AĠĠORNAT: Tkompli l-kawża kostituzzjonali miftuħa minn Yorgen Fenech… Arnaud jgħid li s'issa ma ġietx użata l-offerta tal-FBI biex jillokalizzaw il-mobile ta' Keith Schembri

  • Jan 14, 2020 10:49
  • Miktub minn iNews

    12.02: Arnaud xehed ukoll li qabel Ottubru kellu żewġ laqgħat mal-familja Caruana Galizia dwar il-każ tal-aħwa Degiorgio. Qal li dawn ġew aġġornati dwar il-progress tal-investigazzjoni. 

    Mistoqsi jekk kienx irċieva xi lmenti min-naħa tal-familja, qal li l-kontra għax Peter Caruana Galizia riedu jkompli. 

    Arnaud qal li mir-rekordings jidher li Yorgen Fenech tkellem ma’ Melvin Theuma dwar il-maħra u semma lilu. Arnaud saħaq li kull darba li kellem lil Fenech kien hemm avukat preżenti. 

    Il-Maġistrat staqsiet lil Arnaud dwar jekk l-FBI ġietx mitluba tillokalizza l-mobile ta’ Keith Schembri. Hu sostna li kienu ddiskutewha iżda ma staqsewhomx peress li l-Europol kienu qegħdin jinvestigaw id-data. Madankollu, qal li dik il-possibbiltà qiegħda tiġi esplorata. Sal-lum, l-offerta tal-FBI għadha ma ttiħditx. Madankollu, il-Pulizija qiegħda tesplora kull possibbiltà. 

    Il-każ ikompli fil-11 ta' Frar fid-9.00 a.m. 

    11.52: L-avukat tal-Istat, Victoria Buttigieg qiegħda tistaqsi dwar id-dati tal-arresti kif imsemmijin fir-rekordings u fil-ħruġ tal-informazzjoni. 

    Arnaud qal li ma jissemmewx dati fir-rekordings, iżda semma laqgħa ma’ Vince Muscat u mal-Ministru. 

    Sostna wkoll li mill-15 ta’ Novembru daħlet ħafna informazzjoni u għalhekk it-task force ġiet estiża biex tinkludi l-Economic Crimes Unit li qegħdin jinvestigaw ukoll il-ħruġ tal-informazzjoni. 

    It-tim ta’ Arnaud qed jinvestigaw il-qtil u mhux il-ħruġ tal-informazzjoni. Qal ukoll li safejn jaf hu l-investigazzjoni dwar il-ħruġ ta’ informazzjoni għadha għaddejja. 

     

    11.31: Arnaud qal li fl-artiklu ta’ The Times issemma negozjant prominenti u minn hemm is-suspett waqa’ fuq Yorgen Fenech. Qal li l-ewwel suspettat kien Melvin Theuma, iżda warajh kien hemm Yorgen Fenech. 

    Spjega li dan intqal fil-laqgħa f’Kastilja u anke ngħata aġġornament lill-maġistrat. Sostna li l-istorja ta’ The Times ħarġet wara li l-Pulizija kkuntattjaw lill-Europol bil-pjan li jsegwu r-rotta tal-ħasil tal-flus. Arnaud qal li kkuntattjaw lill-gazzettta u qalulha li kienu se jagħmlu ħsara lill-investigazzjoni. 

     

    11.23: Il-kuntistabbli Victor Gafa jitla’ jixhed u jippreżenta l-provi dwar meta Fenech kien arrestat fil-lockup. Mistoqsi dwar jekk kienx hemm rendikont meta Arnaud kien iżuru, ix-xhud qal li m’għandux dik l-informazzjoni. 

    Telgħet tixhed issa Rachel Powell minn Infrastructure Malta. Hi qed tispjega l-proċess biex jiddaħħlu n-nies jaħdmu mal-aġenzija. Spjegat li s-sejħa ta’ JobsPlus kienet miftuħa għal seba’ persuni eliġibbli. Qalet li ħadd ma applika u għalhekk għamlu sejħa miftuħa. Qal li fost dawk li applikaw kien hemm persuna li ma jistgħux isemmuha. Saret intervista quddiem bord ta’ selezzjoni u din il-persuna ġiet impjegata. Fuq il-bord kien hemm Henry Attard, Christine Friggieri u Marthese Zahra. 

