali.

    Bħala parti mill-impenn lejn l-Emerġenza Nazzjonali dwar il-Klima, Buhagiar tenna li Teatru Malta se ssir veġetarjana! Mill-2020 ’il quddiem, waqt l-avvenimenti kollha se jkun offrut ikel veġetarjan.

    Għal aktar tagħrif dwar il-programm tal-istaġun Jannar-April 2020 ta’ Teatru Malta, żur teatrumalta.org.mt illum stess.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0