    Issa se jixhed Keith Arnaud. Hu spjega li kienu hu u Kurt Zahra li mexxew l-investigazzjonijiet u mbagħad kien hemm oħrajn li assistewhom. Qal li l-Europol dejjem kienu Malta biex jassistu, għalkemm stqarr li dawn qatt ma attendew laqgħat fejn kien jiġi aġġornat il-Prim Ministru. 

    Rigward l-FBI, Arnaud qal li s-Cellular Analysis Team li assistihom. Għenuhom jiġbru l-informazzjoni ċellulari mit-torrijiet u mbagħad il-Europol għenihom janalizzaw id-data. Arnaud qal li l-investigaturi Maltin għamlu investigazzjoni bħal din b’mod parallel u din għadha għaddejja. 

    Dwar it-task force, Arnaud qal li din kienet tikkonsisti minn tmienja sa għaxar persuni. Qal li Melvyn Theuma kellu rwol pimarju għax kienu jemmnu li jekk jaqbdu lilu se jaqbdu lil min kien fuqu. 

    Arnaud spjega li ma setax imur jarresta lil Yorgen Fenech għax xi ħadd semmieh fuq it-telefon. Mistoqsi dwar jekk kienx qed jinforma lill-Maġistrat bl-iżviluppi, Arnaud qal li ta preżentazzjoni lill-Maġistrat Anthony Vella u mbagħad lil Neville Camilleri. Qal li l-Pulizija użat ir-rekordings ta’ Theuma wara li ġie arrestat. 

    Rigward ir-rekordings, Arnaud qal li dawn ġew analizzati u staqsewh dwarhom. Staqsewh x’kienu jfissru fir-rigward ta’ Keith Schembri u għamlu dan fuq diversi ġranet. Qal li l-istess sar ma’ Fenech. 

    Dwar Theuma, Arnaud qal li kellhom xi sitt sessjonijiet miegħu. Qal li kien qed isemmi lil Schembri l-ħin kollu. Dwar Fenech, hu qal li dan l-ewwel ikkorrabora dak li qal Theuma iżda mbagħad beda jsemmi lil Keith Schembri wara li l-ewwel talba għal maħfra presidenzjali ma ġietx milqugħa. Qal li Fenech kompla jżid mal-verżjoni u stqarr li hu kien iżuru sikwit u jistaqsih jekk għandux xi jżid. Sostna li Fenech baqa’ jsemmi aktar nies u ta aktar informazzjoni dwar Theuma. Qal li kienet stramba li Fenech ma qalx kollox lill-Pulizija mal-ewwel. 

    Keith Arnaud spjega li Yorgen Fenech tħalla jisma’ rekording minnhom minħabba li kienu qegħdin jaħdmu kontra l-ħin. Barra minn hekk, qal li. taw kopja tal-ittra u r-ritratt ta’ Keith Schembri ma’ Melvin Theuma lil Fenech. 

    Arnaud qal li saret laqgħa mas-servizz tas-sigrtà qabel ma seħħew l-arresti f’Diċembru. Fih kien hemm preżenti uffiċjali tal-FAM. Dwar il-laqgħat f’Kastilja, Arnaud spjega li kienu jkunu dwar l-aspett operattiv u. għalhekk preżenti kien ikun hemm anke l-avukat ġenerali u xi drabi l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Semma li darba l-Prim Ministru qalilhom biex jagħmlu li jistgħu biex isaħħu l-informazzjoni li kellhom f’idhom. 

    Il-Maġistrat staqsa dwar ħruġ ta’ informazzjoni mal-gazzetta The Times. Arnaud qal li kien qal lil The Times hu stess biex jevitaw li jfixklu x-xogħol tal-Pulizija. 

     

    Aktar kmieni: Dalgħodu qed jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar fil-kawża kostituzzjonali miftuħa minn Yorgen Fenech. Hu ġie mistoqsi x’jagħmlu l-Pulizija meta jinvestigaw omiċidju. 

    Hu spjega li ssoltu jmorru fuq il-post l-uffiċjali, tar-Rapid Intervention Unit u l-pulizija tad-distrett. Dawn jippreservaw ix-xena tar-reat u jagħmlu investigazzjonijiet preliminari. Wara jissejħu tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Krimianli u l-Iskwadra tal-Omiċidji. Qal li f’dan il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ssejħu wkoll il-Europol u l-esperti Olandiżi. 

    Cutajar qal li għal dan il-każ ħoloq żewġ skwadri; waħda tanalizza l-informazzjoni mill-pubbliku u oħra tinvestiga n-nies li għandhom konnessjoni mal-kawża. Qal ukoll li fiż-żewġ każi l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

    Il-Kummissarju qal li d-deputat Kummissarju ta’ qabel, Silvio Valletta kien jaġġornah regolarment. Barra minn hekk, spjega li hu kien jattendi għal; laqgħat regolari mal-Prim Ministru, Keith Schembri u kultant anke l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Qal li l-laqgħat kienu dwar il-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat. Dwar Arnaud, il-Kummissarju qal li dan kien ikun preżenti wkoll u għamel xogħol importanti.

    Kompla jispjega li ħadu d-deċiżjoni li jkomplu jiġbru l-informazzjoni. F’Marzu tal-2019 il-Europol tathom kopja tar-rapport tagħhom u f’Mejju taw aġġornament lill-Maġistrat. Qal li dan kien punt kruċjali, għalkemm fit-task force magħżula mhux kulħadd beda jaqbel kif kellhom jimxu ‘l quddiem. Kien hemm min kien tal-opinjoni li jarrestaw u jfittxu fl-istess ħin. Però, spjega li kieku sar hekk u ma sabu xejn, allura l-każ kien ikun ippreġudikat bla rimedju. 

    Cutajar qal li hu kien responsabbli mid-deċiżjoni li ma jagħmlux it-tfittxijiet u l-arresti. Minflok involva lill-Economic Crimes Unit biex jinvestigaw lil Melvyn Theuma dwar ħasil ta’ flus. Semma li fl-2018 kien tneħħa l-viċi-Kummissarju Valletta mill-investigazzjoni u hemm iddeċieda li jgħin fl-investigazzjoni biex ma jpoġġix piż fuq is-supretendenti. 

    Mistoqsi dwar jekk kienx hemm ħruġ ta’ informazzjoni, il-Kummissarju kkonferma li kien hemm u li ma sabux minn fejn kienu ġejjin. Qal ukoll li kienu Keith Arnaud u Kurt Zahra li investigaw minn fejn setgħet kienet qiegħda tinħareġ l-informazzjoni. 

    Intant, il-Kummissarju kien mistoqsi wkoll jekk kienx jaf li Keith Schembri kien qiegħed jiġi investigat ukoll meta kien qed jattendi l-laqgħat. Cutajar qal li l-involviment ta’ Schembri sar magħruf aktar tard. 

    Mistoqsi dwar ir-rekordings fejn jissemma Schembri, Cutajar qal li hu jħalli lill-investigauri jaħdmu fil-libertà. Qal li kien hemm il-Europol, il-Malta Security Services jinvestigaw. Sostna li hu ma jismax it-telefonati u r-rekordings kollha. Madankollu, hu qal li l-investigaturi qatt ma tawh xi rispons li Schembri kien persuna ta’ interess fl-investigazzjoni. 

    Il-Kummissarju spjega li waqt il-laqgħat kienu jiddiskutu l-aktar dwar il-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat. Mistoqsi mill-maġistrat jekk jafx li t-telefon ta’ Yorgen Fenech kien ittappjat, il-Kummissarju qal li sa dak iż-żmien ma kienx jaf. Hu stqarr li ma jafx b’rekording bejn Fenech u Schembri. Dwar ir-rekordings fejn jissemma ċertu “Kenneth mill-OPM” hu qal li dawk ġew wara u sabuhom fil-pussess ta’ Melvyn Theuma. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0